Presidenza tal-Unjoni Ewropea – prijorità lis-settur agrikolu u sajd
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'ser ikunu l-prijoritajiet ta' Malta f'dak li jikkonċerna s-settur agrikolu kif ukoll dak tas-sajd meta Malta jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-prioritajiet f’dawn l-oqsma għadhom qed jiġu ffinalizzati.
Fir-rigward tal-qasam agrikolu, bis-sitwazzjoni prekarja li għaddej minnha s-settur agrikolu tal-Unjoni Ewropea, il-priorità bħalissa qiegħda fuq diskussjonijiet biex intejbu s-sitwazzjoni. Malta qiegħda ssegwi mill-qrib dawn l-iżviluppi sabiex tkompli din il-ħidma bħala Presidenza biex b’hekk it-tisħieħ u t-tkabbir fis-settur agrikulturali tal-Ewropa jimpatta pożittiv fuq Malta.
Fir-rigward tas-sajd, il-priorità tal-ħidma tal-Presidenza Maltija tkun dik li tibqa’ għaddejja l-ħidma sabiex nilħqu
level playing field
fil-Mediterran.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 20150, peress illi l-Ministru rreferieni għall-Ministru ieħor għar-risposta, dan ifissser illi l-Ministru responsabbli mill-Agrikoltura u Sajd ma jafx meta l-pjan għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 se jkun operattiv u min se jibbenefika minn dan il-pjan u f’liema proporzjon? Il-Ministru responsabbli mill-Fondi tal-Unjoni Ewropea qiegħed jikkonsulta u jiddjaloga mal-Ministru responsabbli mis-settur agrikolu u tas-sajd fuq fondi direttament relatati ma’ dan is-settur?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 20150 b'ebda mod ma tajt x’nifhem li mhux qed niġi kkonsultat mill-Ministru responsabbli għall-Pjan għall-Iżvilupp li staqsa dwar id-dettalji tal-operattività jew il-kontenuti tiegħu.
Jista’ l-Ministru jikkoordina mal-BirdLife, li hi responsabbli mis-Simar, f'San Pawl il-Baħar, biex l-area tas-siġar taż-żebbuġ li hemm bħala parti mill-istess inħawi, tiġi mnaddfa mill-ħafna friegħ tas-siġar mejta li hemm jiġru ma kullimkien, u dan qabel ma ssir xi vendikazzjoni li permezz tagħha l-istess siġar jingħataw in-nar b’konsegwenzi wkoll fuq l-istess riserva?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-masġar imsemmi huwa parti minn sit protett, li qiegħed jinżamm fi stat naturali minħabba l-biodiversità tal-post.
Jista’ l-Ministru jassigura li d-dawl li hemm fuq il-moll tal-Veċċja, liema dawl ġie mibdul ftit tal-ġimgħat ilu, ma jibqax jinqata’? X’inhi r-raġuni li qed tikkawża l-istess ħsarat, u kemm-il darba ssewwew minn meta twaħħlu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej proċess ta’ fault finding fis-sistema elettrika tal-moll tal-Veċċja min-naħa tal-electrician tal-kuntrattur . Ninsab infurmat li qabel din id-darba, id-dawl inqata’ f’okkażżjoni oħra, fejn kien nstab fault u ssewwa. Għal xi raġuni li għadha ma ġietx stabbilità, għad hemm diffikultajiet f’parti mis-sistema tad-dawl. Qed isir kull sforz biex dan l-inkonvenjent jiġi rranġat mill-aktar fis possibli.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema spezzjonijiet saru fuq prodotti (ta' kull tip) agrikoli li jinġiebu fis-suq lokali, u x’koordinazzjoni qiegħda ssir dwar dan mal-Ministeru tal-Finanzi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet, matul l-aħħar sena, fejn persuni nqabdu jdaħħlu prodotti mhux imkabbra lokalment, fil-Pitkalija, Ta' Qali? X’passi ttieħdu dwar dan?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-Pitklalija jsiru spezzjonijiet regolari u għal għarrieda minn spetturi mħarġa. Matul is-sena 2015, kien hemm każ wieħed, fejn Pitkal instab li kellu prodotti li allegatament ma kinux lokali. F'dan il-każ ittieħdu l-passi dixxiplinarji skont il-liġi li tirregola l-Pitkalija.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm ħruġ ta' majjal barra minn Malta, u jekk fl-affermattiv jista jgħid lejn liema pajjiżi, kemm jekk għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lejn pajjiżi oħra?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2014 lil hawn kien hemm ħruġ ta’ majjal għall-Italja.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ingħataw xogħol, kemm b’direct order jew wara sejħa pubblika l-Avukat u/jew id-Ditta tal-Avukati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament sew jekk b’konsulenza jew xogħol ieħor għas-snin 2003–2013?
Response (HERRERA, JOSÈ)
L-Onor. Interpellant japprezza li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli nibet minn Ministeri oħra li kienu jħaddnu wkoll bosta sezzjonijiet u/jew entitajiet u dipartimenti li llum ma jiffurmawx parti minn dan il-Ministeru. Fil-fatt, fil-parti l-kbira tiegħu, il-Ministeru tiegħi twieled minn dak li qabel kien il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali (MRRA) li minnu twieled ukoll il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura (MTI) tal-lum. Għaldaqstant biex ma tingħatax informazzjoni doppja għall-perjodu ta’ bejn l-2008 u Marzu 2013, ir-risposta ser tingħata mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari simili. Min-naħa l-oħra, ninforma lill-Onor. Interpellant, li ninsab infurmat li f’dak li jirrigwardja l-perjodu 2003-2007, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ma ta l-ebda xogħol lill-kumpanija msemmija.
Stallazzjoni ta’ Pannelli fotovoltajċi – bdiewa u raħħala
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li bdiewa u raħħala li jitħajru jinstallaw il-pannelli fotovoltajiċi fir-raba’/irziezet tagħhom, jingħataw xi forma ta’ għajnuna?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 24232.
Bdiewa – diversifikazzjoni tal-produzzjoni ta’ ħaxix u frott differenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel il-Gvern biex iħajjar lill-bdiewa jiddiversifikaw il-produzzjoni tagħhom billi jkabbru varjetajiet ta’ ħaxix u frott differenti minn dak li jkabbru tradizzjonalment?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tad-Diversifikazjoni u Kompetittività fi ħdan id-Dipartiment tal-Iżvilupp Rurali qed iniedi riċerka fuq diversi prodotti varji u differenti minn dawk tradizzjonali fil-qasam sperimentali tal-Għammieri. Dan bil-għan illi r-riżultati ta’ dawn il-provi jiġu disseminati għand il-bdiewa sabiex jitħajru jiddiversifikaw il-prodotti tagħhom filwaqt li jkunu aktar kompetittivi. Il-provi li qed isiru fl-Għammieri ser iservu wkoll bħala dimostrazzjoni tal-prodott. Aġġornament ta’ xi jkun qed jitkabbar fl-Għammieri ser ikun ippubblikat fir-rivista tal-Ministeru ‘Nisġet Artna’. Din ir-rivista titqassam lill-bdiewa u dawk kollha interessati, filwaqt li tiġi ppubblikata wkoll fuq il-websajt tal-Ministeru kif ukoll imtella fuq il-paġna ta’ facebook – Nisġet Artna.
B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 25531,jista’ l-Ministru jgħid mil-liema lokalitajiet f'Għawdex ġejjin dawk li għandhom liċenzja għall-kaċċa u mil-liema lokalitajiet f'Għawdex ġejjin dawk li għandhom liċenzja għall-insib? Jista' jgħid kemm hemm persuni f'Għawdex illum li għandhom kemm liċenzja għall-kaċċa kif ukoll liċenzja għall-insib?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm 1,630 liċenzja tal-kaċċa f’Għawdex u dawn qegħdin fil-lokalitajiet ta’ Fontana, Għajnsielem, Għarb, Għasri, Kerċem, Marsalforn, Munxar, Nadur, Qala, Rabat, San Lawrenz, Sannat, Xagħra, Xewkija, Xlendi u Żebbuġ. Fl-istess lokalitajiet ġewwa Għawdex hemm ukoll 1,160 liċenzja tal-insib.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ġibjun li sar fejn qabel kien hemm il-landfill tal-Qortin fix-Xagħra, Għawdex hux qed jintuża? Jista' jgħid kemm ittieħed ilma minn dan il-ġibjun għat-tisqija tas-siġar li hemm fuq dan is-sit? Jista' jgħid għaliex il-post fejn kien isir is-sorting mill-Wasteserv fil-Qortin fix-Xagħra għadu ma tnaddafx u l-istrutturi ma tneħħewx issa li dan ix-xogħol ma għadux isir hemm iżda qed isir f'Tal-Kus fix-Xewkija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ġibjun li nbena l-Qortin jimtela bl-ilma tax-xita li jinġabar minn fuq il-Qortin. Fix-xhur wara li dan il-ġibjun kien lest, ammonti negliġibbli ta’ xita ħallew dan il-ġibjun vojt, bħal ma ġara f’kull ġibjun f’Malta u f’Għawdex. Għaldaqstant it-tisqija baqgħet issir minħabba l-fatt li l-Wasteserv għandha kuntratti ta’ manutenzjoni u tisqija għal dan is-sit li jibqgħu sejrin sa Awwissu tas-sena 2017, dan sabiex jiġi assigurat li s-siġar li ġew miżrugħa jieħdu fil-post ġdid.
Fir-rigward il-post fejn kien isir is-
sorting
tal-borża l-griża jew ħadra, dan ġie mnaddaf u m’għadux jintuża għal dan il-għan. L-istrutturi li għad baqa’ huma blokkok tal-konkos li qed jinżammu maħżuna fuq il-post biex jerġgħu jiġu utilizzati fejn ikun hemm bżonnhom.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’inizjattivi qegħdin preżentament jittieħdu jew ser jittieħdu mill-Ministeru sal-aħħar ta’ din il-leġiżlatura f’Wied il-Għajn?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal-liema settur li jaqa’ taħt il-Ministeru qed jirreferi għalih.
Animal Welfare –annimali li jitraqqdu mingħajt il-kunsens tas-sid
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn qattusa li nġabret minn St Joseph Ward 10 fir-Residenza San Vinċenz de Paule il-Ħadd 29 ta’ Mejju wara li n-nurses u l-istaff ta' din is-sala li kienu jieħdu ħsiebha ċemplu lill-Animal Welfare għax dehret ma tiflaħx, u fejn l-istess nurses kellhom jerġgħu jċemplu l-għada t-Tnejn biex jaraw kif għaddiet, qalulhom li l-qattusa spiċċat imraqqda mingħajr ma kienu ġew infurmati n-nurses? Ladarba l-istaff ta’ din is-sala kienu qed jieħdu ħsieb din il-qattusa għal żmien twil u ladarba li s-sidien tal-qattusa kienu identifikabbli għaliex din il-qattusa qabdet u traqqdet mingħajr ma ġew infurmati n-nurses? Billi din il-ħaġa qed tiġri ta’ spiss fejn annimal li s-sid tiegħu jkun identifikabbli mill-Animal Welfare, dawn xorta qed jaqbdu u jraqqdu l-annimal (anke jekk dan isir permezz ta’ veterinarju mqabbad minnhom) mingħajr ma jiġi infurmat is-sid, jista’ l-Ministru jinterveni biex jara li din il-prattika li qed tirrabja ħafna nies u NGO's li jħobbu l-annimali, tieqaf minnufih? Japprezza li min ikollu annimal, dan isir parti mill-familja tiegħu u allura għandu jingħata ċ-ċans li jieħu a second professional opinion qabel dan l-annimal jitraqqad mill-Animal Welfare (jew veterinarju imqabbad mill-Animal Welfare) mingħajr ma jiġi infurmat is-sid?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Jidher li l-Onor. Interpellant jew irid jippolitiċizza xi ħaġa li għandha tkun lil hinn mill-politika jew inkella, wara dawn is-snin kollha li ilu mwaqqaf d-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali għadu ma jafx li dan id-Direttorat mhux qiegħed hemm biex jagħti servizz ta’ veterinerija lill-terzi iżda qiegħed hemm biss biex jiġbor annimali tat-triq ċioè ‘strays’ li ma jkollhomx sid. Hija ħasra li nippruvaw nirkbu l-karru tas-sensazzjonaliżmu biex nippruvaw niskurjaw punti politiċi.
F’dan il-kuntest kull meta d-Direttorat jiġbor annimal dan jassumi r-responsabbiltà sħiħa tiegħu skont il-liġi u ħadd iktar ma jkollu jedd fuqu, għajr meta persuna li tagħti prova li tkun sid l-annimal tagħmel talba għalih, f’liema każ l-annimal jingħata lura lis-sid wara li dan iħallas l-ispejjeż kollha relevanti inkluż tal-ambulanza. Jekk ma jitħallsux l-ispejjeż l-annimal ma jingħatax lura u, sakemm ikun jista’ jitfejjaq, jinżamm mid-Direttorat sakemm jew jerġa’ jintelaq fl-ambjent naturali fejn instab jew jinżamm sakemm ikun jista’ jingħata lil xi NGO tal-annimali. Naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem tajjeb li m’għandux ikun tollerat abbuż fejn sidien ta’ annimal minnflok jikkurawh huma skont il-liġi jċemplu lid-Direttorat tal-Animal Welfare sabiex wara li l-annimal ikun ikkurat dan jintalab lura u b’hekk is-sid jevita l-ispejjeż tal-kura. Min jagħmel hekk ikun qed jikser il-liġi. F’dan il-każ partikolari l-persuni li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant fl-ebda stadju ma qalu li huma kienu s-sid tal-annimal. Sadanittant ta’ min ifakkar li d-Direttorat isegwi protokol ċar meta jiġbor annimal mit-triq fosthom li l-annimal ikun eżaminat minn veterinarju sabiex ikun stabbilit jekk l-annimal hux marid, jekk jistax jitfejjaq u jekk inkella, minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, l-annimal għandux jitraqqad abbażi ta’ prattiċi professjonali ħalli dan ma jibqax ibagħti bla bżonn. Id-deċiżjoni aħħarija hija dejjem tal-veterinarju.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li fil-każ imsemmi l-qattusa sarulha testijiet fejn ġiet iċċertifikata mill-Veterinarju li fost affarijiet oħra rriżultat pożittiva għall-FIV li hi marda terminali li tittieħed minn qattus għal ieħor.
Sadanittant jekk l-Onor. Interpellant għandu xi suġġeriment x’jagħmel dwar kif il-veterinarju għandu jiddeċiedi l-każijiet li jkollu quddiemu, nitolbu jgħaddihomli wara li jkun ikkonferma dan.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għalfejn ir-residenti ta’ Wied il-Għajn għadhom ma rċevewx il-ħlas tal-kumpens mingħand il-WasteServ kif kienu qegħdin jirċievu fis-snin ta’ qabel? Jista’ jindika wkoll kemm hemm persuni ntitolati? Jista’ jindika kemm qiegħed komplessivament jitħallas?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawn iċ-ċekkijiet ser jitqassmu fl-aħħar ta' dan ix-xhar. Skont l-informazzjoni provduta mill-ARMS, il-persuni intitolati jammontaw għal ftit iktar minn 16,000 persuna u l-ammont huwa stmat li jiswa madwar €295,000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema li hemm jaħdmu fid-Direttorat tal-Agrikoltura sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari? Xi grad għandhom? X'apparat ġdid ingħatalhom matul dawn l-aħħar tliet snin u kemm sewa dan l-apparat?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk preżentament hawnx xi sezzjoni/dipartiment fi ħdan il-Ministeru tiegħu, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex, li jieħu ħsieb jara fejn se tkun se tittieħed il-ħamrija li titħammel minħabba żvilupp għall-bini?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.
Dipartimenti/Awtoritajiet – kiri ta’ karozzi u makkinarju
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu karozzi u makkinarju tal-kiri kif ukoll karozzi u makkinarju proprjetà tal-Gvern fid-Dipartimenti/Awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Kemm hi l-ispiża separatament għal kull Dipartiment/Awtorità mħallsa mill-Ministeru tiegħu? Kemm hemm karozzi u vetturi oħra proprjetà tal-Gvern weqfin jistennew spare parts u kemm ilhom jistennew? Hu veru li m'hemmx flus biex jinxtraw l-ispare parts imma hemm flus biex jinkrew il-karozzi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti break down, xahar b'xahar, tal-livelli tan-nitrati li nstabu fl-ilma ta' taħt l-art (tal-pjan u ta' fuq it-tafal) matul is-sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari xahar b'xahar kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex separatament?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – Direct orders
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' direct orders li nħarġu mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħu sena b’sena mill-2012 sal-lum? Kemm kienu jiswew dawn id-direct orders?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.