Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Racing Club — ħatra ta' manager

Question

Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar il-proċess tal-ħatra tal-manager tal-Malta Racing Club?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-persuna li qed taġixxi ta' amministratur fil-Malta Racing Club hija uffiċċjal pubbliku li ġie assenjat dan ix-xogħol wara li ċ-Chairman tal-Malta Racing Club talab li l-Kumitat konċernat ikollu l-assistenza ta' uffiċċjal pubbliku.

Ħal Lija — Skola primarja - twaqqigħ ta' ħajt

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex ħajt li waqa' fil-ground ta' l-iskola primarja ta' Ħal Lija jiġi rranġat?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt li l-ilment imqanqal mill-Onor. Membru jiġi investigat u jittieħdu l-passi skond il-ħtieġa.

Siġġiewi — Skola primarja

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fl-iskola primarja tas-Siġġiewi, wara li għadhom kemm tellgħu sular ieħor fuq dak eżistenti u allura komplew fuq l-istil antik ta’ l-iskola, issa li ġew għall-aperturi jien informat li dawn se jsiru ta’ l-aluminium? Jikkonferma l-Ministru li kienu diġa` bdew jinżebgħu l-aperturi l-antiki tas-sular ta' isfel iżda f'daqqa waħda ġiet xi ordni biex dawn ukoll jinqalgħu ħalli minflokhom isiru aperturi ta’ l-aluminium? Jista’ jgħid jekk dan kollu hux isir bil-permess tal-MEPA? Ma jaħsibx ukoll li dan kollu huwa ħela ta’ flus?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-aperturi ta' l-iskola Primarja tas-Siġġiewi ser jinbidlu u jitwaħħlu oħrajn ġodda ta' l-aluminium kulur aħdar, double glazed bi ħġieġ laminat kif titlob il-prassi f'bini pubbliku. Huwa minnu li kienu diga' bdew jinżebgħu xi aperturi antiki, meta sar evidenti li ħafna minnhom kienu fi stat ħażin ħafna. Barra minn hekk, ma kienx possibli li jinbidel il-ħġieġ antik għal ħġieġ laminat. F'dan l-istadju ittieħdet id-deċiżjoni li l-aperturi jinbidlu għal ta' l-aluminium. Il-permessi li ħarġet il-MEPA għall-estenzjoni ta' l-iskola kienet tinkludi permess li l-aperturi jsiru ta' l-aluminium. Għaldaqstant, dan l-intervent ser jirriżulta f'li l-aperturi kollha ikunu pariġġ. Billi l-aperturi kienu fi stat li ma setgħux jissewwew, ittieħdet id-deċiżjoni li jinbidlu għal aluminium, li huwa irħas milli kieku dawn saru mill-ġdid ta' l-injam. Sabiex intejbu l-ambjent intern, ġie deċiż li dawn isiru double glazed, filwaqt li l-ħġieġ sejjer ikun laminat għal raġunijiet ta' saħħa u sigurta'.

Kumitat olimpiku Malti — għajnuna finanzjarja

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4714 u cioe' jista' jgħid kemm kienet l-għajnuna finanzjarja minn naħa tal-gvern lill-kumitat olimpiku Malti f’dawn l-aħħar erba’ snin? Jista jgħid jekk il-gvern għandux informazzjoni dwar liema kienu dawk l-għaqdiet li bbenefikaw minn dawn l-għotjiet? Jekk iva, jista’ jgħid liema kienu u kemm ħadu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond ir-rekords miżmuma mid-Dipartiment ta' l-Isports, li issa ġie assorbit fil-Kunsill Malti għall-Isports, l-għajnuna mill-Gvern lill-Kumitat Olimpiku Malti kienet kif ġej : 2000 Lm 125,000 2001 Lm 157,000 2002 Lm 137,000 2003 Lm 200,000 Dawn l-ammonti informat li jinkludu valur ta' sħubija mogħtija lil numru ta' atleti fil-ġimnasju u għotjiet speċifiċi oħra. Iva l-Gvern ġie mogħti t-tagħrif dwar liema kienu dawk l-għaqdiet li ibbenifikaw minn dawn l-għotjiet. Iżda, peress li l-għotjiet li ngħataw jinkludu wkoll fondi li ġejjin minn sorsi mhux governattivi tal-Kumitat Olimpiku Malti, ser inpoġġi l-lista tal-għaqdiet konċernati fuq il-Mejda tal-Kamra mingħajr l-ammonti.

School development meetings — Facilitators/kindergarten assistants

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-facilitators u l-kindergarten assistants qed jitħallew barra mill-ischool development meetings li jsiru tlett darbiet fis-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kurrikulu Nazzjonali jagħmilha ċara li biex skola jkollha pjan ta' żvilupp kif suppost jeħtieġ li kull min hu nvolut fl-iskola jkun qed jieħu sehem fid-diskussjoni, t-tifsil u t-twettiq tal-pjan. Hu dmir tal-Kap li jara li t-Tim edukattiv kollu - għalliema, assistenti tal-kindergarten u facilitators kif ukoll ġenituri iħossuhom parti mill-iżvilupp kontinwu ta' l-iskola.

Edukazzjoni inklussiva

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jagħmlu l-istudju dwar proposti jew bidliet fl-edukazzjoni inklussiva? Jista' jgħid fiex waslet il-ħidma tagħhom u meta hu maħsub li dan ir-rapport isir pubbliku?

Response (GALEA, LOUIS)

Ir-review f'dan is-settur għadu ma bedhiex. It-termini ta' referenza huma lesti u dawn saru wara proċess ta' konsultazzjoni ma' diversi awtoritajiet u esperti fl-għalqa. Fl-istess ħin qed nevalwaw min għandhom ikunu n-nies li jiffurmaw parti minn dan ir-review. Huwa mportanti li min jagħmel din ir-review jikkontribwixxu b'mod oġġettiv f'dan l-eżerċizzju.

Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — Part-time clerks

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm part-time clerks mad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Jista' jgħid ukoll fejn qegħdin jaħdmu u x'inhuma l-kondizzjonijiet tagħhom? Jista' jgħid kemm hemm li jaħdmu extra hours jekk il-każ huwa hekk?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hemm bħalissa 147 skrivani part-time, li jinsabu mqassma fuq xogħol klerikali fid-diversi skejjel primarji, sekondarji Junior Lyceums ta' l-istat. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma kif spjegati fis-sejħiet għall-applikazzjonijiet li jiġu ippublikati fil-Gazzetta tal-Gvern minn żmien għal żmien. L-iskrivani part-time jaħdmu bejn 20 u 25 siegħa fil-ġimgħa, fil-ħinijiet tal-iskola. Huma intitolati għal-leave bi ħlas u leave għal-mard, benefiċċji oħra bħal leave għal-maternita', kif ukoll għal bonus annwali, l-ħlas supplimentari ta' kull ġimgħa fuq bażi prorata u f'każ li jlaħħqu 1040 siegħat fis-sena, jingħataw l-increments. L-ingaġġ tagħhom huwa ta' natura temporanja, u huma ma jaħdmux matul il-vaganzi, kollha jew parti, ta' l-iskola. F'każ li jkun hemm il-ħtieġa, Kap ta' l-iskola jista' jitlob sabiex jingħata l-permess biex iħaddem skrivan part-time 'extra hurs'.

Impjiegi — Ħaddiema li ngħataw is-sensja

Question

Billi saru diversi stqarrijiet min-naħa tal-Prim Ministru li diversi ħaddiema li ġew issensjati mill-azjendi u kumpanniji li kienu jaħdmu magħhom reġgħu ġew ingaġġati mill-istess ditti, jista' il-Ministru jagħti lista komprensiva - ditta b'ditta - ta' kemm issensjaw nies u kemm minnhom reġgħu ġew ingaġġati ma' l-istess kumpanniji?

Response (GALEA, LOUIS)

Jista' l-Onorevoli Ministru jindika għal liema perjodu jixtieq din l-informazzjoni.

Belt Valletta — Skola primarja ta' Sant'Iermu - komunikazzjoni permezz ta' e-mail

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol ta’ network li huwa meħtieġ għall-komunikazzjoni permezz ta’ l-email fl-iskola primarja ta’ Sant’ Iermu fil-Belt Valletta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol tan-network li hu meħtieġ għal komunikazzjoni permezz ta' l-email fl-iskola Primarja ta' Sant'Iermu fil-Belt Valletta kien komplut f'Ġunju tas-sena 2003.

Kunsill Malti għall-Isport

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm issellef flus il-kunsill Malti għall-isport mit-twaqqif tiegħu minn wara li għaddiet il-liġi dwar l-isport? Jekk fl-affermattiv, x’kien l-iskop għal dan is-self?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-Sports bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi issellef Lm250,000 fil-bidu ta' din is-sena. L-iskop tas-self kien biex jitħallsu l-kredituri li kellha il-Pixxina Nazzjonali qabel ġiet mogħddija lill-Kunsill Malti għall-Sports u l-kredituri tad-Dipartiment ta' l-Sports qabel ma' ġie xolt.

Kunsill Malti għall-Isport — Diretturi

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’xogħol qed jagħmlu d-diretturi li huma fil-bord tal-kunsill Malti għall-isport? Xi ħlas qed jieħdu kemm bħala diretturi kif ukoll għal ħidma oħra li jistgħu qed iwettqu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diretturi li huma fuq il-Bord tal-Kunsill Malti għall-Sports qed iwettqu dmirijiet skond il-Liġi ta' l-Isport. Il-ħlas tad-Diretturi huwa ta': Chairman - Lm6,000/sena Membri - Lm1,000/sena Ħidma oħra li mhux parti mill-obbligu tagħhom ta' Diretturi kien hemm:- Ms.Kethryn Borġ - Acting Facility Manager - Pixxina Nazzjonali - Lm583.33/xahar għal tlett xhur. Mr.Euchar Camilleri - Acting Facility Manager - Cottonera Sports Complex re-imbursement għal spejjeż ta' telekomunikazzjonijiet u transport - Lm400.00/sena.

Tal-Qroqq — Pixxina Nazzjonali

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kif qed titmexxa l-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq fil-preżent? Kemm hemm ħaddiema u x’inhu x-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid ukoll meta ġew impjegati dawn il-ħaddiema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Pixxina Nazzjonali qed titmexxa mill-KMS. Fil-preżent sakemm jinħatar Facililty Manager il-pixxina qed titmexxa minn Acting Manager. Kariga Nru Data ta' l-Ingaġġ Front Office Staff 3 29/03/2004 Maintenance 2 29/03/2004 Maintenance Assistant 1 29/03/2004 Gym Manager 1 29/03/2004 Sports Attendant 3 29/03/2004 Sports Attendant 1 19/01/2004 Sports Attendant 1 01/03/2004 Watchman 1 Pre-KMS 1998 Watchman 2 Pre-KMS 2001 Paint Room Operators 6 Pre-KMS 1993 Part Time Clerk 1 Pre-KMS 2003 Time Keeper 1 10/01/2004 (Maintenance Duties)

Tal-Qroqq — Pixxina Nazzjonali

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’xogħol sar jew qed isir mill-ewwel tas-sena sal-preżent fil-Pixxina Nazzjonali? Min qed jagħmel dan ix-xogħol, kemm se jigi jiswa u saret xi sejħa pubblika għal dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Ix-xogħol li sar u li qed isir mill-ewwel tas-sena sal-preżent fil-Pixxina Nazzjonali kien:- -Qlugħ ta' madum mill-art tal-Main Pool u minflok isir surface ġdid - Rea Ceramics -Irranġar ta' floodlighting - Ħaddiema tal-KMS -Irranġar tad-deckfloor - Ħaddiema tal-KMS -Roof maintenance ta' partijiet fl-East Block - Ħaddiema tal-KMS -Tibjid ta' dressing rooms - Ħaddiema tal-KMS -Tiswija ta' Gym Equipment - Skond l-oriġinal supplier Barra minn hekk il-Kunsill qed jagħmel evalwazzjoni dettaljata tal-bżonijiet ta' manteniment tal-Pixxina.

Tal-Qroqq — Pixxina Nazzjonali

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk il-Pixxina Nazzjonali tissellifx flus jew inkella tieħux biss il-fondi allokati lilha mill-Gvern ċentrali fil-budget? F’kaz li l-Pixxina tissellef, jista’ jgħid kemm isselfet f’dawn l-aħħar sentejn, x’inhi r-raġuni għal dan is-self u min ta l-awtorizzazzjoni tiegħu għal dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Pixxina Nazzjonali ma tisselifx flus iżda tingħata fondi allokati lilha mill-Gvern Ċentrali fil-budget. Il-Pixxina Nazzjonali b'effett mill-1 ta' Marzu 2004, ġiet mogħddija lill-Kunsill Malti għall-Isport.

Universita' — Gradwati fil-B.Ed.

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm għad fadal gradwati li ħadu l-B.Ed. is-sena li għaddiet li baqgħu ma ġewx impjegati bħala għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' persuni li gradwaw fil-B.Ed. is-sena li għaddiet u li għadhom jirreġistraw għax-xogħol huwa ta' 5.

UNIVERSITA' — KORSIJIET TA' M. PSYCH

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsiru l-korsijiet tal-M.Psych li hemm talba għalihom fl-Universita' ta' Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni lest biex tibda l-M.Psy f'Ottubru li ġej. Il-Fakulta' qablet li n-numru ta' parteċipanti fil-kors jitla' minn 9 għal 12 (4 f'kull speċjalizzazjoni - Psikoloġija Klinika, Psikoloġija Edukattiva u Counselling Psychology). Il-kors se jkun organizzat b'mod li anke jimpenja lill-parteċipanti f'lezzjonijiet wara l-ħamsa ta' filgħaxija.

UE — Tagħlim tal-Lingwi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa mill-ministeru u mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex pajjiżna jieħu sehem fil-pjan ta' azzjoni ta' tagħlim tal-lingwi 2004-2006 ta' l-Unjoni Ewropea, ibbażat fuq it-tagħlim ta' l-ilsien Malti, l-ilsien Ingliż u ilsien ieħor sa mill-Kindergarten?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li d-Dipartiment tal-Kurrikulu sejjer iniedi programm ta' Language Awareness. Matul is-sena skolastika 2003-2004 id-Dipartiment tal-Kurrikulu ħadem pjan biex ifassal strateġiji fuq il-politika tal-lingwi. Huwa maħsub li fl-iskejjel Primarji jsir proġett pilota fejn f'xi skejjel ser ikun hemm numru ta' taħdidiet u żjarat fiċ-Ċentri tal-Lingwi fi ħdan id-Dipartiment. Dan bl-iskop li eventwalment it-tfal jkunu jistgħu jagħmlu għażla iktar informata meta jiġu biex jagħżlu it-tielet/ir-raba' lingwa fil-livell Sekondarju. Il-ħsieb huwa li t-tfal ta' l-iskejjel Primarji jiġu esposti għal numru ta' lingwi b'mod uniformi. Il-lingwi li fuqhom ser jiffukaw huma l-Franċiż, l-Għarbi, l-Ġermaniż, it-Taljan u possibilment l-Ispanjol. Mhux maħsub f'dan l-istadju li jkun hemm tagħlim formali tat-tielet lingwa fl-iskejjel Primarji.

Arrow Pharm. Malta Ltd.

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kumpannija sussidjarja ta' l-arrow group, jiġifieri l-Arrow Pharm. Malta Ltd., bdietx l-operazzjoni tagħha f'Malta? Jista' jgħid meta u kemm qed timpjega ħaddiema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mir-records li għandha l-Korporazzjoni jirriżulta li l-kumpanija Arrow Pharm Malta Ltd tħaddem 28 impjegat. Fost dawn hemm 19-il raġel u 9 nisa. L-ewwel impjegat ġie irreġistrat fil-31 ta' Marzu 2003.

Musicians union — Uffiċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali tal-union tal-mużiċisti? Kemm-il darba iltaqa' magħhom? Meta saret l-aħħar laqgħa ġenerali annwali ta' din il-union? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' mużiċisti fully paid li jsostnu din il-union?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-uffiċjali tal-Unjin tal-Mużiċisti huma hekk : President - Val Valente Viċe President - Adrian Ebejer Teżorier - Alfred Ebejer Ass/Teżorier - Harry Edellston Ass/Segretarju - Alfred Żammit Public Relations - Serġio Micallef Membri - Emanuel Calleja George Sciberras Informat li l-aħħar laqgħa annwali saret il-Ħadd fit-12 ta' Marzu 2002 u li n-numru tal-mużiċisti b'miżati ta' sħubija mħallsa li jsostnu din il-union hu ta' 236. Mindu ingħatajt il-kariga preżenti f'April ta' din is-sena, ma jirriżultalix li saritli xi talba għal xi laqgħa miegħi. Naturalment nieħu gost niltaqa' mar-rappreżentanti tal-mużiċisti.

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Tfal li jbatu mill-Epilessija

Question

Jista’ il-Ministru jgħid, b’mod ġenerali, xi jsir mid-diviżjoni ta’ l-edukazzjoni fuq l-epilessija u t-tfal li jkollhom bżonn l-għajnuna minħabba din il-kundizzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.