Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ikel b'xejn mill-EU

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk romol li l-unika dħul tagħhom hu l-pensjoni tar-romol jikkwalifikawx għall-iskema ta' ikel b'xejn mogħti mill-EU? Jekk ma jikkwalifikawx, x'inhi r-raġuni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 26602.

Ħaż-Żabbar — Bini abbandunat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se tieħu l-MEPA rigward bini abbandunat u delibitat fi Triq ix-Xgħajra, ħdejn Misraħ San Nikola, Ħaż-Żabbar? Wara li kienet introdotta l-policytal-MEPA dwar iċ-ċnut, f'dan il-każ il-MEPA se timxi ma' din il-policyjew le? Jekk iva, meta biħsiebu jinbeda x-xogħol fuq il-bini taċ-ċint? U dan biex ikun eliminat kull periklu.

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li saret spezzjoni mid-Dipartiment ta' l-Infurzar ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fis-26 t’April 2007 fejn ġie stabbilit li s-sit li qiegħed fi Triq ix-Xgħajra, ħdejn Misraħ San Nikola, Ħaż-Żabbar, jikkonsisti f'bini abbandunat u mġarraf. Wara konsultazzjoni ma’ l-Uffiċċju Legali ta’ l-Awtorità kien stabbilit li dan il-bini mhuwiex sit vakanti u għalhekk mhux qiegħed jikser l-Att Nru 1 tal-Liġi ta’ l-Ippjanar u għaldaqstant l-Awtorità ma għandhiex ġurisdizzjoni fuq dan il-każ. Iżda dan huwa każ ta’ injury to amenity skond l-Artiklu 55 tal-Liġi ta’ l-Ippjanar. Għal din ir-raġuni ser jinħareġ Avviż ta’ Infurzar skond dan l-Artiklu.

Għawdex -Fontana — Wied Siekel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il enforcement hemm fuq Triq/Wied Siekel fil-Fontana Għawdex? X'inhu kull każ? Fejn wasal kull każ ta' enforcement u x'passi ttieħdu jew se jittieħdu f'kull każ ta' enforcement?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Din hija l-informazzjoni mitluba: Numru ta’ l-Avvi ż Deskrizzjoni ta’ l-Avvi ż Status ECF 176/04 Għandek żvilupp mhux skond il-kundizzjoni Numru 9 u l-pjanti approvati tal-permess PA6537/02 datat 12 ta' Novembru 2003 li jikkonsisti f'xogħlijiet ta': 1) bdil ta' ħnejjiet ma’ travi ġodda. 2)Bdil ta’ xorok. 3) Tibdil fil-pożizzjoni ta' l-aperturi. Kaz magħluq bil-ħruġ tal-permess PA2965/04 ECF 569/04 Għandek żvilupp mingħajr permess u li jikkonsisti f'kostruzzjoni ta' store u ħitan tal-franka. Applikazzjoni sanatorja PA0240/05 pendenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ECF 729/04 Għandek żvilupp bi ksur tal-kundizjoni numru 13 tal-permess PA4724/00 datat 29 ta' Novembru 2002 peress li waqqajt parti min-naħa ta' wara tal-binja. Każ magħluq bil-ħruġ tal-permess PA5160/04 ECF 773/04 Għandek żvilupp mingħajr permess u li jikkonsiti fi tfigħ ta' materjal. Pendenti Direct Action Team ECF 822/04 Għandek żvilupp mingħajr permess u li jikkonsisti fi tfigħ ta' materjal. Pendenti Direct Action Team ECF 748/05 Għandek żvilupp mhux skond il-pjanti approvati fil-permess PA 2773/92 datat 10 ta' Settembru 1993 li jikkonsisti f'li ngħalaq l-aċċess mill-bini eżistenti biex ġie iffurmat sit separat, ftuħ ta' bieb ġdid għas-sit il-ġdid u varjazzjoni fil-bini ta’ stores . Applikazzjoni sanatorja PA6810/05 għadha pendenti għar-rikonsiderazzjoni ECF 951/05 Għandek żvilupp mingħajr permess li jikkonsisti fi tqegħid ta' container. Pendenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell Qed nirreferi għall- case history tal-post hawn fuq indikata, liema tabella turi kemm enforcements hemm pendenti fuq il-post de quo u kemm hemm li huma għad- direct action . Illi mill- enforcement ECF 951/05 kien hemm mandat ta' inibizzjoni li kien ippreżentat minn John Vella fis-26 ta' Settembru 2005 (71/05 PC). Dan il-mandat li kien preċedentement milqugħ provviżorjament li jfisser li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma setgħet tieħu l-ebda azzjoni ta' infurzar, u ġie miċħud kontra John Vella f'Marzu 2007. Illi l-istess John Vella sussegwentement ippreżenta mandat ta' inibizzjoni ieħor (13/07 AE) fil-konfront tal-ECF 569/04 ippreżentat fis-27 ta' Frar 2007 li ukoll ġie milqugħ provviżorjament dak in-nhar stess. Illi dan il-mandat ġie miċħud ukoll mill-Qorti kontra John Vella fit-22 ta' Marzu 2007 wara dikjarazzjoni li għamlet l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fejn qalet li hija ma kinitx ser tissiġilla l-passaġġ peress illi dan il-passaġġ kien jintuża minn terzi skond John Vella, iżda kienet ser tissiġilla il- container li kien jinsab fuq is-sit u tikklampja jew b'xi mod timpedixxi il-mobilità ta' vetturi li jinstabu fuq is-sit. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) iddikjarat ukoll illi jekk jirriżulta li minkejja dan l-użu illegali jitkompla, l-Awtorit' kienet qegħda tirriserva d-dritt li teskala l-azzjoni tagħha. Illi d- direct action team mar fuq is-sit in kwistjoni fit-30 ta' Marzu 2007 sabiex jissigilla l- container u jikklampja kull vettura fuq is-sit kolpit bl- enforcement u dan wara li l-mandati ġew miċħuda. Vetturi pparkjati fuq is-sit ma kien hemm xejn u l- container ma setax jiġi ssiġillat peress li dan ġie impoġġi f'pożizzjoni vertikali, cioè li l-bibien tal- container kienu ma' l-art u għalhekk kien impossibbli li tittieħed xi azzjoni fuqu. Matul ix-xahar t'April 2007 il- container imsemmi reġa’ ġie mċaqlaq għal sit ieħor ma’ ġenb is-sit in kwestjoni li iżda wkoll kien kopert b' enforcement notice . Dan kollu rriżulta fi breach of notice li kienet tkopri s-sit il-ġdid u għalhekk l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) setgħet tagixxi kif fil-fatt għamlet fit-28 ta' Mejju 2007 fejn il- container ġie mneħħi u l-vetturi li nstabu fuq il-post ġew ikklampjati mill-pulizija.

Ikel lill-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 26295 u 26264 dwar il-provvista ta' l-ikel mill-Unjoni Ewropea u jgħid għalfejn dawk l-anzjani li kienu qed jirċievu din l-għajnuna issa twaqqfitilhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nerġa’ ngħarraf lill-Onorevoli Membru li l-ikel li qiegħed jirreferi għalih huwa regolat mir-Regolament EU 3149/92. Dan jirreferi għal għajnuna lil dawk l-aktar fil-bżonn irrispettivament jekk humiex anzjani jew le.

B'Kara — Triq is-Santwarju - Żbir ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jara jekk is-siġar fi Triq is-Santwarju B'Kara jistgħux jiġu miżbura għaliex qegħdin iwaqqgħu l-weraq fuq il-bjut tan-nies u jsoddu l-katusi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-siġar fi Triq is-Santwarju, Birkirkara, jiġu miżburin regolarment skond il-programm u l-ħtieġa taż-żbir. Jidher li bħalissa dawn m’għandhomx bżonn żbir.

Skejjel — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal xogħlijiet ta' bini u/jew estensjonijiet ta' skejjel? Liema huma dawn l-iskejjel? Meta saret kull applikazzjoni u għal liema xogtħol eżattament saret?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorita' għandha quddiemha 35 applikazzjoni pendenti għal xogħlijiet ta' bini u/jew estensjonijiet ta' skejjel. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra id-dettalji li talab l-Onorevoli Interpellant. Niġbed l-attenzzjoni li din l-informazzjoni inġabret billi saret tfittxija fis-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità għall-applikazzjonijet pendenti li fil-proposta tagħhom teżisti xi waħda minn dawn ll-kliem: s chool, skola, skejjel jew classroom.

Hoarding tal-Ġobon u z-Zokkor

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk in-negozjanti li ġew msejħa bħala hoarders mill-Gvern innifsu li kienu responsabbli li wasslu biex Malta teħel penali għall-hoarding tal-ġobon u taz-zokkor qabel is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Tista' ssemmihom b'isimhom? Billi qed jingħad li dawn ser ikollhom jagħmlu tajjeb għall-penali li ser ikollha tħallas Malta, jista' jikkonferma meta dawn mistennija jiġu mitluba jroddu dan il-ħlas lill-Gvern Malti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Xogħlijiet f'fond — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li x-xogħlijiet li qed isiru in konnessjoni ma' l-applikazzjoni PA05884/05 huma koperti bil-permessi meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni msemmija koperta bil-permess meħtieġ PA 5884/05 maħruġ fis-17 ta' Lulju 2006.

L-Ibraġġ — Għalqa

Question

Qed nirreferi din id-domanda lilek billi s-segretarju eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tas-Swieqi qal lir-residenti li dan ma jaqax taħt il-kompitu tal-kunsill. Għandi rapporti li fi Triq is-Siegħ, l-Ibraġġ hemm għalqa li tinfed għal Triq il-Miżieb li qed tintuża bħala rubbish dump u li minkejja li skond il-mapep tal-MEPA hija pproġettata li trid issir Triq il-Wejba, għandha bini fuq art li n-nies ingħataw x'tifhem li hi art tal-gvern. Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hiex se ssir din it-triq kif indikat fil-website tal-MEPA? U jekk iva, jista' jikkonferma wkoll jekk xi bini mbarrat li hemm fl-inħawi ħdejn Triq il-Miżieb li jinfed għal Triq is-Siegħ inbeniex bil-permessi meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

San Gwann — Triq Znuber

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-MEPA rrifjutat rikjesta għall-bini ta' basement ġo dar ġia eżistenti ġo Triq Znuber, San Gwann meta tat permess biex isir dan ġo areas oħra meta Triq z-Znuber mhijiex main road?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika eżatt għal liema applikazzjoni qiegħed jirreferi.

Ikel lill-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26264 fir-rigward ta' l-ikel li jaqa' taħt sostenn mill-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jekk l-Onorevoli Membru qiegħed jirreferi ghall-provvista ta' l-ikel mill-Unjoni Ewropea għal dawk l-aktar fil-bżonn (mhux għall-anzjani biss) nixtieq ninfurmah li l-Gvern Malti għadu jipparteċipa minn din il-miżura anki fil-programm tas-sena kurrenti 2007.

Kaxxa u insib — Kundizzjonijiet

Question

Billi hemm naqra taħwid f'moħħ ċerti nies fuq il-kundizzjonijiet tal-kaċċa, jista' l-Ministru jelenka x'inhuma l-kundizzjonijiet għall-kaċċa u l-insib għal żmien il-ħarifa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fi żmien il-ħarifa il-kaċċa se tkun tista’ ssir fuq l-ispeċi mniżżlin fl-iskeda II ta’ l-Avviż Legali 79 ta’ l-2006 kif emendat bl-Avviż Legali 39 ta’ l-2007. Id-dati ta’ dan l-istaġun għandhom jiġu rrakkomandati mill-Kumitat Ornis lill-Ministru u d-deċiżjoni aħħarija tkun tal-Ministru. Rigward l-insib, fil-ħarifa li jmiss se jinfetaħ l-istaġun ta’ l-insib fuq is-seba’ speċi ta’ għasafar ta’ l-għana skond it-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ Malta. Bħal kull sena, se jinfetaħ ukoll l-insib fuq dawn l-erba’ speċi ta’ għasafar: il-gamiema, s-summiena, il-malvizz u l-pluviera. Il-Kumitat Ornis għandu jirrakkomanda lill-Ministru d-dati ta’ meta l-istaġun ta’ l-insib fil-ħarifa għandu jinfetaħ kemm għall-għasafar ta’ l-għana kif ukoll għall-erba’ speċi l-oħra. Dwar l-infurzar tal-liġijiet, il-Gvern se jkompli jiżgura ruħu li kemm il-kaċċaturi kif ukoll in-nassaba jkomplu jsegwu ir-regolamenti u l-Gvern m’hu se jittollera l-ebda abbużi jew ksur tal-liġijiet tal-kaċċa.

Paradise Bay

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena il-MEPA intalbitx toħroġ permess ħalli jsir party għall-massa enormi ta' nies ġo Paradise Bay waqt l-istaġun tal-bejta ta' diversi għasafar protetti u meta dan is-sit jaqa' taħt l-iskema ta' konservazzjoni Natura 2000? Jekk iva, x'deċiżjoni ttieħdet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li t-talba għall-permess għall-festival mużikali ġor-Ramla taċ-Ċirkewwa (magħrufa bħala Paradise Bay) waslet għand l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fi Frar 2007. Kif intqal fil-Mistoqsija Parlamentari, dan is-sit huwa protett bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni skond il-provvedimenti ta’ l-Att Legali 311 ta’ l-2006 li bih Malta timplimenta id-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-Ewropa 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-Konservazzjoni ta’ Ambjenti Naturali u ta’ Fawna u Flora Selvaġġi. Is-sit huwa ukoll skedat bħala Arja ta’ Importanza Ekoloġika skond in-Notifika tal-Gvern 400 ta’ l-1996. L-Awtorità b’hekk evalwat din it-talba fuq bażi ta’ l-impatti li din l-attività jista’ jkollha fuq l-ambjent naturali tal-madwar kif ukoll fuq speċi t’annimali, partikolarament l-għasafar, li jistgħu jinstabu f’dan is-sit jew fil-viċinanzi. Ġew meqjusa ukoll iż-Żoni Speċjali ta’ Ħarsien iddikjarati skond l-Att Legali 79 ta’ l-2006 u d-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-Ewropa 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-Konservazzjoni ta’ Għasafar Selvaġġi. Dawn iż-żoni jinstabu f’distanza ta’ iżjed minn kilometru minn dan is-sit. F’dan ir-rigward l-Awtorità ikkonsultat ukoll mal-BirdLife Malta dwar l-ispeċi t’għasafar li jbejtu f’dan is-sit. Skond l-infomazzjoni li ġiet mogħtija, l-għasafar li jinstabu fis-sit innifsu m’humiex mniżżla fl-iskeda I tad-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-Ewropa 79/409/KEE. Id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità, li ttieħdet anki skond l-informazzjoni li ġiet mogħtija mill-BirdLife, hija li jinħareġ il-permess iżda li dan ikun suġġett għal kundizzjonijiet stretti. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu l-kontroll strett tan-nies li għandhom jiġu ristretti għar-ramla u l-art li hija diġà mittiefsa (bħall-parkeġġ). Kundizzjonijiet oħra jikkontrollaw l-użu tad-dawl u jipprojbixxu l-firxa ta’ dawl artifiċjali kemm fuq l-art naturali tal-madwar kif ukoll fis-sema.

Apparat domestiku — Refund

Question

Jista' l-Ministru jagħti data meta se jingħataw ir-refunds tal-ħlas fuq xiri ta' apparat domestiku li huwa effiċjenti fl-enerġija hekk kif kien imwiegħed fil-budget 2007 wara li diversi familji applikaw għal dan ir-refund?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kiri u lease ta' karozzi fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li n-nefqa fuq kiri ta’ karozzi fil-Ministeru, u d-diviżjonijiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu, matul ix-xhur ta’ Jannar Frar u Marzu 2007, kienet ta’ Lm14,744 filwaqt li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) nefqet Lm30,470.39.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali li kellhom karozza mikrija/leased fil-Ministeru, dekasteru jew enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 u kemm hi r-rata li biha tinkera/leased il-karozza kull ġurnata? Jista' jgħid x’ċilindrata għandha l-karozza f’kull każ separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Karozzi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda għall-użu minn uffiċjali jew għall-użu ġenerali fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul x-xhur ta' Jannar, Frar jew Marzu 2007 u f’każ li fl-affermattiv, għal min kienu jew għal liema skop, x’tip ta' karozza, il-prezz u x’ċilindrata huma?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi ma nxtrat ebda karozza mill-Ministeru tiegħi u mill-entitajiet li responsabbli minnhom jien.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Ħaddiema li jieħdu allowance

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jieħdu xi forma ta' allowance? X'inhu l-grad u x'inhi r-raġuni wara dan l-allowance?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-impjegati ta’ l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed jieħdu dawn l-allowances kif miftiehem fil-Ftehim Kollettiv ta' valur fiss skond: · General expense allowance lil gradi A, B, C, D u E biex tikkumpensa għal spejjeż minn buthom li jagħmlu gradi professjonali · Ħlas ta’ attendenza tal-Bord ta’ l-Appell · Allowance għall-karozza biex tikkumpensa għall-użu tal-karozza privata waqt il-qadi ta’ dmirijiet uffiċjali ta’ l-Awtorità · On-call allowance · Qualification allowance · Special allowance · Travel allowance għar-residenti Għawdxin li jaħdmu Malta u għar-residenti Maltin li jaħdmu Għawdex Hemm ukoll numru ta' allowances li l-valur tagħhom m'huwiex fiss, kif gej: · Rimborż ta’ spejjeż għat-telefon għall-gradi professjonali C, D u E (sa Lm200 fis-sena) · Rimborż ta’ ħlas ta’ sħubija wieħed fis-sena f’korp/soċjetà professjonali għall-gradi professjonali A, B, C, D u E (mhemmx limitu stabbilit) · Rimborż ta’ spejjeż minfuqa għal taħriġ (training) għall-gradi professjonali A u B sa Lm150 fis-sena · Fond ta’ taħriġ ta’ Lm4,000 fis-sena għall-gradi kollha tekniċi u klerikali 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7 u 8 · Performance bonus għall-gradi kollha tekniċi u klerikali 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7 u 8 u għall-gradi professjonali A, B, C, D u E · Travel disturbance lill-uffiċjali fil-gradi kollha tekniċi, klerikali u professjonali li jivvjaġġaw fuq xogħol uffiċjali ta’ l-Awtorità fil-weekends jew Festi Pubbliċi · Disturbance allowance għall-gradi D u E li jaħdmu barra mill-ħin kontrattwali tagħhom · Photogrammetry allowance · Mileage allowance għall-u¿u tal-karozza private Il-bqija ta’ l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Ħitan tas-sejjieħ

Question

Rigward it-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 25297 jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jagħtix xi forma ta' sussidju fuq ħitan tas-sejjieħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Pjan ta’ Żvilupp Rurali 2004-6 ħa ħsieb għall-għajnuna fuq applikazzjonijiet individwali dwar restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ ta’ lqugħ, biss il-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ kompletament ġodda jew li mhumiex ta’ lqugħ ma jistax ikun kopert taħt l-għan u l-arraġamenti tal-miżura agro-ambjentali li qed tkun attwata.