Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jitmexxa mill-aktar fis possibbli l-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu biex tavviċina l-Uffiċċju inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.

Persuna b'diżabilita' li qed tapplika biex tidħol fl-SVPR

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-problemi li jeżistu rigwardanti l-applikazzjoni li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, biex din il-persuna tkun tista' tidħol f'St. Vincent de Paule? Jista' jinnota li din hija mara b'diżabilita', tgħix waħedha u ilha tapplika għal żmien konsiderevoli? Jista' jinnota wkoll li din l-anzjana mhijiex ta' waħedha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija daħlet fir-Residenza San Vinċenz de Paule fl-4 ta’ Diċembru 2002 pero’ tablet illi terġa tmur tgħix fid-dar tagħha f’Lulju 2003, liema talba ġiet milqugħa. Reġgħet tefgħat applikazzjoni ġdida f’Ottubru ta’ din is-sena u qegħda tiġi kkunsidrata.

San Ġwann — Triq George Tayar - Binja Msieraħ

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex isir xogħol ta' manutenzjoni fuq konsenturi li hemm f'entratura D, Binja Msieraħ, George Tayar Str, San Ġwann?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Community chest fund — Bank account għal tfal li jkunu fl-istituti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-community chest fund għadhiex iżżomm fond ta' ftuħ ta' ktieb tal-bank għal tfal li jkunu fl-istituti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-Mistoqsija ma taqax taħt ir-responsabilita’ tal-Ministeru tiegħi.

Sigurta' soċjali — Każ dwar kont tal-kera

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex fir-rigward ta' l-inkwilina - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - li llum hija armla, il-kont tal-kera żdied u mhux naqas meta d-dħul finanzjarju tagħha huwa inqas minn meta kienet miżżewġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi s-sussidju tal-kera nħadem skond il-kuntratt li l-inkwilina ffirmat meta applikat taħt l-Avviż 57, f’Lulju 1987. Nistieden lill-inkwilina sabiex tmur fis-sezzjoni tal-Customer Care tad-Dipartimant għall-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex jispjegawlha kif inħadmitilha l-kera.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Technical office

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali għandux technical office? Jekk fl-affermattiv, min huma l-impjegati assenjati f'dan l-uffiċċju u f'liema gradi huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment m’għandux technical office. Għandu inspectorate office fejn hemm żewġ senior technical officers u żewġ technical officers impjegati.

Postijiet tal-gvern — Stallazzjoni ta' lifts

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew installati lifts f'postijiet tal-gvern (fi proġetti qodma) fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 sal-lum? Liema kienu l-lokalitajiet u kemm kienet in-nefqa sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li taħt Skema V, l-Awtorita’ tad-Djar installat 14-il lift fis-sena 2002, li swew Lm174,400. Matul l-2003, taħt l-istess skema l-Awtorita’ s’issa nstallat 20 lift li swew madwar Lm280,800. Dawn il-lifts ġew installati fil-Belt, Bormla, Furjana, Lija, Tarxien, Ta’ Xbiex u ż-Żejtun. Ninsab infurmat ukoll li hemm 17-il lift ieħor li preżentement qed jiġu nstallati jew ġew ordnati.

Postijiet tal-gvern/postijiet tal-privat — Stallazzjoni ta' lifts

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern vis-a-vis l-installar tal-lifts fil-postijiet tal-gvern u fil-postijiet tal-privat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-politika tal-Gvern dwar installar ta’ lifts fi blokki tiegħu hi li blokki ġodda mibnija mill-Awtorita’ tad-Djar li jkunu ogħla aktar minn tlett sulari jitlestew mill-ewwel bil-lifts. Għal dawk li jirrigwarda blokki tal-Gvern eżistenti, l-Awtorita’ għandha skema apposta (Skema V), li permezz tagħha jiġu nstallati lifts f’dawn il-blokki jekk tkun tgħix persuna b’diżabilita’ ta’ mobilita’. Fil-każ ta’ postijiet privati l-Awtorita’ tagħti għajnuna finanzjarja taħt Skema 7 għal installazzjoni ta’ lift fejn tkun tgħix persuna b’diżabilita’ ta’ mobilita’ li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din l-iskema.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Spezzjonijiet fid-djar ta' l-applikanti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm isiru spezzjonijiet fid-djar ta' l-applikanti tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali fil-ġimgħa? Għal liema raġuni jsiru dawn l-ispezzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li jsiru madwar 10 spezzjonijiet fil-ġimgħa fid-djar ta’ applikanti mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Dawn l-ispezzjonijiet isiru primarjament biex issir verifikata ta’ l-informazzjoni meħtieġa dwar l-applikazzjonijiet li jirċievi d-Dipartiment.

Persuni li jgħixu bl-għajnuna soċjali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1895 u cioe' kemm hemm persuni li qed jgħixu bl-għajnuna soċjali? Kemm hemm familji jiddependu minn dan u kemm għandhom tfal? Fit-tweġiba intqal li ma tinżammx statistika dwar in-numru ta' persuni u tfal fil-familji li jgħixu bl-għajnuna soċjali. Kif jista' ikun dan meta l-ammont ta' l-għajnuna soċjali jingħata skond kemm hemm membri fil-familja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk persuna tkunx eliġibbli jew le għall-Għajnuna Soċjali ma jiddependix minn numru ta’ persuni li jkunu jgħixu fil-familja. In-numru ta’ persuni fil-familja hu biss wieħed mill-fatturi li fuqu jiddependi l-ammont ta’ l-Għajnuna Soċjali li titħallas, wara li jiġi stabbilit li wieħed ikun intitolat għal din l-Għajnuna. Minbarra n-numru ta’ persuni fil-familja, l-ammont ta’ l-Għajnuna jiddependi wkoll mid-dħul ta’ dik il-familja. Barra minn hekk l-eta’ tal-persuni fil-familja ma tinfluwenzax ir-rata ta’ l-Għajnuna. Għal dawn ir-raġunijiet li semmejt wieħed ma jistax jiddetermina n-numru ta’ tfal f-familja billi sempliċiment jara l-ammont ta’ l-Għajnuna Soċjali li tkun qed titħallas u kien għalhekk li fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 1895 li tajt f’Seduta 41 jien għidt li n-numru ta’ persuni u t-tfal fil-familja mhux wieħed mill-kriterji biex titħallas din l-Għajnuna u li ma tinżammx l-istatistika mitluba.

Żwieġijiet bejn l-istess sessi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-ministeru tiegħu huwiex beħsiebu jirrikonoxxi żwieġijiet bejn l-istess sessi li kienu saru ġo pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea meta aħna nissieħbu fl-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma għandi xejn x’inżid mat-Tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari 23089 Seduta 487 fil-Leġislatura preċedenti.

Persuni li jgħixu fil-faqar

Question

Kemm huwa meqjus li huwa n-numru ta' persuni u familji li jgħixu fil-faqar fil-gżejjer tagħna? Kemm irid ikun id-dħul ta' dawn il-persuni biex jitqiesu li qed jgħixu fil-faqar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma teżistix statistika dwar persuni u familji li jgħixu fil-faqar iżda waħda dwar persuni li jgħixu f’riskju ta’ faqar. Din l-istatistika tinsab fil-pubblikazzjoni Structural, Poverty and Social Exclusion Indicators, maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika f’Diċembru 2002.

Djar ta' l-anzjani tal-Gvern — Anzjani

Question

X'inhu n-numru ta' l-anzjani li jinsabu f'xi dar tal-anzjani tal-Gvern, lokalita' b'lokalita'? F'kull każ x'inhu n-numru ta' l-anzjani li applikaw biex jidħlu f'xi dar ta' l-anzjani u qed jistennew li jkun hemm post għalihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Dipartiment tal-Housing

Question

Jista’ l-Vici Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali jinfurmani dwar x'progress sar fuq it-talba lid-Dipartiment tal-Housing tal-familja mill-Għargħur li r-referenza tagħha qed tintbagħat separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.

Priġunieri li jokkupaw postijiet tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-faċilita' korrettiva ta' Kordina li huma inkwilini rikonoxxuti f'postijiet li s-sid tagħhom huwa l-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ebda Dipartiment jew entita’ li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi ma żżomm l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Priġunieri li għandhom applikazzjoni quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin li għandhom applikazzjoni quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali? Minn liema lokalitajiet ġejjin u għal liema lokalitajiet qed juru preferenza/

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f’xi Seduta oħra.

Anzjani li jgħixu fid-djar ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li dawk l-anzjani li qed jgħixu fid-djar ta' l-anzjani u li fl-istess ħin huma inkwilini rikonoxxuti fi proprjeta' tal-gvern, jeħdilhom il-fond tagħhom qabel ma jiġu nieqsa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dan is-suġġett qiegħed jiġi kkunsidrat.

Djar ta' l-anzjani tal-gvern/tal-privat — Anzjani

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti fid-djar ta' l-anzjani tal-gvern u anke fid-djar ta' l-anzjani tal-privat li ġew rakkomandati mill-gvern li huma inkwilini rikonoxxuti f'postijiet tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Perit

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali għandux perit permanenti jew temporanju jew konsulent fuq perizja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qatt ma kellu perit impjegat miegħu.