Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent — Karozzi ġodda
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi ġodda mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul dawn l-aħħar sena u nofs? Jista' jgħid minn min qed jintużaw dawn il-karozzi? Jista' jgħid x'marka huma dawn il-karozzi u kemm ġew jiswew?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher hawn taħt:-
Dipartiment
Jintuż
aw minn
Marka
Numru
Kemm swew Lm kull waħ
da
Ministeru
Ministru
Hyundai Accent
1
4,242
Segretarjat Permanenti
Segretarju Permanenti
VW Bora
1
6,150
Protezzjoni Ċivili
Direttur
Skoda Octavia
1
5,010
Taqsima Proprjeta` tal-Gvern
Direttur
Uffiċċju Konġunt
Renault Megane Classic
1
5,000
Reġistru ta` l-Artijiet
Direttur
Ford Focus
1
4,860
Pulizija
Diversi taqsimiet fil-Korp
Kia Rio
Skoda Felicia
Hyundai Accent
Ford Focus
Citroen C5
Kia Sedona
Citroen Berlingo
VW Pickup
Bedford (Lowloader)
2nd hand
5
11
4
1
1
6
4
2
1
2,350
2,806
2,735
4,840
7,000
6,290
3,800
6,849
11,270
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37007, jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' kera għaż-żewġ proprjetajiet mikrija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi il-kera ta` l-istore fi Triq it-Torri ta` San Ġwann fil-Birgu hija ta` sebgħin lira maltija fis-sena (Lm70) u l-kera ta` l-istore fil-Pjazza tal-Fosos il-Furjana hija ta` mija u disgħin lira maltija fis-sena (Lm190).
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li faxxa art li tinsab taħt Triq il-Barrieri, Żurrieq (jew aħjar taħt il-Kontrada magħrufa bħala ta' Taħt iċ-Ċint), parti minnha ġiet allokata u parti żgħira ma ġietx?
Response (BORG, TONIO)
Mill-informazzjoni li għandi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern m`allokat l-ebda art f`dan l-indirizz. Peress illi l-art fil-viċin kienet ingħatat lill-Awtorita` tad-Djar, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi t-talba tiegħu lill-Ministeru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena kemm-il każ ta' serq ġie rapportat mill-kumpless sportiv ta' Qali? X'kienu l-oġġetti rapportati misruqa? Kemm ġew solvuti minn dawn il-każi ta' serq? Kemm persuni tressqu l-qorti akkużati b'serq minn dan il-kumpless sportiv f'Ta' Qali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta` din is-sena, il-Pulizija kellha rapport wieħed ta` serq mill-kumpless tal-basketball f`Ta` Qali. F`dan il-każ, li għadu mhux solvut, kienu irrapurtati misruqa ammont ta` flus minn ġo basket li kien fuq bank.
Jista' il-Ministru jgħid sarx xi rapport lill-pulizija mill-awtoritajiet ta' l-iskola qed jintbagħat separatament, dwar studenta barranija li mingħajr provokazzjoni attakkat għalliem f'din l-iskola nhar it-Tlieta 22 ta' Ottubru? Jekk le, tista' ssir investigazzjoni mill-pulizija għaliex jidher li dan l-għalliem ta' eta' anzjana weġġa' sew u dan ukoll peress li xi membri ta' l-istaff li kellmuni dwar l-inċident huma inkwetati dwar dak li ġara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kellha ebda rapport dwar l-inċident imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Madankollu minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija, ġie ikkonfermat li kien hemm inċident bejn studenta barranija u għalliem. F`dan l-inċident l-għalliem sofra feriti ta` natura ħafifa u irrinunzja għal proċeduri kriminali kontra din l-istudenta.
Awtorita' ta' l-Ippjanar u l-ambjent — High Rise Buildings
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u l-Ambjent toħroġx permessi għal high rise building ġewwa Marsascala? Jekk le għaliex,jekk iva f'liema żoni? Jista' jgħid ukoll x'inhi l-policy b'mod ġenerali għal bini għoli?
Response (BORG, TONIO)
High rise building f`Marsascala jista` jkun permissibli sakemm dan ikun konformi mal-'Policy and Design Guidance 2000' paragrafu 1.7 'Application of Floor Area Ratio.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-Brigata Laburista għandhiex f'idejha xi art jew proprjeta' tal-gvern? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv fejn u meta ngħatat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond informazzjoni miġbura mit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, il-Brigata Laburista għanda mikrijin lilha żewġ proprjetajiet tal-Gvern. Dawn huma store fi Triq it-Torri ta` San Ġwann il-Birgu u store ieħor fil-Pjazza tal-Fosos il-Furjana. Dawn kienu inkrew lill-Brigata Laburista fl-20 ta` Jannar 1977 u fit-12 ta` Marzu 1977 rispettivament.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru hold-ups din is-sena u kemm minnhom ġew solvuti? X'weħħlet kull persuna li ttellgħet il-Qorti fuq reati simili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru 2002, il-Pulizija kellha 30 rapport ta` hold ups, filwaqt li fl-istess perijodu il-Pulizija solviet 19-il każ ta` hold ups. Minn dawn 3 kienu seħħew is-sena l-oħra, filwaqt li 2 mis-16 l-oħra irriżulta li fil-fatt ma kienux seħħew imma kienu każi ta` rapporti foloz. Dawn il-każi għad m`humiex deċiżi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru reati ġo Paceville u fl-area tal-madwar, din is-sena u x'kienu r-reati rrapportati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru 2002, il-Pulizija kellha 1,568 rapport ta` reati li seħħew fl-area ta` San Ġiljan, li minnhom 398 jidhru li seħħew ġewwa Paċeville. Dawn kienu jinkludu attentati ta` offiżi, offiżi fuq il-persuna, ksur ta` bon ordni, ħsarat, frodi, omiċidju u serq.
Jista' il-Ministru jelenka l-oġġetti rrapportati mitlufa lill-pulizija, u kemm minn dawn reġgħu sabu ruħhom għand sidhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta` din is-sena il-Pulizija kellha 6,131 rapport ta` oġġetti mitlufa li 135 minn l-affarijiet irrappurtati mitlufa ġew ritornati lil sidhom. Fost l-oġġetti irrappurtati mitlufa kien hemm pets, cheques u credits cards, flus, arloġġi, ħwejjeġ, jewellery, portmonijiet u kartieri, souvenirs, apparat tat-telefon, etc.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija kontra l-persuna li attakkat l-uffiċjal tal-logħba f'partita tal-premier league f'Għawdex nhar il-Ħadd, 13 ta' Ottubru 2002, fil-Gozo stadium?
Jaf il-Ministru li l-uffiċjali, li ismu qed jintbagħat separatament, kellu feriti f'wiċċu u f'idejh?
Jaf li l-persuna li aggreditu huwa impjegat tal-gvern?
Jikkonferma li din il-persuna li attakkat l-uffiċjal tal-logħba hija impjegata bħala uffiċjal tas-sigurta` fl-isptar ta' Għawdex?
Ma taħsibx li f'każ bħal dan il-pulizija kellha tipproċedi immedjatament?
Jikkonferma li din il-persuna li aggredit lill-uffiċjal tal-logħba reġa' ġie arrestat mill-pulizija minħabba theddid lill-istess referee?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-inċident imsemmi mill-Onorevoli Interpellant seħħ nhar it-12 ta` Ottubru 2002 u dwaru hemm proċeduri kriminali pendenti quddiem il-Qorti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu skejjen tal-klandestini din is-sena? Jista' jgħid f'liema kundizzjoni huma, xi kemm jiswew il-waħda u xi ħsieb hemm li jsir bihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm sittax (16) -il dgħajsa involuta fit-traġitt ta` klandestini. Tnejn kienu suġġett ta` operazzjoni ta` salvataġġ mill-Forzi Armati wara li kienu f`diffikultajiet. Waħda minnhom kienet għerqet waqt il-ħidma ta` salvataġġ, filwaqt li l-oħra għadha qed tkun miżmuma sakemm isiru l-investigazzjonijiet. Mill-erbatax l-oħra li kienu daħlu Malta bil-klandestini, waħda kienet ġiet ritornata lil sidha, oħra tkissret mal-blat waqt il-wasla, filwaqt li l-oħrajn ġew eżebiti fil-proċeduri quddiem il-Qorti li ordnat il-konfiska tagħhom. Għaldaqstant ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-aħħar parti tal-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Forzi tas-Sigurta — Taħriġ f'każ ta' Diżastru Nazzjonali
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta sar l-aħħar eżerċizzju ta' prova għal xi tip ta' National Disaster mill-forzi tas-sigurta, pulizija u protezzjoni ċivili? Jekk sar f'hiex kien jikkonsisti?
Response (BORG, TONIO)
It-tliet korpi imsemmija mill-Onorevoli Interpellant għandhom rwol differenti, pero` l-Att dwar il-Protezzjoni Ċivili jipprovdi sabiex f`każ ta` diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem, il-ħidma tat-tliet Forzi tiġi ko-ordinata mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Għalhekk tħejjew pjanijiet ta` kontinġenza li jiġu adoperati f`kull eventwalita`. It-taħriġ f`dawn il-każi jingħata "on the job" bħal ma ġara fil-każi tal-immigranti illegali kif ukoll riċentement fil-każ tal-għargħar. Il-koperazzjoni bejn it-tlett Forzi kif ukoll ma` Dipartimenti oħra tal-Gvern u Korpi Volontarji kienet waħda sodisfaċenti.
Ninsab infurmat illi l-aħħar eżerċizzju li kien jinvolvi il-forzi tas-sigurta` (il-Pulizija, l-A.F.M. u id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili) flimkien ma` entitajiet oħra, fosthom l-M.I.A., id-D.C.A. u l-awtoritajiet tas-saħħa, sar fis-6 ta` Ġunju 2002. Dan kien jitratta simulazzjoni ta` ajruplan f`diffikulta`.
B'referenza għall mistoqsija parlamentari 36403 liema domanda tikkonċerna premises kantuniera ma' St. Margaret Str. San Ġwann hekk kif iddur ma' Triq il-Fuxa, San Ġwann, jista' il-Ministru jinnota li s-sidien li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament applikaw biex jibnu it-tielet sular liema permess gie rrifjutat u huma xorta komplew jibnu penthouse u flat żgħir li jidher min-naħa ta' wara tas-supermarket li ismu qed jintbagħat separatament? X'passi ttieħdu dwar dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ittieħdet azzjoni t`infurzar skond l-Att Numru 1 dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp u inħarġu separatament tlett Avviżi biex Tieqaf u tat-Twettieq (ECF 871/02, ECF 872/02, ECF 873/02) kontra il-persuna indikata u dan talli ikkonverta washrooms bħala penthouse fuq kull wieħed mit-tlett blokki ta` erba` flats il-wieħed u dan kuntrarjament għal kif kien approvat fil-permess ta` żvilupp PA 5329/97 maħruġ fit-23 t`April 1998.
Infurmat ukoll illi sa llum penthouse waħda biss mit-tlieta in kwistjoni hija kompluta (finished) mentri t-tnejn l-oħra għadhom fi stat ta` shell form. Il-MEPA ser tibqa` ssegwi il-każ sa ma l-proċeduri t`infurzar ikunu konklużi skond il-liġi.
B'referenza għall mistoqsija parlamentari numru 36407, u cioe' jafx il-Ministru li f'Naxxar Road, San Ġwann hemm żewġ stabbilimenti separati (wieħed confectioner u l-ieħor supermarket) li għandhom roller door bejniethom li jinfetaħ kull nhar ta' Ħadd biex it-tnejn jiftħu taparsi bħala confectioners minkejja l-liċenzji separati li għandhom, x'passi ħadet il-pulizija dwar dan il-każ s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija għamlet diversi spezzjonijiet tul l-aħħar Ħdud, fejn irriżulta illi kemm il-confectionery, is-supermarket u l-grocery, li hemm fit-triq imsemmija kienu magħluqin. Infurmat ukoll illi ma rriżultax li hemm xi stabbilimenti li għandhom roller door bejniethom. Għaldaqstant ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar dettalji sabiex inkun nista` nivverifika ulterjorment.