Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żabbar — Buleben iż-Żgħir - Provvista ta' l-elettriku

Question

Jista’ il-Ministru jara x’inhi l-problema li qed ibatu minnha numru sostanzjali ta’ residenti li joqogħdu f’Buleben iż-Żgħir ġewwa Ħaż-Żabbar, b’mod speċjali dawk li joqogħdu fi Triq l-1 ta’ Frar 1994 u fl-inħawi ta’ madwar, minhabba nuqqas ta’ vultaġġ elettriku? Jista’ jara li din il-problema, li ilha numru ta’ snin, kemm jista’ jkun tiġi solvuta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ix-xogħol ta' tisħiħ fuq is-sistema ta' vultaġġ baxx diġa' nbeda u għandu jitkompla flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.

Air Malta — Ajruplani RJs

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn huma l-ajruplani RJs li għandha l-kumpannija Air Malta? X'użu qed isir minnhom? Kemm intużaw matul is-sena 2003? X'nefqa għamlet l-Air Malta fuqhom biex toperahom jew biex iżżomhom fejn huma?

Response (GATT, AUSTIN)

L-ajruplani msemmija ma humiex propjeta' tal-Air Malta izda huma mikrija lill-Air Malta li kienet tikrijhom lill-AZZURRAair spa. Din il-Linja waqfet ricentament u l-ajruplani jinsabu Exeter l-Ingilterra. Dwar il-bqija tal-informazzjoni mitluba, peress li l-Air Malta hija kumpanija kummercjali ma nhossx li jkun prudenti li naghti l-informazzjoni mitluba, specjalment meta wiehed jikkunsidra l-kompetizzjoni li l-Air Malta qed tiffaccja minn kumpaniji ohra.

Air Malta — Bdil ta' vetturi tal-kumpannija

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li mal-mawra taċ-chairman il-ġdid is-Sur Lawrence Zammit, se jitbiddlu l-karozzi tal-kumpannija Air Malta għal spiża ta' circa Lm160,000? F'dan il-kontest, jista' jispjega dan meta għexieren ta' ħaddiema se jiġi tterminat l-impjieg tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-ispejjez kurrenti ghal dawn il-hames snin li gejjin, jekk il-flotta tal-karozzi tal-Management tibqa' li hi llum, jammontaw ghal madwar Lm502,000. Biex titnaqqas din l-ispiza, il-Bord tad-Diretturi prezenti iddecieda li b'xiri jew b'kiri ta' karozzi izghar, il-Kumpanija tkun qed tiffranka bejn Lm180,000 u Lm220,000 f'perjodu ta' hames snin. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija ta' l-interpellant, nixtieq nghid li s'issa l-Air Malta ghadha ma tterminat l-ebda mpjieg jekk mhux ghar-ragunijiet dixxiplinarji.

MIA

Question

Peress li l-budget ta' l-MIA fis-sena 2003 nqabeż bi Lm11,000,000, jista' il-Ministru jgħid kif intlaħqet din is-somma u l-investiment konċernat x'kien? Jekk din is-somma ntnefqet abbażi ta' nuqqas ta' aċċertazzjoni fil-professjoni arkitettwali, jista' jgħid min kien responsabbli kif se jirreċiproka l-fondi abbużati lill-poplu Malti?

Response (GATT, AUSTIN)

Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghar-risposta li tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari 1130, nigbidlu l-attenzjoni li zgur hemm zball fid-domanda tieghu ghax l-anqas il-budget totali tal-MIA ma jlahhaq Lm11-il miljun.

Maltapost — Postal delivery sorting system

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qamet il-postal delivery sorting system li xtrat il-Maltapost? Jista' jgħid mnejn inxtrat? Jista' jgħid jekk saritx sejħa għall-offerti? Min tefa' l-offerta? Kif intgħażlet u min għażilha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f'xi seduta ohra.

Gozo Channel — Servizz ta' luggage carrier

Question

Jista' il-Ministru jagħti update dwar is-sitwazzjoni tas-servizz tal-luggage carrier li kien jiġi offrut mill-Gozo Channel u li issa twaqqaf? Jista' jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jiġu mpjegati ħaddiema ġodda oħra sabiex jerġa' jibda jingħata dan is-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Is-servizz tal-Baggage Trailers li kien jiġi offrut, għadu wieqaf peress illi ma kien hemm ebda żviluppi dwar il -kwistjoni mal-UHM. Infakkar illi s-servizz waqaf mhux b'deċiżjoni tal-Gozo Channel iżda għax ingħatat direttiva ndustrijali mill- Union tal-ħaddiema. Din jidher li ġiet provokata minn ordni leġittima tal-management illi fin-naħa tal-Imġarr jiġu assenjati żewġ ħaddiema fuq dan ix-xogħol u mhux tlieta kif kien hemm qabel. Tajjeb li ngħid li fuq in-naħa taċ-Ċirkewwa s-servizz jitħaddem minn żewġ ħaddiema. Il-Kumpanija mhux qiegħda teskludi ebda possibilta' biex is-servizz jerġa' jibda jingħata iżda neskludi li ser jiġu mpjegati xi ħaddiema ġodda.

Industrial projects & services ltd. — Ex ħaddiema tal-Malta Drydocks/Malta Shipbuilding

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema ex Malta Drydocks u ex Malta Shipbuilding li marru mal-kumpannija Industrial projects & services ltd.? Jista' jgħid kif tqassmu dawn il-ħaddiema, jiġifieri fejn ġew sekondati?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Airmalta — Ħaddiema

Question

L-Air Malta għandha xi ħsieb li tagħmel tal-post lil xi wħud mill ħaddiema li kienu ġew ingaġġati għal żmien temporanju u għas-sajf? Jekk iva, kemm hemm ħaddiema involuti u meta sejjer isir jew sar dan?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Air Malta għandha grupp ta' 42 persuna li qegħdin allokati f'diversi dipartimenti. Dawn il-persuni għandhom kuntratt definit sa' l-aħħar t'April 2004. Il-Kumpanija għad m'għandhiex pjan dwar dawn il-persuni jekk hux ser jingħataw kuntratt indefinit jew le.

Bordijiet u kummissjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inħatru bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu minn April 2003 sal-lum? Minn min huma magħmula? Jista' jgħid jekk għandhomx xi onorarja u benefiċji oħra u jgħid x'inhuma?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Korporazzjoni Enemalta — Rapporti dwar ħsarat

Question

Jista' il-Ministru jara fiex waslet l-investigazzjoni dwar ħsarat fl-indirizzi mniżżla separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-persuni nvoluti f'dan il-każ diġa ġew infurmati bil-fatti tal-każ li jirriżulta li l-Enemalta fuq parir legali mhix taċċetta l-ħtija ta' dan il-każ.

Air Malta — Ħaddiema

Question

Mill-bidu tas-sena 'il hawn, jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw impjieg full-time ħaddiema ta' l-Air Malta li kienu part-time? Kif intgħażlu dawn il-ħaddiema? Kemm hemm ħaddiema ma' l-Air Malta issa? X'inhi l-fehma tal-Ministru dwar dan meta ftit ilu qal li hemm ħaddiema żejda ma' l-Air Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena infurmat li kien hemm 124 part-time loaders/cleaners li kienu konfermati bħala impjegati permanenti ma' l-Air Malta. Dawn il-ħaddiema intagħżlu bil-proċess regulari tal-ETC. Dan jikkonfermah il-fatt li l-ETC tat permess lill-Air Malta biex taqleb lill dawn il-ħaddiema mill-kuntratt ta' xogħol definit għal wieħed indefinit mis-16 ta' Jannar 2004. Ta' min jgħid ukoll illi l-Air Malta kellha parir legali illi 98 ħaddiema, li kien ilhom mal-kumpannija għal perjodu kumplessiv ta' 4 snin, kellhom bilfors jiġu mpjegati fuq kuntratt indifinit invista tar-regolament ġdid introdott b'L.N. 429/2002. Il-bilanċ ta' 26 kollha kienu ilhom numru ta' snin fuq bazi part-time b'kuntratti li kienu jiskadu f'November 2003 u Jannar 2004 skond deċizjoni li kienet ittieħded mill-Ombudsman. Dawn kien ikollhom jerġgħu jiddaħħlu meta jerġa jkun hemm bżonn għall-aktar ħaddiema f'April 2004. Barra minn hekk, fil-perjodu ta' tlett snin il-ħaddiema permanenti, loader/cleaners, minn 146 f'Marzu 2000 saru 96 f'Novembru 2003, nuqqas ta' 50 impjegat li spiċċaw minħabba eta' u kien hemm ukoll min ġie 'Boarded Out', fuq bazi mediku. Peress li nħoloq grad ġdid ta' Airport Handlers u bi duties differenti minn Loaders oħra, il-Kumpanija tkun tista' tgawdi minn flessibilita fuq il-post tax-xogħol. Illum il-ħaddiema permanenti mal-Kumpanija jammontaw għall-1835.

MOBC — Interessi privati f'bunkering operations

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jew jiċħad jekk fost id-diretturi u/jew diriġenti tal-MOBC hemmx nies li għandhom interessi privati f'bunkering operations oħra li qed isiru minn ditti oħra kompetituri tal-kumpannija? Jista' jikkonferma jekk fl-operat tal-MOBC hemmx diriġenti għoljin li għandhom konflitt ta' interess fl-esekuzzjoni tal-qadi tad-dmirijiet tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-MOBC mhiex konxja tal-fatt allegat u ma hemm ebda direttur jew diriġent li għandu interess fl-operat tal-bunkering. Il-kumpanija tikkonferma wkoll li sa fejn taf hi l-ebda diriġent ma għandu konflitt ta' interess fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu. B'danakollu, kemm il-darba l-Onor. Interpellant jista' jkun aktar speċifiku, anki fuq bażi kunfidenzjali, naċċertah li ma għandi ebda problema biex nagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji.

Ħaddiema tal-Malta Shipyards — Xogħlijiet fuq vapuri

Question

X'vapuri jew xogħlijiet oħra ħadmu fuqhom il-ħaddiema tal-Malta Shipyards Co. tul ix-xahar ta' Diċembru 2003?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Malta Shipyards Ltd., matul ix-xahar ta' Diċembru 2003 għamlet dawn ix-xogħolijiet: Tiswija fuq 12-il vapur li kienu fit-Tarzna Tiswijiet u xogħolijiet ta' konverzjoni fuq 4 Super Yachts Manifattura ta' 3 bagi kbar Xogħolijiet oħra għall Kumpaniji bħall-Enemalta, Air Malta, Malta Freeport etc. Xogħolijiet fuq vapuri oħra li ma kienux jinsabu ġot-Tarzna.

MIMCOL — Proġett ta' Chambray - Għawdex

Question

Jista il-Ministru jgħid x'passi qed tieħu l-MIMCOL dwar is-sehem tal-Gvern Malti fil-proġett ta' Chambray u biex tiżgura li l-partijiet l-oħra involuti fil-proġett iżommu l-impenji li ħadu meta ngħataw propjeta' pubblika b'kundizzjonijiet daqshekk favorevoli?

Response (GATT, AUSTIN)

Permezz tal-MGI il-Gvern huwa azzjonista b'sehem ta' 49% fil-kumpanijea Fort Chambray Ltd. F'din il-kumpanija l-MGI hija rapprezentata minn zewg diretturi fuq Board kompost minn ħames persuni. Flimkien mal-Gvern u bħala azzjonista b'minorita, l-MGI qed tistudja l-qagħda tal-proġett ġo Fort Chambray fid-dawl ta' l-obbligi u l-impenji kontrattwali tal-Forti Development Ltd u Forti Resorts Ltd li dawn assumew permezz tal-kumtratti tas-sub cens rispettivi kif ukoll in vista ta' obbligi u kundizzjonijiet bħal dawk imposti mill-MEPA. B'dan il-għan saru diversi laqgħat mal-partijiet konċernati.

Santa Venera — Triq il-Kbira San Ġużepp - proġett mill-WSC

Question

Jista' il-Ministru jispjega l-proġett li l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma se tagħmel fi Triq il-Kbira San Ġużepp f'Santa Venera u l-Ħamrun? Kemm se jiswa dan il-proġett? Meta hu maħsub li jibda x-xogħol? Jikkonsidra l-Ministru li dan ix-xogħol jibda minn naħa ta' Santa Venera billi hu magħruf li l-kunsill lokali ta' din il-lokalita' ma jdumx ma jibda xogħol ta' riabilitazzjoni u tisbiħ fl-istess triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Bħalissa il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma m'għandiex pjanijiet dwar Triq il-Kbira San Ġużepp f'Santa Venera u l-Ħamrun. Jista' jkun li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal proġett li l-gvern ċentrali għandu biex jingħata wiċċ ġdid lil din it-triq. Kif dejjem jiġri meta jsiru proġetti bħal dawn, il-gvern ċentrali talab lill-Korporazzjoni jekk hemmx xi mains u house connections ta' l-ilma biex jinbidlu qabel ma jsir il-wiċċ il-ġdid tat-triq. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma min-naħa tagħha studjat x'infrastruttura għandha fit-triq u se tipproponi biex jinbidlu xi mains u house connections qodma. Din l-informazzjoni se tingħadda lill-gvern ċentrali fi żmien qasir. Peress li dan il-proġett huwa tal-gvern ċentrali, il-Korporazzjoni ma tidħolx f'meta u minn fejn se jinbeda l-proġett.

Santa Venera — Triq Miruzzi - sistema ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk is-sistema ġdida ta' drenaġġ fi Triq Miruzzi, f'Santa Venera hijiex lesta u jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni li mhijiex titħaddem? Jekk fin-negattiv, x'inhu jżomm lill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma biex tlesti dan ix-xogħol u r-residenti ma jibqgħux jagħmlu użu mill-fossa?

Response (GATT, AUSTIN)

Fi Triq Miruzzi, Santa Venera tlestiet l-ewwel fażi tax-xogħol fuq is-sistema tad-Drenaġġ. Is-sistema tkun tista' titħaddem kompletament bit-twettieq tat-tieni fażi. Inbeda l-proċess tat-tender għax-xogħol li jkopri t-tieni fażi.

Santa Venera — Triq il-Brunżar - sistema ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk issewwitx is-sistema ġdida ta' drenaġġ fi Triq il-Brunżar, f'Santa Venera u jekk fl-affermattiv, għaliex ma' kull ħalba xita d-drenaġġ għadu jfur għat-triq u joskula wkoll fid-djar tar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-ħsara msemmija li hemm fi Triq il-Brunzar, Santa Venera, ser tissewwa fil-jiem li ġejjin. Il-ħsara għada ma bditx tissewwa sal-lum għax il-permess tal-ADT għadu ma ngħatax. Qed isir kull sforz u pressjoni biex dan jitranġa u mbagħad tkun tista' tissewwa l-ħsara minnufih.

Sussidji — Kumpanniji pubbliċi

Question

Liema kumpanniji pubbliċi u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu jirċievu sussidji pubbliċi? F'kull każ kemm kien is-sussidji sena b'sena fl-aħħar ħames snin? X'kien dan is-sussidju ras għal ras tal-persuni li jaħdmu f'dawn l-entitajiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.