Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tar-Riżorsi għall-Iskejjel — manutenzjoni ta' skejjel

Question

Jista' l-Ministru jelenka x-xogħol kollu ta' manutenzjoni li sar b'sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin minn mindu twaqqaf id-Dipartiment tar-Riżorsi għall-Iskejjel fid-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi u kemm kienet in-nefqa ta' kull xogħol li sar f'kull skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skola Umberto Colosso — użu tal-binja

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li partijiet minn dik li kienet l-iskola Umberto Colosso f'Santa Venera se tittieħed minn Ministeru ieħor biex isiru uffiċini għal segretarju permanenti li mhux tal-Edukazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm diskussjonijiet għaddejjin bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima biex isir użu aktar effiċjenti minn partijiet tal-binja li qabel kienet l-iskola Umberto Calosso.

FTS — laqgħa mal-Ministru

Question

Peress li l-Ministru ddikjara li għadu ma ltaqax mal-Fondazzjoni tal-Iskejjel t'Għada (FTS), jista' jagħti ħjiel meta se jiltaqa'?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà ltqajt maċ-Chairman u l-General Manager tal-Fondazzjoni tal-Iskejjel t'Għada (FTS).

FTS — laqgħa mal-bord/general manager

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għalfejn ma ħassx il-bżonn li jiltaqa' mal-bord jew il-general manager tal-Fondazzjoni tal-Iskejjel t'Għada (FTS) speċjalment fid-dawl li għamel diversi dikjazzjonijiet dwar il-bini tal-iskejjel ġodda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1127.

Klabb 3-16

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il Klabb 3-16 hawn f'Malta u f'Għawdex? Fejn qegħdin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Bħalissa hemm 17 il-ċentru ta’ Klabb 3-16 f’dawn il-lokalitajiet: 1. Victoria, Għawdex 2. Mellieħa 3. San Pawl il-Baħar 4. Rabat 5. Ħaż-Żebbuġ 6. Qormi 7. Ħamrun 8. Mosta 9. B’Kara 10. Pembroke 11. San Ġwann 12. Naxxar 13. Żurrieq 14. Birżebbuġa 15. Marsaskala 16. Żabbar 17. Fgura Ċentri li se jiftħu sas-Sajf 2013 18. Siġġiewi 19. Attard 20. Luqa 21. Żejtun Ċentri li se jiftħu f’Ottubru 2013 22.Nadur 23.Xagħra 24.Mġarr (Malta) 25.Sliema 26.St. Venera 27.Valletta 28.Cospicua 29.Paola

Għawdex — skejjel tal-irħula

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li qed tiġi kkunsidrata l-idea li l-iskejjel tal-irħula f'Għawdex jiġu magħquda fi skejjel akbar li jkopru numru ta' rħula flimkien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ġiet ikkunsidrata u diskussa l-ebda idea simili. Infurmat mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li mill-aspett edukattiv mhux dejjem hu ta' ġid li t-tfal ikunu fi klassijiet b'numru żgħir ħafna ta' tfal. Tfal f'dawn il-klassijiet ftit li xejn isibu kompetizzjoni b'saħħitha u jkun hemm nuqqas ta' stimolu ta' opinjonijiet u karattri differenti. L-edukaturi jirrakkomandaw li fejn hemm klassijiet żgħar din il-prassi tiġi riveduta kullimkien, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex. Għalkemm ma ttieħdu l-ebda deċiżjonijiet, wieħed m'għandux jipprekludi d-diskussjoni edukattiva għall-ġid tat-tfal.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — kuntratti b'direct order

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni/kumpaniji/partnerships li ngħataw kuntratt jew appointment ta' konsulenza mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum mill-Ministeru, id-dipartimenti jew entitajiet pubbliċi li huma fi ħdanu permezz ta' direct order? X'kien ix-xogħol li ġew mitluba jagħmlu għal kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza? X'inhu il-valur ta' kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-Ministeru, id-dipartimenti u entitajiet pubbliċi fi ħdan l-istess Ministeru tiegħi ma ngħata ebda kuntratt jew appointment ta' konsulenza permezz ta' direct order mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — staff complement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-istaff complement tal-Ministeru, kariga b'kariga, liema kariga huma okkupati u min jokkupahom, liema huma vakanti, f'liema skala hi kull kariga u jekk l-ingaġġ sarx direttament mis-Servizz Pubbliku jew inkella minn barra s-settur pubbliku?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nri. 328 u 725.

Skejjel — manutenzjoni

Question

B'referenza għad-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-Ministru fil-media li kważi l-iskejjel kollha jeħtieġu manutenzjoni u wara rapporti f'sezzjoni tal-media li setgħu taw l-impressjoni li kull skola għandha bżonn manutenzjoni estensiva; u konxji mill-fatt li fl-aħħar snin inbnew seba' skejjel ġodda fjamanti filwaqt li sar manutenzjoni fuq 32 skola oħra, jista' l-Ministru jelenka liema huma l-iskejjel li jeħtieġu manutenzjoni sempliċi li tista' tinkludi manutenzjoni fuq skola ġdida li nkisritilha tieqa, pum ta' bieb jew affarijiet żgħar oħra u liema fil-fatt jeħtieġu manutenzjoni estensiva?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema entità se tkun qed tmexxi il-programm ta' manutenzjoni fl-iskejjel imħabbra mill-Gvern?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Id-Direttorat ghal Servizzi Edukattivi lest li jkompli bix-xogħlijiet ippjanati ta' manutenzjoni li hemm bżonn f'kull skola.

Aġenzija Appoġġ — Minorenni rraportati minn awtoritajiet edukattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt it-18-il sena li ġew riferuti lill-Aġenzija Appoġġ mill-awtoritajiet edukattivi fuq suspett ta' xi tip ta' abbuż?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fis-sena skolastika 2012/2013 kien hemm 193 każ riferut lill-Aġenzija Appoġġ mill-awtoritajiet edukattivi ta' tfal taħt it-18-il sena fuq suspett ta' xi tip ta' abbuż.

Kulleġġi — korsijiet ta' parenting skills

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kulleġġi li f'dawn l-aħħar ħames snin, organizzaw korsijiet dwar parenting skills għall-ġenituri tat-tfal li jattendu f'xi skola fi ħdan l-istess kulleġġi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tagħlim dwar kulturi differenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi ħsieb dwar il-mod kif jista' jkun hemm tagħlim dwar kulturi differenti li qed jitħalltu fis-soċjetà tagħna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, konxju mill-fatt li n-numru ta’ studenti barranin b’kulturi differenti dejjem qed jiżdied , diġa qed jaħdem f’dan il-qasam . Wara li ġie appuntat Inter-Directorate Committee mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat għall-Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni, sar rapport dettaljat dwar is-sitwazzjoni preżenti u rakkomandazzjonijiet biex l-istudenti li ġejjin minn pajjiżi mhux imsieħba fl-Unjoni Ewropeja, inkluż refuġjati, jiżgurawlhom li jkunu qed jingħataw proviżjoni edukattiva xierqa. Dan ir-rapport issa jinsab għand id-Direttur Ġenerali għall-Kwalita u Standards fl-Edukazzjoni li qed tistudjah biex tara kif ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jitwettqu. Minn Jannar ta’ din is-sena, ġiet identifikata persuna fi ħdan id-Direttorat għall-Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni, li sservi bħala Third Country National Co-Ordina tor u li xogħolu hu li jagħti support u pariri fejn ikun hemm studenti minn pajjiżi mhux fl-Unjoni Ewropeja li qed ikollhom problemi ta’ integrazzjoni. Id-Direttorat għall-Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni ukoll rebaħ fondi mill-Unjoni Ewropeja biex l-Għalliema Komplimentari, kemm dawk li jaħdmu fl-iskejjel ta’ l-Istat, kif ukoll dawk li jaħdmu fl-iskejjel tal-Knisja u Independenti, jingħataw tagħlim dwar kif jgħallmu l-Ingliż bħala lingwa barranija. Dan qiegħed isir biex l-għalliema komplimentari jkunu f’pożizzjoni aħjar biex ikunu jistgħu jaħdmu mal-istudenti ġejjin minn pajjiżi oħra u jgħinuhom jintegraw fis-sistema edukattiva. Għaddej ukoll proġett pilota fejn żewġ għalliema fil-primarja qed jiffukaw fuq l-integrazzjoni lingwistika ta’ dawn l-istudenti. Dan il-proġett qed iseħħ fil-Kulleġġi ta’ Maria Reġina u ta’ San Ġorġ Preca. Id-Direttorat għall-Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni qiegħed ukoll jaħdem id f’id mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) f’dan il-qasam. Flimkien mal-FES , id-Direttorat għall-Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni organizza kors filgħaxija, maqsum fuq tmien darbiet, speċifikament għall-ġenituri barranin bil-għan li dawn jitgħallmu aktar dwar is-sistema edukattiva Maltija kif ukoll li dawn l-istess ġenituri ikunu voluntiera u jgħinu lil ġenituri barranin oħra li jkunu kemm waslu f’pajjiżna, billi dawn jispjegawlhom dwar is-sistema edukattiva Maltija u jkunu ukoll medjaturi bejn l-iskejjel u l-ġenituri fejn ikun hemm problemi ta’ komunikazzjoni minħabba l-lingwa. Proġett ieħor li qiegħed isir id f’id mal-FES huwa fuljett b’tagħrif dwar is-sistema edukattiva li ser jingħata lill-ġenituri barranin meta jirreġistraw lil uliedhom fl-iskejjel. Dawn il-fuljetti ser jiġu ippublikati f’diversi lingwi barranin, biex jilħqu firxa wiesgħa ta’ ġenituri barranin bil-għan li jgħinuhom jifhmu s-sistema lokali u b’hekk ikunu f’pożizzjoni li jgħinu lil uliedhom jintegraw aħjar u aktar malajr fis-sistema edukattiva. L-informazzjoni għall-fuljett diġa inġabret u huwa maħsub li dawn il-fuljetti jkunu pubblikati sal-aħħar ta’Ġunju. Id-Direttorat għall-Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni flimkien mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi ukoll applikaw għal aktar fondi mill- Unjoni Ewropeja għall-proġett li beħsiebu jinvolvi kemm ġenituri kif ukoll l-ingaġġ ta’ għalliema biex jgħinu l-istudenti barranin jakkwistaw ħiliet lingwistiċi, biex b’hekk jindirizzaw il-bżonnijiet tal-istudenti li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropeja. Ta’ min jgħid ukoll, li waqt li jkunu qed jittrattaw xi temi relatati ma’ Rispett, Ċittadinanza jew Diversita’ , l-għalliema tal- Personal and Social Development ukoll iqajmu għarfien dwar dan is-suġġett. F’ħafna każijiet, l-għalliema jaħdmu id f’id ma’ SOS Malta u l-Jesuit Refugee Services, peress li dawn it-tnejn joffru taħdidiet, attivitajiet u materjal edukattiv. Dan isir kemm fl-iskejjel Primarji kif ukoll Sekondarji. Fis-setturi tal-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti, l-inklużjoni hija pprattikata b’mod ħaj f’livelli diversi. Din tiġbor fiha ukoll il-multi-kulturaliżmu. F’ ċerti skejjel, partikolarment dawk Indipendenti, mhux biss l-element multikulturali jiġi ttrattat waqt suġġetti bħall-Ġografija, l-iStorja, il- PSD u l-iStudji Soċjali, izda saħansitra insibu programmi ta’ tagħlim tal-lingwa Inġliża (u xi drabi tal-Malti) bħala lingwa barranija.

Xiri u kiri ta' tablets — sejħa għall-offerti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi ppubblikata s-sejħa għall-offerti biex jinxtraw jew jinkrew it-tablets għat-tfal tar-raba' sena? Jista' jgħid ukoll jekk dawn it-tablets jiġux irritornati fl-aħħar tas-sena? Kif se titħaddem il-manutenzjoni tagħhom u min se jkun qed iġorr l-ispiża għal dan? Kemm hu n-numru tat-tfal li se jibbenefikaw minn din il-miżura? Jista' jikkonferma li din il-miżura se tkun tgħodd ukoll għat-tfal li jattendu l-iskejjel privati jew tal-Knisja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

M'hemmx data ta' meta se jinxtraw jew jinkrew it-tablets għat-tfal tar-raba' sena u l-anqas il-proċess dwar l-użu u t-tqassim tagħhom. Madankollu, l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol se jibda proċess ta' konsultazzjoni dwar l-użu effettiv tat-tablets fil-kuntest tal-programmi ġodda li se jitfasslu bħala parti mill-Qafas Nazzjonali tal-Kurrikulu. Il-pjan tal-Gvern hu li t-tablets iservu bħala għodda ta' tagħlim biex jitjiebu l-ħiliet bażiċi.

childcare centres

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ tfal taħt it-tliet snin li jmorru f’childcare centres? X’inhu l-persentaġġ ta’ dawn fost it-tfal kollha ta’ taħt it-tliet snin? Kemm minn dawn it-tfal imorru f’childcare centres li huma privati u kemm minnhom imorru f’childcare centres immexxija minn private/public partnership, mill-Gvern jew mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif dwar iċ-childcare centres mmexxija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi u dawk immexxija permezz ta' public/private partnership qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward partijiet oħra tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizzahom lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.

childcare centres — servizz b'xejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ tfal ta’ taħt it-tliet snin li jieħdu servizz b’xejn ta’ childcare centre? X’persentaġġ hu dan mit-total ta’ tfal li jmorru f’childcare centres immexxija minn private/public partnership, mill-Gvern jew mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li sal-aħħar ta' April 2013, in-numru ta' tfal li jattendu iċ-childcare centres immexxija mill-Fondazzjoni ghas-Servizzi Edukattivi li ma jħallsu xejn għas-servizz kien ta' 202. Dawn huma 39.92% mit-total tat-tfal li jattendu (506). Fiċ-ċentri li jitmexxew permezz ta' public private partnership hemm tifla waħda li tieħu s-servizz mingħajr ħlas.

childcare centres — waiting list

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ tfal li qegħdin fil-waiting list sabiex il-ġenituri tagħhom idaħħluhom f’childcare centres b’xejn immexxija minn public private partnership, mill-Gvern jew mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi? X’inhi l-età ta’ dawk it-tfal li qegħdin fil-waiting list?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Childcare Centre — applikazzjonijet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta mistennija jibdew jintlaqgħu l-applikazzjonijiet mill-ġenituri sabiex jiktbu lit-tfal tagħhom fiċ-childcare care centre li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi qeda fil-proċess li timpjega Childcare Assistants u Childcare Centre Coordinator għas-Sardinell Childcare Centre ġewwa San Ġwann. Il-Fondazzjoni ma tiftaħx jew tagħlaq applikazzjonijiet għas-servizz ta' childcare. Fil-preżent il-Fondazzjoni għandha 34 applikazzjoni mingħand ġenituri sabiex jiktbu lit-tfal tagħhom f'dan iċ- Childcare Centre.

Skejjel — Konferenza dwar manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi rwol għandu fil-Ministeru tal-Edukazzjoni l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li akkumpanjah fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret dan l-aħħar dwar il-manutenzjoni fl-iskejjel? Jista' jgħid x'karigi okkupa fi ħdan id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi l-individwu fl-aħħar ħames snin? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-job descriptions tal-karigi li okkupa l-individwu fid-direttorat imsemmi u fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol fl-aħħar ħames snin minn Marzu 2008 sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw separatament kien jokkupa l-kariga ta' Service Manager, Technical Services fid-Dipartiment ta' Riżorsi tal-Iskejjel fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi mill-1 ta' Lulju 2009 sat-12 ta' Lulju 2012. Mid-19 ta' Settembru 2007 sat-30 ta' Ġunju 2009 kien fil-grad ta' għalliem. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt bħala Service Manager li jinkludi fih il-job description.

Aġenzija Żgħażagħ — youth cafes, hubs and stops

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm infetħu youth cafes, youth hubs u youth stops fis-sentejn minn meta twaqqfet Aġenzija Żgħażagħ? X'inhu l-iskop tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ma sar ebda tibdil fil-Youth Cafes u Youth Hubs minn żmien li l-Onor. Interpellant kien responsabbli għalihom. Ma kien hemm ebda Youth Stop miftuħ fis-sentejn li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu.