Legislature:
Category:
Reset
Active:

Reġistrazzjoni ta' bastimenti

Question

Jista' il-Ministu jgħid kemm ġew reġistrati bastimenti fir-reġistru marittimu Malti fl-2004 fl-2005 u fl-2006 (sal-lum)? Liema kienu l-aktar tliet nazzjonalitajiet li rreġistraw bastimenti mal-bandiera Maltija?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija nkluża fir-rapport annwali ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta li kull sena jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni mitluba għall-perjodu Ottubru 2005 sa Settembru 2006, ser tidher fir-rapport annwali ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta għal istess sena. Jien infurmat li l-Greċja, it-Turkija u l-Federazjoni Russa huma l-aktar tlett nazzjonalitajiet li għandhom bastimenti reġistrati taħt il-bandiera Maltija.

Vapuri

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu t-tunnellaġġ ta' vapuri minbarra jottijiet li huma reġistrati taħt il-bandiera Maltija? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm inċidenti li kienu nvoluti fihom matul din is-sena? Fejn u x'tip ta' inċidenti kienu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta ta' pq 14273, ninfuramħ li l-kumplament tar-risposta għadha qed tinġabar u tingħata aktar 'l quddiem.

Jottijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' jottijiet reġistrati taħt il-bandiera Maltija? Kemm minnhom jorbtu fil-marinas Maltin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' jottijiet taħt il-bandiera Maltija hu ta madwar 1900, li minnhom 933 għandhom berth fil-faċilitajiet ta' l-MMA.

Bini ta' marinas

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern dwar il-bini ta' marinas għal jottijiet? Hemm xi studji li qed isiru għal postijiet partikolari?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-politika tal-Gvern hija favur iżvilupp sostenibbli fil-qasam tal-yachting - l-ewwel permezz ta' yacht marinas żviluppati w imexxija mill-MMA u aktar tard permezz ta' żvilupp li sar f'dan il-qasam mis-settur privat. Għal dan il-għan, fl-1996, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, flimkien ma l-Awtorita' Marittima, kienu nedew l-Yachting Subject Study li permezz tiegħu ġew identifikati numru ta' siti li possibilment setgħu jiġu żviluppati bħala yacht marinas. Bħala riżultat qegħdin jiġu nvestigati, aktar fil-fond permezz ta' studji tekniċi, żewġ siti partikolari ġewwa x-Xemxija u Marsaskala. L-Awtorita' taqbel ukoll li għandha ssir yacht marina oħra f'Għawdex. Barra min dan qegħda tiġi mistħarġa l-possibilita li tiġi ntrodotta sistema ta' rmiġġi temporanji għall-yachts f'lokalitajiet differenti sabiex tilqa għad-domanda minn visiting yachts barranin. Minbarra dan l-MMA tintalab tgħaddi l-kummenti tagħha meta jkun hemm talbiet ta' żvilupp ta' marinas mis-settur privat.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Rapporti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ikkummissjonati rapporti fid-dekasteru tiegħu kull sena għal dawn l-aħħar erba' snin? Kemm swew kull wieħed u x'inhuma dawk pendenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika x'tip ta' rapporti qed jagħmel referenza għalihom.

Ta' Qali — Bini tal-crafts village

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-bini tal-crafts village f'Ta' Qali? Fejn waslu l-pjani tal-gvern għal dan il-proġett?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Ministeru għal Iżvilupp Urban u Toroq qed jipprepara t-tenders għax-xogħol meħtieġ.

Moll ta' l-Imġarr

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21016 dwar escalator għall-passiġġieri, jista' il-Ministru jgħid meta saret id-deċiżjoni għal din il-modifika u jgħid jekk din il-modifika involvietx spejjeż extra? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-deċiżjoni sabiex issir din il-modifikazzjoni saret reċentament. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija r-risposta tkun tista tingħata aktar il-quddiem.

Opri tal-baħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn opri tal-baħar reġistrati llum u x'tip huma? Kemm minn dawn għandhom berth ġo yacht marina?

Response (GALEA, ĊENSU)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mgħotija għall-Mistqosija Parlamentari Nru. 20464. Dwar in-numru ta' opri li għandhom berth ġo yacht marina jien infurmat li hemm 933 yacht li għandhom berth fil-marinas ta' l-MMA. M'għandix informazzjoni dwar kemm għandha berths f'Marinas privati.

Vapuri tal-gwerra

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu vapuri tal-gwerra din is-sena, x'nazzjonalita' kienu u x'tip kienu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien nfurmat li bastimenti tal-gwerra li daħlu Malta minn Jannar sa Settembru 2006 kien kif ġej: Type Numru Nazzjonalita' Survey Vessel 1 Renju Unit Patrol Craft 17 Franza 1, Ġermanja 8, Italja 5 Greċja 2, Rep. Irlandiża 1 Frigate 13 Portugall 1, Canada 1, Stati Uniti 1, Ġermanja 2, Polonja 1, Franza 2, Danimarka 1, Svezja 4 Supply Vessel 1 Franza 1 Submarine 2 Olanda 1, Ġermanja 1 Destroyer 4 Stati Uniti 1, Renju Unit 3 Support Vessels 2 Ġermanja 1, Spanja 1 Mine Hunter 4 Ġermanja 1, Greċja 1, Spanja 1, Turkija 1 Corvette 1 Portugall 1 Tug 1 Italja 1 Cruiser 1 Ġermanja 1 Training Ship 1 Turkija 1 Total 48

Moll ta' l-Imġarr

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni nqala' it-taraġ li kien inbena fuq il-moll ta' l-Imġarr, minn liema taraġ suppost kellhom jinżlu l-passiġġieri?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sa llum il-ġurnata, l-Awtorita' Marittima ma qagħlet l-ebda taraġ li nbena fuq il-moll ta' l-Imġarr. Kull ma saret kienet modifikazzjoni fuq dan it-taraġ sabiex il-post jkun jista jakkomoda escalator għall-passiġieri.

MMA — Każ dwar uffiċjal

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li ngħata upgrade lil persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, uffiċjal fil-MMA shipping dan l-aħħar? Jista' jgħid kemm tela' skali dan l-istess uffiċjal, x'salarju kellu qabel u x'inhu llum? Jista' jiċħad jew jikkonferma li qraba ta' dan l-uffiċjal għandhom relazzjoni ma' deputat tal-gvern?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-persuna ngħata upgrade sabiex jimtela post vakanti. Permezz ta' din l-upgrade l-uffiċċjal tela' minn Grade 3 għal Grade 1. Il-paga tiegħu bħala uffiċċjal fi Grade 3 kienet ta' Lm9,929 filwaqt li l-paga tiegħu fi Grade 1 hi ta' Lm12,046. L-Awtorita' Marittima Maltija ma tfittix informazzjoni fuq ir-relazzjoni ta' familjari ta' l-impjegati tagħha.

MMA — Studenti għas-sajf

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti għas-sajf mal-MMA? Jista' jgħid sarux interviews u b'liema mod intgħażlu? Jista' il-Ministru jgħid hijiex normali li dawn l-istudenti (tmienja minnhom) tpoġġew kollha fir-records management?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' studenti tas-sajf li ġew impjegati mill-Awtorita' Marittima kien ta' 25. Dawn intgħażlu minn lista mibgħuta mill-ETC u mill-Students Maintenance Grants Board tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. L-istudenti jitqassmu f'dawk il-postijiet fejn hemm l-akbar ħtieġa.

MMA — Dipartiment tar-Records Management

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex inħoloq id-dipartiment ta' records management fl-MMA? Jista' jiċħad jew jikkonferma li dan sar sabiex inħoloq post ta' manager kif seħħ meta nħoloq dan id-dipartiment?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-dipartiment ta' Records Management twaqqaf biex jaqdi l-funzjoni marbuta ma' records management. Għaldaqstant l-Awtorita' Marittima tirribatti kull insinwazzjoni li dan sar għar-raġuni msemmija.

MMA — Dipartiment ta' Records Management

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jaqbilx li d-dipartiment ta' records management fl-MMA inħoloq għalxejn għaliex ix-xogħol tiegħu seta jagħmlu d-dipartiment li kien u għadu jeżisti ta' l-IT?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-funzjoni tad-dipartiment ta' records management hi kompletament differenti minn dik ta' l-IT.

MMA — Dipartiment ta' Records Management

Question

Jista' il-Ministru jiċħad jew jikkonferma li d-dipartiment ta' records management fl-MMA għamel żmien immexxi minn executive li issa ngħata promotion għal manager, student, minn konsulent u issa nħolqu postijiet ġodda ta' skrivan? Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru jew le li CEO tal-MMA jikkonsulta biss ma' dan l-istess manager u jekk hemmx rabta mal-promozzjoni li ngħata u l-fatt li dawn iż-żewġ uffiċjali, CEO u l-manager huma ħbieb kbar anke barra mix-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-dipartiment ta' records management ġie mwaqqaf minn executive li wara ngħata promotion għal manager. F'dak li għandu x'jaqsam max-xogħol marbut ma' dan id-dipartiment, is-CEO jikkonsulta ma' dan il-manager.

MMA — Uniformijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid minfejn inxtraw l-uniformijiet ta' l-uffiċjali kollha li jingħataw uniformi fl-MMA mill-2004 sal-lum? Jista' jgħid jekk dawn l-uniformijiet humiex qegħdin jinxtraw mingħand l-istess kumpannija u f'każ li fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni? Jista' jgħid min qiegħed japprova x-xiri ta' l-uniformijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-uniformijet li jingħataw lill-impjegati mill-Awtorita' Marittima ġew mixtrija minn dawn il-kumpanija / suppliers. 2004 2005 2006 BTI BTI BTI Elite Ltd Elite Ltd Elite Ltd Domeman Glove Domeman Glove Domeman Glove Calfam FRD Trading FRD Trading Giordani Giordani Giordani Yorkie MBF & Co MBF & Co Ix-xiri ta' dawn l-uniformijiet jiġi approvat mill-Purchasing Committee ta' l-istess Awtorita'.

MMA — Cargo Handling

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux minnu jew le li sabiex infetħu u ntgħażlet l-offerta tal-Cargo Handling inkriet is-sala ta' Dar il-Mediterran u kien hemm tfajliet xogħol dakinhar mhux uffiċjali tal-MMA? Jista' jgħid kemm inkriet is-sala għal dakinhar u xi spejjeż oħra kien hemm globalment? Ma jaħsibx li dawn l-ispejjeż setgħu jiġu evitati, meta l-MMA għandha sala fil-premises tagħha stess?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ftuħ tal-ħames (5) offerti dwar il-Cargo Handling Services Concession fil-Port il-Kbir sar fl-uffiċċju tal-Malta Maritime Authority nhar it-3 ta' April 2006 fl-erbgħa ta' wara nofsinhar. Kull min tefa' offerta kien mistieden jattendi għall-ftuħ ta' l-offerti. It-Team ta' Negozjaturi għażel li waqt il-proċess ta' evalwazzjoni kull min tefa' offerta kellu jingħata opportunita' li jagħmel preżentazzjoni formali ta' l-offerta rispettiva tiegħu u li l-proċess tan-negozjati kellu jinżamm f'ambjent li joffri il-privatezza meħtieġa u kif ukoll jiġi rrikordjat. L-uffiċċju ta' l-Awtorita' Marittima ma joffrix dawn il-faċilitajiet. Is-sala f'Dar il-Mediterran intagħżlet propju minħabba l-fatt li toffri faċilitajiet ta' audio-visual. Saru b'kollox ħames laqgħat f'Dar il-Mediterran. L-ispiża għall-kiri tas-sala f'Dar il-Mediterran kienet ta' Lm2396.58. Ma kienx hemm aktar spejjeż.

MMA — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm nefqet flus l-MMA fuq safar matul l-2004, l-2005 u l-2006 sal-lum xahar b'xahar? Jista' jgħid fejn kienet id-destinazzjoni ta' kull safra, x'kienet ir-raġuni, kemm maru uffiċjali f'kull safra u xi grad għandhom l-uffiċjali li siefru?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MMA — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx uffiċjali li siefru aktar minn darba fl-MMA matul is-snin 2004, 2005 u 2006 sal-lum? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid min kienu dawn l-uffiċjali, xi grad għandhom u kemm siefru kull wieħed minnhom separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.