Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #29623 Sitting 642 2001-11-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ksur tal-Liġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet rapportati lill-pulizija dwar rimi ta' skart fil-kampanja? X'passi ttieħdu u kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati b'dan il-ksur tal-liġi bejn Jannar u Ottubru f'Malta u Għawdex separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Ottubru 2001, il-Pulizija kellha 24 ir-rapport dwar rimi ta` skart fil-kampanja, filwaqt li nbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra 22-il persuna, b`konnessjoni ma` dawn ir-reati. Dawn il-każi kienu kollha f`Malta.
Leg 9 PQ #29627 Sitting 642 2001-11-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Awtorita' ta' l-Ippjanar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet għall-żviluppi ta' serer li ma approvatx l-Awtorita' ta' l-Ippjanar matul din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma rrifjutatx applikazzjonijiet għall-iżvilupp ta` serer matul din is-sena.
Leg 9 PQ #29630 Sitting 642 2001-11-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għar-raklamazzjoni ta' l-art agrikola ġiet reġistrata ma' l-PA matul din is-sena u l-2000 u l-1999? Kemm minnhom ġew approvati u kemm rifjutati? Kemm huwa n-numru ta' tmien ta' art involuti fil-każijiet approvati u rifjutati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-snin 1999, 2000 u 2001, ġew sottomessi 16-il applikazzjoni għal żvilupp li jinkludi reklamar ta` art. Minn dawn, tlieta (li jinvolvu 17.4 tomna) ġew approvati, filwaqt li tmienja (li jinvolvu 13.4 tomna) ġew rifjutati.
Leg 9 PQ #29696 Sitting 642 2001-11-19 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Tenement

Question

Riferibbilment għat-terminazzjoni ta' kiri tas-17 ta' Lulju 2001 ta' raba tal-kejl ta' madwar 42.34 metri quadri li tifforma parti minn tenement no. 50511, jista' l-Ministru jgħid jekk it-terminazzjoni ta' kiri tirreferix biss għal 42.34 metri kwadri mill-istess tenement? Jekk le, jista' l-Ministru jispjega għaliex it-terminazzjoni tal-kirja hija għat-tenement kollha meta l-parti li jrid il-kummissarju ta' l-artijiet tkejjel biss 42.34 metri kwadri? Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kummissarji ta' l-artijiet aċċetta l-qbiela mingħand il-maġġoranza ta' l-inkwilini u m'aċċetahiex mingħand tnejn minnhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax illi saret xi terminazzjoni fuq it-Tenement 50511.
Leg 9 PQ #29697 Sitting 642 2001-11-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Arresti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew arrestati persuni qabel u waqt rave parties din is-sena? Kemm kellhom żmien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u t-12 ta` Novembru 2001, ġew arrestati 36 persuna. L-eta` tagħhom kienet tvarja bejn 16 u 43 sena. Ir-'rave party' hu terminu tekniku u ma tinżammx statistika separata.
Leg 9 PQ #29698 Sitting 642 2001-11-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Rave Parties

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni illi kellhom iffitxu kura l-isptar wara jew waqt li kienu qed jattendu għar-rave parties?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma jkollhiex din it-tip ta` informazzjoni u għalhekk nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #29767 Sitting 642 2001-11-19 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-puliizja fi Triq l-Imħar, Qawra f'dak li huwa ordni pubbliku u dan speċjalment minħabba r-restaurants li hemm?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qegħda u ser tibqa` tagħmel ronda fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, kif ukoll f`toroq oħra.
Leg 9 PQ #29769 Sitting 642 2001-11-19 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Vegetable Hawker

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-vegetable hawker li dejjem ikun f'Għajn Tuffieħa preċiżament quddiem l-apples eye restaurant għandhux liċenzja ta' fixed hawker u x'liċenzja għandu u x'prodotti jista' jbiegħ skond il-liċenzja li għandu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, għandha liċenzja maħruġa mill-Pulizija ta` bejjiegħ fit-triq permezz ta` vettura bil-mutur (hawker) għall-bejgħ ta` ħaxix, ilma minerali, fruit juices, squashes, bajd, frott imnixxef u lewż.
Leg 9 PQ #29792 Sitting 642 2001-11-19 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Change of Use

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet l-applikazzjoni tal-permess li qed nibgħat under separate cover li ilha pendenti għall-kważi sena u li titratta sempliċi change of use?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qegħda fl-istadju ta` appell quddiem il-Bord ta` Appelli dwar l-Ippjanar li kien ġie sottomess fis-7 ta` Marzu 2001, wara li din l-applikazzjoni kienet ġiet rifjutata fid-29 ta` Jannar 2001. Infurmat ukoll illi hu mistenni illi dan l-appell jinstema` fit-30 ta` Jannar 2002.
Leg 9 PQ #29811 Sitting 642 2001-11-19 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Inċidenti tat-Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm seħħew inċidenti tat-traffiku li fihom kienu nvoluti persuni li kienu jużaw pedestrian crossings is-sena l-oħra u fl-ewwel 10 xhur ta' din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, ma jinżammx taħt forma ta` statistika.
Leg 9 PQ #29814 Sitting 642 2001-11-19 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti tat-traffiku rraportati lill-pulizija fejn ittajru pedestrians bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena? Kemm minn dawn l-inċidenti kienu fatali? Jista' l-Ministru jagħti l-istess informazzjoni għas-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mir-rekords miżmuma mill-Pulizija jirriżulta illi n-numru ta` pedestrians li ġew imtajra matul is-sena 2000, u matul is-sena 2001, sa l-aħħar ta` Ottubru, kien ta` 246 u 183 rispettivament. Fil-perijodi msemmija n-numru ta` dawk li mietu kawża ta` dawn l-inċidenti kien ta` 3 u 4 rispettivament.
Leg 9 PQ #29816 Sitting 642 2001-11-19 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-inċidenti tat-traffiku rapportati mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena u matul is-sena l-oħra f'Malta u f'Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Ottubru 2001, kien hemm 10,990 l-inċident tat-traffiku rrapurtati lill-Pulizija, filwaqt li matul is-sena 2000 kien hemm 12,644.
Leg 9 PQ #29818 Sitting 642 2001-11-19 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm il-persuna tilfet ħajjitha minħabba inċidenti tat-traffiku tul is-sena 2001 sa l-aħħar ta' Ottubru? Kemm kien in-numru s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta` persuni li tilfu ħajjithom minħabba inċidenti tat-traffiku matul is-sena 2000 kien ta` 12, filwaqt illi matul is-sena 2001, sa l-aħħar ta` Ottubru, in-numru kien ta` 12 ukoll.
Leg 9 PQ #29820 Sitting 642 2001-11-19 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Inċidenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm weġgħu nies kawża ta' nċidenti tat-traffiku s-sena l-oħra u fl-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 weġgħu 1,177 persuna kawża ta` inċidenti tat-traffiku, filwaqt li fl-ewwel għaxar xhur ta` din is-sena weġgħu 1,030 persuna.
Leg 9 PQ #29844 Sitting 642 2001-11-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma illi f'Għawdex il-Korp tal-Pulizija m'għandhom l-ebda bullet proof vests? X'inhi r-raġuni ta' dan?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li sal-1999 kienet biss it-Taqsima ta` l-SAG li kienet fornita b`dawn il-ġgieget. Fis-sena 2000 din ġiet estiża ukoll għall-sezzjonijiet oħra tal-Pulizija. Din is-sena ħarġet tender oħra għal aktar ġgieget u din ser tkopri l-bżonnijiet t`Għawdex ukoll.
Leg 9 PQ #29546 Sitting 641 2001-11-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed tieħu l-PA biex fi Triq iż-Żerqa, in-Naxxar, postijiet li ngħataw biex fihom isiru ħwienet, ma jiġux użati b'mod abbużiv bħala garaxxijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Uffiċjali ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qegħdin jagħmlu spezzjonijiet fl-inħawi biex jikkonfermaw jekk il-fondi msemmija humiex jintużaw bħala garaxxijiet. Jekk dan ma jirriżultax, m`hemmx lok ta` aktar azzjoni min-naħa tas-Sezzjoni ta` l-Infurzar.
Leg 9 PQ #29569 Sitting 641 2001-11-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Qawra — Swat fuq Żagħżugħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-puliżija wara li fl-għassa tal-Qawra daħlilha rapport li ż-żagħżugħ li ismu qed jintbagħat separatament ta' 16-il sena ġie msawwat minn grupp ta' żgħażagħ fl-1 ta' Lulju 2001? X'passi ttieħdu mindu l-pulizija għamlu għadd ta' mistoqsijiet lill-uħud miż-żgħażagħ li sawtu liż-żagħżugħ? Xi tweġibiet ħadet omm iż-żagħżugħ imsawwat li isimha wkoll qed jintbagħat separatament għall-ittri li kitbet lill-Kummissarju tal-Pulizija bid-data tal-20 ta' Ottubru 2001?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bħala riżultat ta` l-investigazzjoni li għamlet il-Pulizija dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, kienu ttieħdu proċeduri kriminali kontra tlett żagħżagħ talli sawtu u kkaġunaw offiżi deskritti bħala insinifikanti lill-persuna msemmija. Dawn il-proċeduri kienu appuntati għas-smiegħ fl-20 ta` Settembru 2001, pero` dakinhar il-persuna msawwta, għalkemm debitament notifikata, naqset li tidher u għaldaqstant il-Qorti lliberat lit-tlett imputati. Infurmat ukoll illi żagħżugħ ieħor, li kien ukoll involut fl-inċident imsemmi, kien tressaq il-Qorti taħt arrest nhar is-6 ta` Novembru 2001 u akkużat illi kkaġuna ġrieħi ta` natura gravi fuq il-persuna msemmija, ksur ta` ordni pubbliku u li fil-pubbliku għamel ġesti u qal kliem oxxen jew indiċenti. Dan il-każ għadu pendenti quddiem il-Qorti. Infurmat ukoll illi dan kollu ġie spjegat lill-omm dan iż-żagħżugħ, pero` din insistiet li la hija u lanqas binha qatt ma rċievew in-notifika sabiex jidhru l-Qorti. Għaldaqstant aktar investigazzjonijiet qed isiru f`dan ir-rigward.
Leg 9 PQ #29675 Sitting 641 2001-11-14 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew intavolati appelli matul l-2000 quddiem il-bord tal-appell fi ħdan l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u kemm minnhom ġew deċiżi?

Response (BORG, TONIO)

Matul is-sena 2000, ġew sottomessi 495 appell quddiem il-Bord ta` l-Appell dwar l-Ippjanar. Minn dawn 53 ġew deċiżi. Ta` min isemmi illi fis-sena 2000 ġew deċiżi 630 appell ieħor li kienu jirreferu għas-snin ta` qabel. Ta` min ifakkar li l-Bord ta` l-Appell dwar l-Ippjanar huma bord awtonomu mill-Bord ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #29679 Sitting 641 2001-11-14 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-appell quddiem l-PA li d-dettalji tiegħu jidhru taħt separate cover konċernati ċentru sportiv ilu pendenti quddiem l-appell għas-sentenza għal aktar minn tmien xhur, bi preġudizzju kbir għall-lokal?

Response (BORG, TONIO)

In-numri li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant jitrattaw applikazzjoni u appell dwar "underground garages with overlying shopping floor and with football pitch at first floor". L-aħħar darba li ltaqa` dan il-Bord fil-preżenza ta` l-appellant kien fil-25 ta` April 2001 meta kien sar aċċess fuq is-sit. Deċiżjoni dwar dan il-każ ser tingħata fit-12 ta` Diċembru 2001. Nixtieq ngħid li l-appelli minn deċiżjonijiet ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma jistemgħux quddiem l-Awtorita` ta` l-Ippjanar stess iżda quddiem Bord ta` Appelli dwar l-Ippjanar li huwa separat mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #29507 Sitting 640 2001-11-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li nqabdu jieħdu d-droga jew bil-pussess tagħha u rriżulta li kienu fil- jew mill-Mosta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel għaxar xhur ta` din is-sena, kien hemm 12-il persuna mill-Mosta li nqabdu mill-Pulizija b`konnessjoni mad-droga barra l-Mosta, filwaqt li kien hemm 5 persuni oħra li nqabdu fil-Mosta stess.