Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibda x-xogħol fi Triq il-Palazzi ġewwa ż-Żejtun minħabba l-istat li tinsab fih it-triq kollha kemm hi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-triq msemmija tinsab fil-lista ta’ toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta u għaldaqstant l-Awtorita’ tagħmel xogħlijiet skont il-prijoritajiet li jirriżultaw. Din fil-fatt hija waħda mill-prijoritajiet li ser issir fil-futur qrib.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W214, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx tali konsultazzjoni u x’ġara? X’passi se jittieħdu issa ħalli l-one way tiġi tagħmel sens?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Awtorita’ tat-Trasport kitbet lil Kunsill Lokali taż-Żejtun dwar il-każ fit-22 ta’ Mejju. L-awtorita’ qed tistenna risposta.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — vetturi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru minn Marzu 2013 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 643 magħmula minnu stess.
Inżid li l-kuntratt mal-kumpanija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament minnu, sar fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti li huwa kien jaghmel parti minnha, ftit ġimgħat qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, u l-Ministeru tiegħi huwa marbut bih għal numru ta’ snin.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inqalgħu l-bus shelters mill-housing estates ġewwa ta’ Mlit l-Mosta? Jista’ jgħid liema servizz kien qiegħed jgħin għal iktar mobiltà fost l-anzjani li kienu qed jgħixu ġewwa din ż-żona u għalhekk kellu skop soċjali kbir? Jista’ jgħid jekk hemmx il-pjan li dawn il-bus shelters jerġgħu jitwaħħlu fejn kienu jew hemmx xi tibdil fl-immaniġjar tat-trasport pubbliku għal din iż-żona?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li fil-housing estate magħruf bħala ta’ Mlit fil-Mosta inqalgħu żewġ bus stops, u mhux bus shelters kif indikat fil-mistoqsija.
Dan sar wara talba li saret mill-Kunsill Lokali tal-Mosta sabiex isir tibdil fl-immaniġġjar tat-traffiku fl-istess inħawi. B’riżultat ta’ dan, ir-rotta 205 li taqdi dawn l-inħawi, ma setgħetx tkompli sservi parti żgħira minn din ir-rotta f’direzzjoni waħda u għaldaqstant kien jinħtieġ li ssirilha modifika żgħira. Minħabba din il-modifika, żewġ bus stops ma baqgħux jiġu servuti.
Infurmat ukoll li Transport Malta qiegħda fil-proċess li tidentifika post ieħor fil-qrib fejn jista’ jitwaħħal bus stop sabiex jissostitwixxi dawk li inqalgħu u b’hekk ir-residenti jkunu moqdija aħjar.
Jista’ l-Ministru jara li ssir facelift fiż-żona Ta’ Mlit, il-Mosta, ħdejn id-Dar tal-Anzjani, fejn hemm konki bil-ħamrija li qatt ma jiġi miżrugħ xejn ġewwa fihom u fejn it-triq ta’ mar-roundabout hija maqlugħa u b’ħafna tumabti?
Response (MIZZI, JOE)
L-Onor. Interpellant hu mitlub jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li d-dokumentazzjoni rikjesta mil-liġi mill-uffiċjali inkarigati mill-Health and Safety ta’ proġetti li qiegħda twettaq Transport Malta preżentement qiegħda ssir skont kif rekwiżit u qed issir fil-ħin?
Response (MIZZI, JOE)
Nikkonferma li Transport Malta tisħaq dejjem li d-dokumentazzjoni meħtieġa skont il-liġi li tirrigwardja saħħa u sigurta’ tal-proġetti infrastrutturali ssir fil-ħin.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra organigram tal-Occupational Health & Safety Unit fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, liema unit irrefera għalih l-Ministru fil-mistoqsija parlamentari 9995?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Occupational Health and Safety Unit fi ħdan il-Ministeru tiegħi taqa’ taħt ir-responsabilta’ tal-Permanent Secretary u hija komposta minn Senior Inspector u minn ħames Inspectors.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex iż-żona tal-għawm fil-bajja ta’ Marsalforn Għawdex ma saritx fl-istess post bħas-snin ta’ qabel?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena saru xi modifiki f’din iż-żona tal-għawm wara li saret talba lil Transport Malta. L-Awtorita’ kkonsultat mal-Kunsill Lokali kkonċernat, li ma sabx oġġezzjoni biex iż-żona tal-għawm tiġi modifikata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir xi tip ta’ landscaping fil-proġett il-ġdid li qed isir fi Triq il-Kosta li għadu kemm ħabbar dan l-aħħar? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jinbnew ġwiebi biex ikun jista' jissaqqa l-landscaping kif sar f'bini ta' toroq oħra fil-passat? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti kollha relatati li jindikaw fil-proġett imsemmi fejn se jkun il-landscaping u fejn se jinbnew il-ġwiebi biex jispjega lill-poplu dan kollu u kemm hi proġettata n-nefqa għall-bini tal-ġwiebi u l-ispiża tal-landscaping rispettivament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-proġett ta’ Triq il-Kosta ser jinkludi landscaping li ser ikun integrat u kemm jista’ jkun jixbaħ u jsaħħaħ il-biodiversita’ ta’ dawn l-inħawi. Dan huwa proġettat li jkun iffurmat minn speċi ndiġeni ta’ siġar u arbuxelli.
Il-landscaping ser ikun lokalizzat f’postijiet speċifiċi matul is-sit u max-xogħlijiet ser jiġu ntegrati ġwiebi u/jew tankijiet li fihom ser ikun hemm ilma għat-tisqija tal-istess speċi.
Il-pjanti ta’ dan il-landscaping għadhom m’humiex finalizzati għar-raġuni li Transport Malta ser terġa’ tiddiskuti u tiffinalizza l-ammont ta’ siġar u arbuxelli li ser jiġu ntegrati fil-proġett, mal-MEPA u mal-awtoritajiet oħra kkonċernati. Dan ser isir malli Transport Malta tlesti kull intervent propost fuq is-siġar eżistenti. Malli jsir qbil, Transport Malta ser tipprepara l-pjanti u l-istimi neċessarji sabiex dan il-landscaping jitwettaq. In-numru u l-kobor tal-ġwiebi u/jew tankijiet tal-ilma jiġu ddeterminati skont l-ammont ta’ siġar u arbuxelli. Transport Malta ser tkun qed tipprepara sejħa għall-offerti li ser tiġi ppubblikata għal dan ix-xogħol.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9521, jista’ l-Ministru jgħid x' kien l-eżitu tal-parir legali li ngħata sabiex iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar fir-rigward ta' Coal Wharf Outer, il-moll fil-Port il-Kbir li ngħata għall-użu esklussiv lil kumpanija privata u fl-istess waqt jgħid kemm se jkun il-ħlas tal-kera? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti relattivi tal-Bord ta' Transport Malta tad-9 ta' Mejju 2014, u ċjoé meta ttieħdet din id-deċiżjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżitu tal-parir legali li ngħata fuq din il-konċessjoni hu li l-kuntratt ma jitqiegħedx fuq il-Mejda tal-Kamra. Mhux il-prassi li jitqiegħdu l-minuti tal-Bord fuq il-Mejda tal-Kamra madankollu naċċerta lill-Onor. Interpellant li kien hemm qbil mill-membri kollha tal-Bord rigward din id-deċiżjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-karozzi li ġew mikrija mill-kumpanija l-ġdida tal-Gvern, il-Malta Public Transport, liema karozzi se jiswew lill-poplu €2.4 miljun m’għandhomx affarijiet bażiċi ta’ kumdità ghall-passiġġier fosthom straps ma’ fejn iżommu l-passiġġiera, u l-airconditions li għandhom ma jaħdmux? Jista’ jgħid x’temperatura suppost ikun hemm ġewwa x-xarabanks l-ġodda skont il-kuntratt? Qed isiru xi tip ta’ spezzjonijiet minn Transport Malta f’dan ir-rigward u jekk iva, x’inhi l-medja tat-temperatura li qed tinstab ġewwa dawn il-vetturi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-karozzi tal-linja li ġew mikrija mill-operatur tat-trasport pubbliku, għandhom l-affarjiet kollha neċessarji bħala karozzi tal-linja, u huma mgħammra jew bi straps, jew stanchions, jew inkella kombinazzjoni tat-tnejn, u dan sabiex il-passiġġier ikun jista’ jżomm magħhom waqt il-vjaġġ.
Minn spezzjonijiet li saru minn uffiċjali ta’ Transport Malta fuq dawn il-vetturi jirrizulta li l-arja kundizzjunata fuq dawn il-vetturi, għalkemm huma kollha fi stat operattiv, għadhom mhux qed jilħqu t-temperatura rikjesta skond il-kuntratt, li għandha tkun bejn l-20 u l-24 grad celcius.
L-operatur tat-trasport pubbliku huwa konxju li hemm problema ta’ l-arja ikkundizzjonata fuq waħda mit-tipi ta’ karozza tal-linja li ġew mikrija u ressaq ilment formali lil min ipprovda dawn il-vetturi sabiex is-sistema tal-arja ikkundizzjonata tiġi rranġata skont ir-rekwiżiti tal-kuntratt u skont kif ġie miftiehem meta inkrew dawn il-vetturi. Il-kumpanija diġa’ għamlet xi modifiki sabiex din is-sitwazzjoni tiġi ndirizzata mill-aktar fis possibbli.
B' referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9521, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni li ħa l-Gvern li jifforma parti minnu li Coal Wharf Outer, il-moll fil-Port il-Kbir, jingħata għall-użu esklussiv lil kumpanija privata mingħajr ma ħarġet sejħa għall-offerti,tmurx kontra waħda mill-wegħdiet prinċipali tal-Manifest Elettorali tiegħu fejn għamel propaganda sħiħa li se jkun Gvern li jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu fuq il-kontabilità u t-trasparenza, u dan anke fid-dawl li fir-risposta tiegħu l-Ministru ġab l-iskuża li l-informazzjoni mitluba tinkludi informazzjoni li hija kummerċjalment sensittiva?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni li ħa l-Gvern fir-rigward tal-konċessjoni mogħtija għal Coal Wharf Outer kienet waħda meqjusa u bbażata kemm fuq prassi u policies eżistenti tal-Awtorita’ kif ukoll leġislazzjoni li tippermetti l-għoti ta’ dawn it-tip ta’ konċessjonijiet. Apparti minn hekk il-Gvern preżenti ħa wkoll in konsiderazzjoni l-mertu ta’ dan il-każ partikolari, u ċioe’ li din kienet opportunita’ unika ta’ investiment sostanzjali li kienet se tintilef kieku ma ttieħditx azzjoni mmedjata fuqha. Għaldaqstant, tali deċiżjoni ma tmur kontra l-ebda wegħda tal-manifest elettorali tal-Gvern preżenti. Ma nara li m’għandu x’jaqsam xejn il-fatt li informazzjoni li titiqies bħala kummerċjalment sensittiva u għaldaqstant li ma tistax tingħata tindika nuqqas ta’ kontabilita’ u trasparenza.
B' referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9521, peress li l-Ministru fir-risposta tiegħu qal li l-Bord tad-Diretturi ta' Transport Malta jiddiskuti l-aktar materji ta’ policy u skont il-Ministru stess, il-kuntratt li saret referenza għalih f'din il-mistoqsija parlamentari kien jaqa’ fil-parametri tal-policies u prassi ta’ Transport Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk li tingħata proprjetà tal-poplu Malti u Għawdxi b'direct order lil kumpaniji/terzi persuni saritx prassi tal-Gvern tal-ġurnata?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-istess mistoqsija parlamentari 9521, kont għidt ukoll li kienet prassi aċċettata u stabbilita minn Transport Malta sa mill-amministrazzjoni preċedenti, li tali konċessjonijiet li huma kompletament riversibbli f’perjodu massimu ta’ sena, jingħataw mingħajr sejħa għall-offerti, kif fil-fatt sar diversi drabi qabel. Fil-fatt, konċessjonijiet ta’ dan it-tip huma wkoll eżentati mill-provvedimenti tar-Regolamenti tal-Kuntratti Pubbliċi. Madankollu nżid ukoll li l-Gvern preżenti ħa din id-deċiżjoni fil-kuntest partikulari ta’ dan il-każ, u ċjoè li din kienet opportunità unika ta’ investiment li kienet se tintilef kieku ma tteħditx azzjoni immedjata fuqha. Fil-fatt din l-opportunità diġà qed tiġi realizzata permezz ta’ xogħlijiet li diġà saru minn meta ngħatat din il-konċessjoni.
San Pawl il-Baħar — ħaddiema assenjati fil-lokalità
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru ġew assenjati biex jagħmlu x-xogħol fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? X’tip ta’ xogħol hu mistenni li jkun qed iwettqu dawn il-ħaddiema?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mgħoddija lili, f’San Pawl il-Baħar ġew assenjati total ta’ 10 ħaddiema, li jistgħu jiżdiedu għal aktar meta u fejn ikun meħtieġ. Seba’ minn dawn il-ħaddiema jagħmlu xogħol fuq barra filwaqt li l-kumplament jagħmlu xogħol fil-Workshop li jinkludi manutenzjoni regolari fuq il-fanali, bankijiet u railings li hemm f’din il-lokalità. Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema li jagħmlu x-xogħol fuq barra, apparti ix-xogħol regolari ta’ manutenzjoni ta’ bankini skont it-talba tal-Kunsill Lokali, bħalissa għaddejjin b’diversi xogħlijiet oħra, li jinkludu ;
§ Manutenzjoni tar-
Railing
, f’Tax-Xemgħa Lane
§ Manutenzjoni tal-Bankijiet u Railing, f’Wignacourt Area
§ Tiswijiet tal- Ħajt ta’ mal-Baħar u bini ta’ taraġ tal-ġebel ġdid, f’ Triq il-Luzzu
Huwa ppjanat li kif jitlesta x-xogħol li jinsab għaddej bħalissa, jinbeda x-xogħol ta’ żebgħa u manutenzjoni tar- railing, fanali u bankijiet fl-aħħar area li għad baqa’ issir, li hija dik bejn Ta’ Fra Ben u l- Ex SunCrest Hotel. Se jinħoloq ukoll taraġ biex jgħaqqad id-diżlivell li hemm bejn it-triq ta’ quddiem iċ- Ċinema u Triq il-Pijunieri.
Billi matul it-triq tal-Kosta qed jinġabru munzelli kbar ta' ħamrija, u f'xi każijiet intradam ukoll bini b'din il-ħamrija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed tinġabar din l-istess ħamrija, u x'użu mistenni li jsir minnha? Jista' jassigura li l-ebda ħamrija mhi ser tintilef?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-ħamrija qed tinġabar mix-xogħlijiet ta’ skavar li qegħdin isiru fi Triq il-Kosta. Din il-ħamrija mhix se tintrema’, u bħalissa qegħda tiġi maħżuna temporanjament sakemm tkun tista’ tiġi wżata kollha skont l-istruzzjonijiet li jingħataw mill-awtorità responsabbli.
Billi fil-media lokali qed jiġi irrappurtat li l-pjanti għat-Triq il-Kosta qed jerġgħu jinbidlu, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'bidliet seħħew reċentement, u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li qed jintużaw waqt ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti ta’ parti minn Triq il-Kosta qed jiġu riveduti sabiex ikun minimizzat kemm jista' jkun l-impatt fuq l-ambjent, biex iktar jiġu ppreservati u mħarsa numru ta’ siġar maturi u biex ikun imnaqqas it-telf ta' art agrikola u marshland. Il-Bord tal-MEPA għadu kemm approva permess biex tiġi mibdula proposta ta’ roundabout f’waħda ta’ T-Junction, fl-inħawi ta’ Qalet Marku. Ladarba l-pjanti approvati jkunu ppublikati, dawn se jkunu disponibbli u jkunu jistgħu jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra. Barra minn hekk, xi pjanti oħra qed jiġu analizzati mill-MEPA, u dawn se jkunu disponibbli malli jiġu approvati.
Transport Malta – Uffiċjal tal-Health and Safety għad-Deep Water Quay
Question
Jista' l-Ministru jgħid min hu l-uffiċjal inkarigat mill-Health and Safety tal-proġett tad-Deep Water Quay, għan-nom ta' Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Id-dettalji tal-uffiċjal inkarigat mill-Health and Safety tal-proġett tad-Deep Water Quay għan-nom ta’ Transport Malta se jiġu mgħoddija lill-Onor. Interpellant b’mod kunfidenzjali.
In vista tal-inċident tat-traffiku li seħħ dan l-aħħar fis-Salini fejn qed isir il-proġett tal-Coast Road, u in vista tal-fatt li fil-media ġie rrappurtat li diversi sinjali tat-traffiku fir-rigward ta' dan l-istess proġett qed jiġu vandalizzati, jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratturi u s-supervisors ta’ Transport Malta għandhom l-obbligu li jduru s-sit kollu tat-triq tas-Salina fejn qed isir ix-xogħol, u qed isiru spezzjonijiet tat-tabelli u s-sinjali tat-traffiku, kemm bi nhar kif ukoll bil-lejl. Kull ma jiġi nnutat li hu nieqes mis-sit qed jerġa’ jiġi nstallat kemm jista’ jkun malajr.
Fid-dawl tal-inċident li ġie rrapurtat fil-media lokali dan l-aħħar, il-pubbliku mill-bidu tal-proġett ġie mħeġġeġ sabiex isuq bil-galbu u jsegwi t-tabelli tat-traffiku, speċjalment isegwi l-limiti tal-veloċita’ stabbiliti għal matul is-sit. Dan il-limitu ta’ velocità huwa nfurzat b’tabelli li juru 40km/hr.
Triq il-Kosta – uffiċjali inkarigat bħala PSDS u PSDC
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali inkarigati bħala PSDS u PSDC fuq il-Proġett tal-Coast Road?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mgħoddija lili, l-Awtorità inkarigata mill-proġett ma taf bl-ebda terminu ta’ PSDC. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tispeċifika għal-liema kariga qed tagħmel referenza għaliha.