Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qrati — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il impjegat ġdid, fuq kwalsiasi bażi, hemm fil-Qrati tagħna u li beda jaħdem hemm wara l-1 ta’ April 2013 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din l-Interpellanza? Kemm minnhom daħlu jaħdmu wara sejħa pubblika u kemm minnhom daħlu jaħdmu bl-approvazzjoni tal-Public Service Commission?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-persuni ingaġġati ġodda qed jiġu murija fuq fit-Tabelli A u B li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – entitajiet — Impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il impjegat ġdid daħal jaħdem wara l-1 ta’ April 2013 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza fl-entitajiet li għalihom huwa responsabbli? Kemm minnhom daħlu jaħdmu wara sejħa pubblika u kemm minnhom daħlu jaħdmu bl-approvazzjoni tal-Public Service Commission?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-entitajiet li għalihom hu responsabbli l-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, eskluzi Kummissjonijiet li jitwieldu bis-saħħa ta’ liġijiet ad hoc, bdew jaħdmu bil-fiss 110-il persuna u 2 minn dawn ġew impjegati permezz tal-Kummissjoni għas- Servizz Pubbliku. Wieħed għandu jinnota li bejn l-2011 u Marzu 2013 ġew impjegati 104 persuni, fejn ħadd ma kien impjegat permezz tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku

Direttur tar-Reġistru Pubbliku – kawżi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kawża pendenti hemm fil-Qrati tagħna li saru kontra d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku u li huma dwar korrezzjoni ta’ atti ċivili?

Response (BONNICI, OWEN)

In-numru ta’ kawżi pendenti quddiem il-Qrati u Tribunali Malta hawn taħt indikati li saru kontra d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku u li huma dwar korrezzjoni ta’ atti ċivili huma kif ġej: Qorti tal-Appell Civili (Superjuri) 5 kawżi Qorti Ċivili, Prim’Awla 26 kawża Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) 1 kawża

Il-burka — konformità mal-liġijiet Maltin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18242 u jgħid jekk skont il-parir li għandu, meta l-burka - l-ilbies li jgħatti l-wiċċ kollu - tintlibes f’postijiet pubbliċi jew waqt sewqan ta’ vetturi , tkunx konformi mal-liġijiet ta’ Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

M’għandix xi nżid mat-tweġibiet li ngħataw lil dan il-Parlament fuq is-suġġett mill- kollegi Ministri Helena Dalli u Carmelo Abela.

Politika u liġijiet ċari dwar l-użu tal-burka

Question

Jista' l-Ministru jippubblika t-terms of reference li skont kif irrapurtat fil-media irċieva mingħand il-Prim Ministru dwar ħolqien ta' politika u liġijiet ċari dwar l-użu tal-burka u ilbies ieħor li jgħatti l-wiċċ tal-persuna? Sa meta se tkun lesta din il-politika?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija ghal Mistoqsija Parlamentari numru 19961.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali — Safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu safar fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid fejn siefer (belt u pajjiż) u x’kienet ir-raġuni għal kull safra? Min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawh f’kull safra? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni kif mitluba qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onor Interpellant li fuq impenji uffiċjali barra l-pajjiż inkun akkumpanjat minn uffiċjal/i tas-Segretarjat u kif ukoll espert meta tinħass il-ħtieġa.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali– entitajiet — safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’safar sar minn uffiċjali mill-Ministeru, mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari u mill-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid fejn sar is-safar (belt u pajjiż) u x’kienet ir-raġuni għal kull safra? Jista’ jgħid min mar għal kull safra? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kawżi tad-droga — rikorsi

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm rikorsi biex tiġi appellata d-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali f’kawżi dwar id-droga?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li dan il-Gvern ħadem b’mod spedit biex parti tal-liġi li kienet ilha żmien li ġiet dikjarata bħala waħda li tmur kontra d-drittijiet tal-bniedem mill-Qorti Ewropea ta’ Strasburgu tinbidel. In fatti, wara l-emendi li għaddejna iktar kmieni matul din il-leġiżlatura, persuna li jiġi akkuzat b’reat serju tad-droga m’għadux jiddependi mid-deċizjoni unika tal-Avukat Ġenerali abbazi tad-diskrezzjoni tiegħu jekk jgħaddix ġuri jew inkella jkollux il-każ tiegħu deċiż mill-Qorti tal-Maġistrati fil-vesti aġġudikattiva tagħha. Issa mhux biss iddaħħlu fis-seħħ linji gwidi ċari li jagħtu riga oġġettiva kif l-Avukat Generali għandu jiddeċiedi jekk il-każ jiġix riferut għal ġuri jew inkella għal quddiem il-Qorti tal-Maġistrati imma l-akkuzat jista’ wkoll jappella minn dik id-deċizjoni tal-Avukat Ġenerali. S’issa kien hemm wieħed u tletin (31) appell mid-deċizjoni tal-Avukat Ġenerali fejn nies ippravilixxew irwieħhom minn dan id-dritt proċedurali ġdid.

Qorti proġett pilota fis-sistema tan-notifiki

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument li jindika l-progress li sar fiż-żewġ awli, li l-informazzjoni tagħhom qiegħda tingħata separatament, bl-introduzzjoni ta’ proġett pilota fis-sistema tan-notifiki?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqiegħed l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn din l-informazzjoni wieħed jista’ jara li kien hemm avvanz sostanzjali fin-numru ta’ riferti pożittivi li sussegwentament, jirriżulta f’tnaqqis fil- kawzi differiti. Fejn qabel ma daħal fis-seħħ il-proġett pilota kien hemm 117 każ differit minħabba li l-persuna notifikata ma tinsabx mill-Pulizija, dan in-numru naqas għal 18. B’hekk jirrizulta li minn 291 każ deċiz dan in-numru issa tela’ għal 740. Kien hemm 380-il każ antik li ġie deċiż minn mindu bdiet taħdem is-sistema l-ġdida. Filwaqt li 56% tal-kawzi ġodda, ġew deċiżi wara seduta waħda. Problema li qed tiffaċċa din l-awla hija fil-kwistjoni tal-mandati fejn spiss jiġri li l-persuni mħarrka ma jkunux jistgħu jinstabu sabiex il-mandat jiġi eżegwit. Din il-problema tiġi solvuta meta jidħol fis-seħħ Artikolu 360B tal-Kodiċi Kriminali li jdaħħal fis-seħħ il-prinċipju ta’ sentenza in absentia, fejn il-Maġistrat jkun jista’ jiddeċiedi il-kawza anke jekk l-imputat ma jidhirx quddiem il-Qorti basta jkun ġie debitament notifikat. Għadni nistenna x’inhi l-pozizzjoni tal-Oppozizzjoni fuq dan il-punt.

Dritt ta’ Disclosure – arrest fis-settur kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-feedback wara d-dħul fil-liġi tagħna tad-dritt tad-disclosure fil-każ ta’ arresti fis-settur kriminali?

Response (BONNICI, OWEN)

Id-dritt tad-disclosure imsemmi mill-Onor. Membru prinċipalment jaffettwa l-proċeduri ta’ investigazzjoni ta’ reati da parti tal-Pulizija. Mill-ewwelnett irrid nirringrazzja lill-Korp tal-Pulizija tal-koperazzjoni sħiħa li wrew fl-introduzzjoni ta’ dan id-dritt li effettivament jitfa’ iktar piżijiet u responsabbilita’ fuq l-uffiċjali Investigattivi. Il-Gvern jemmen li l-aqwa mod kif inkomplu nassiguraw is-serjeta’ u li ma jkunx hemm miscarriages of justice fil-mument tal-investigazzjoni, ċioe’ fl-iktar mument delikat, huwa billi ċ-ċittadin jingħata d-dritt li jkun jaf dak li l-pulizija qed tallega dwaru. Il-vantaġġi huma varji u evidenti għall-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadin. Il-Gvern jemmen ukoll li dan id-dritt ghħandu l-effett li jespedixxi l-kawzi, fis-sens li jekk avukat jaf li hemm biżżejjed provi kontra l-klijent tiegħu minn stadju bikri, dak l-avukat ikun iktar propens li jiggwida lill-klijent tiegħu favur ammissjoni bikrija. Emendi oħra li ddaħlu taħt dan il-Gvern iktar kmieni fil-leġislatura tejbu u estendew il-possibbilita’ ta’ sentence bargaining. Ninforma lill-Onor. Membru li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ntalab jagħti numru ta’ pariri dwar kwistjonijiet legali li nqalgħu kemm ilu li ġie rikonoxxut dan id-dritt u li kienu jikkonċernaw diffikultajiet dwar liema dokumenti uffiċjali huma koperti mid-dritt għad-disclosure. S’intendi l-pariri jingħataw fuq il-fatti u fuq il-kwistjonijiet legali tal-każ partikolari li dwaru jkunu ntalbu. Intant, bħal dejjem, il-Gvern huwa miftuħ li jkompli jisma’ mingħand il-practitioners u l-istakeholders fis-settur dwar it-tħaddim aħjar ta’ dan id-dritt importanti.

Bord ta’ Rijabilitazzjoni– rwol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu r-rwol tal-Bord ta’ Rijabilitazzjoni tal-vittmi tad-droga mmexxi mill-Imħallef li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’mod ġenerali l-għan tal-Board huwa illi jagħti għajnuna, bis-saħħa tal-FSWS u l-Aġenziji speċjalizzati f’dan ir-rigward, lill-vittmi ġenwini tad-droga sabiex dawn il-vittmi li jkunu xifru difrejhom mal-liġi jkunu jistgħu joħorġu mill-vizzju u jkomplu b’ħajjithom mingħajr ma neċessarjament jispiċċaw jiskontaw piena karċerarja li l-esperjenza wriet li tali piena ma twassalx għar-rijabilitazzjoni. Din l-għajnuna tingħata wkoll lil dawk il-każijiet li normalment ma jattirawx sentenza ta’ piena karċerarja (pussess sempliċi) u dana sabiex nipprevjenu kemm jista’ jkun minn stadju bikri. B’mod iktar speċifiku, l-funzjonijiet tal-Bord għar-Rijabilitazzjoni huma stabbiliti mill-liġi. Dawn huma: · Li jikkonsulta mal-Qorti kompetenti dwar jekk dik il-Qorti għandiex tassumi l-funzjonijiet ta’ Qorti tad-Drogi, u dana skont l-Artikolu 8(1) tal-liġi . · Meta l-Qorti tiddeċiedi li tassumi l-funzjonijiet ta’ Qorti tad-Drogi, hija tipproċedi billi tibgħat l-akkużat quddiem il-Bord ta’ Rijabilitazzjoni, u dana skont l-Artikolu 8(3) tal-liġi. · Li jiddetermina, fuq talba tal-Kummissarju tal-Ġustizzja, jekk is-sustanza hix sustanza pprojbita, skont l-Artikolu 4(3) tal-liġi. · Li jisma l-każi ta’persuni ħatja ta’żewġ offiżi jew aktar, mibgħuta lil Bord mill-Kummissarju tal-Ġustizzja, skont il-proviso tal-Artikolu 5(1). · Li jsegwi proċedura ta’rijabiltazzjoni għall-akkużat skont kif provvdut fl-Artikolu 6(4) tal-liġi.

Restawr ta’ kappelli

Question

Jista l-Ministru jindika kemm-il kappella fl-irħula Maltin, ġiet restawrata minn Marzu 2013 u kemm-il kappella qed tiġi restawrata bħalissa sabiex b’hekk jiġi kkonservat il-wirt storiku li għandu pajjiżna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kappelli fl-irħula Maltin li ġew restawrati minn Marzu 2013 huma: · Restawr tal-Kappella ta’ San Martin fil-Baħrija (minn ħaddiema tad-Direttorat) · Restawr tal-Kappella ta’ S.Marija Maddalena f’Ħad-Dingli wara ħsara kkważata minn sajjetta (minn ħaddiema tad-Direttorat) · Restawr tal-Knisja ta’ Santa Marija tar-Rokna, f’Ħal Tarxien (minn ħaddiema tad-Direttorat) · Restawr tal-Parrocca l-Qadima ta’ Birżebbuġia (minn Ħaddiema tad-Direttorat) · Restawr tal-Kappella tal-Kunċizzjoni fin-Naxxar (minn ħaddiema tad-Direttorat) · Restawr tal-Knisja l-qadima ta’ San Bastjan f’Hal Qormi (minn ħaddiema tad-Direttorat) Dawk il-Kappelli li qed jiġu restawrati bħalissa jew li ser jiġu jibdew restawrati matul l-2015 huma: · Restawr tal-Kappella tal-Mirakli, Ħal-Lija (minn ħaddiema tad-Direttorat – xogħol mibdi) · Restawr tal-Kappella tad-Duluri, Pieta’ (minn ħaddiema tad-Direttorat – xogħol mibdi) · Restawr tal-Kappella ta’ Wejda, Mosta (minn ħaddiema tad-Direttorat – xogħol se jinbeda dalwaqt) · Restawr tal-Kappella tal-Kunċizzjoni, Msida (minn ħaddiema tad-Direttorat – xogħol se jinbeda fl-aħħar tal-2015)

Restawr ta’ swar

Question

Jista l-Ministru jindika kemm-ilsur ġie restawrat minn Marzu 2013 ‘l hawn? Liema huma dawk is-swar li qed isir xogħol ta’restawr fuqhom bħalissa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-swar li ġew restawrati minn Marzu 2013 huma: · Restawr u konsolidament tas-swar taċ-Ċittadella (proġett ko-finanzjat mill-UE – mibdi fl-2009) · Restawr u konsolidament tas-swar tal-Imdina (proġett ko-finanzjat mill-UE – mibdi fl-2009) · Restawr ta’ swar ġewwa l-Belt (proġett ko-finanzjat mill-UE – mibdi fl-2009) · Restawr ta’ swar ġewwa l-Birgu (proġett ko-finanzjat mill-UE – mibdi fl-2009 ) · Restawr tas-Swar ta’ San Kristofru, taħt il-Barrakka t’Isfel (xogħol b’tender mibdi fl-2008) Filwaqt li s-swar li qed jiġu restawrati bħalissa jew li ser jiġu jibdew restawrati matul l-2015 huma: · Xogħol ta’ riabilitazzjoni tal-Foss tal-Birgu (proġett ko-finanzjat mill-UE) · Xogħol ta’ installazzjoni ta’ sistema ta’ dawl ġdida fil-Birgu (progġett ko-finanzjat mill-UE) · Restawr tal-kumplament tas-swar ġewwa l-Mdina (proġett ko-finanzjat mill-UE) · Restawr ta’ swar ġewwa l-Isla (progett ko-finanzjat mill-UE) · Restawr ta’ swar ġewwa l-Furjana (xogħol b’tender – jinbeda fl-aħħar tal-2015)

Heritage Malta – policy fuq copyright

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-policy ta’ Heritage Malta dwar copyright fir-rigward ta’ ħaddiema tagħha li jużaw riżorsi tal-istess Aġenzija (dokumentazzjoni interna, interns, ħaddiema li huma responsabbli tagħhom u xogħol tal-individwu li jsir waqt il-ħin normali tax-xogħol)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għal dak li jirrigwarda pubblikazzjonijiet, il-copyright tinżamm minn Heritage Malta.

Heritage Malta — ħaddiema ingaġġati b’ċertifikat fil-First Aid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ ħaddiema li ġew ingaġġati ma’ Heritage Malta sa Settembru 2015 u kemm minn dawn il-ħaddiema għandhom ċertifikat tal-First Aid validu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika l-perjodu minn meta qed jitlob l-informazzjoni rigward l-ingaġġ tal-ħaddiema. Nifhem li huwa m’huwiex qed jitlob li mmorru lura għad-data tal-ftuħ ta’ Heritage Malta.

Heritage Malta – siti/mużewijiet bla security officers

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 16405 u sussegwentement 16732 jista’ l-Ministru jikkonferma li anke wara li Heritage Malta ltaqgħet mal-kuntratturi, xorta kien hemm drabi oħra li reġgħu ma ntbagħtux uffiċjali tas-sigurtà f'siti tagħha? Jikkonferma l-Ministru li kull darba li l-kuntrattur jonqos li jibgħat uffiċjali tas-sigurtà ta' matul il-lejl fil-ħin stipulat, dan ikun ifisser telf għal Heritage Malta peress li membri tal-istaff tagħha jridu jinżammu overtime sakemm jieħdu hand over l-uffiċjali tas-sigurtà? Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk s'issa dawn il-kuntratturi weħlux xi penali u fil-każ jelenka minn kienet il-kumpanija, kemm u għal liema raġuni weħlu dawn il-penali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minn meta saru l-laqgħat mal-kuntratturi ma kienx hemm iżjed okkazjonijiet fejn uffiċjali tas-sigurta ma rrapurtawx għax-xoghol kif meħtieġ. Ma ġewx applikati penali, iżda Heritage Malta dejjem iżżomm id-dritt li tagħmel dan jekk ikun il-każ u skond kif ikun meħtieġ.

Qrati – theddid ta’ bomba

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sar theddid ta' bomba fil-Qrati tal-Ġustizzja ta' Malta mill-2008 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b'sena? X’inhu l-effett ta’ theddid bħal dan?

Response (BONNICI, OWEN)

Fit-tabella t’hawn taħt qed tingħata l-informazzjoni dwar in-numru ta’ theddid ta’ bombi fil-Qorti tal-Ġustizzja minn 2008 sal-lum. SENA NUMRU TA’ THEDDIDIET 2008 4 2009 15 2010 17 2011 12 2012 19 2013 3 2014 10 2015 11 Id-Direttur Ġenerali jiġi nfurmat li tkun saret theddida permezz ta’ telefonata mill-Control Room tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija jew inkella jekk it-telefonata tiġi meħudha minn impjegat tal-Qorti jinforma lid-Direttur Ġenerali. Il-Bomb Disposal Unit jiġu nfurmati mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija jew mill-Qorti stess skont fejn tkun saret it-telefonata. L-Amministrazzjoni flimkien mal-Pulizija tieħu ħsieb li tevakwa lill-impjegati u l-pubbliku li jkun preżenti fil-bini tal- Qorti. (Ara dokument Nru. 5880 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar il-Ġimgħa, 23 ta' Ottubru 2015 f'Seduta 311)

Dipartiment tal-Mużewijiet – każijiet ta’ sejbiet storiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' sejbiet storiċi li ġew irrapportati lid-Dipartiment tal-Mużewijiet matul l-aħħar għaxar snin? Fejn instabu dawn il-fdalijiet u x’kienu l-fdalijiet li nstabu? X’jiġri f’każijiet bħal dawn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li din it-talba tmur lura għal ħafna snin, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali teħtieġ iktar żmien biex tibgħatli l-informazzjoni meħtieġa. S’intendi jiena nimpenja ruħi li nagħti l-informazzjoni hekk kif dina tidħolli.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13511 u 11309 u jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid għal kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet għas-sena 2012, għas-sena 2013, u għas-sena 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali huma dawn murija fit-Tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ispiża tal-ħatriet tidher ukoll f’din it-Tabella.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – spiża ta’ ħatriet fuq bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kemm hu stmat li se tkun l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet, separatament matul is-sena 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.