Jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema tal-gvern li ħarġu bil-pensjoni lejn l-aħħar tas-sena 1998 humiex se jibbenefikaw mil-lump sums li ġew mogħtija bil-Collective Agreement ta' dan l-aħħar? Jekk se jibbenefikaw, b'liema mod? Dawn il-lump sums se jiġu riflessi fil-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li jekk qed tirreferi għal pensjoni tas-sigurta' soċjali, billi ma tħallsitx kontribuzzjoni tas-sigurta' soċjali fuq il-'lump sums' mogħtija, allura din iż-żieda ma tkunx riflessa fil-kalkolu tar-rata ta' pensjoni tas-sigurta' soċjali dovuta.
Jekk, minn naħa l-oħra l-Onor. Interpellant qed tirreferi għal pensjoni tat-Teżor, nitolbha tindirizza l-mistoqsija tagħha lill-Onor. Ministru tal-Finanzi.
15.2.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm romol li ħadu 75c żieda biss ta' l-għoli tal-ħajja u għaliex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skond ir-rekords tad-Dipartiment, l-ebda Armla li qed tirċievi pensjoni kontributorja tar-Romol ma rċeviet żieda għal għoli tal-ħajja ta' Lm0.75 ċenteżmu biss.
15.2.99
Jista' l-Ministru jgħid il-post Numru 126, Archbishop Street, Valletta, lil min beħsiebu jallokah? Peress li hemm ħafna għaqdiet li jixtiequ jikruh, jista' l-Ministru jħaffef id-deċiżjoni tiegħu? Jekk diġa' ġie f'arranġament, lil min ġie allokat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li l-post li għalih irreferiet l-Onor. Interpellant, kien mikri għal skop kummerċjali, nitlobha tagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
15.2.99
Jista' l-Ministru jispjega fejn wasal ix-xogħol fuq id-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li tilqa' fiha l-ewwel residenti? Kif se ssir l-għażla tan-nies li jridu jidħlu fiha, jiġifieri hux se tingħata preferenza lill-applikanti mill-Kottonera?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar fejn wasal ix-xogħol fid-dar ta' l-Anzjani ta' Bormla nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 4315.
Hu maħsub li x-xogħol ikun lest għal ħabta t'Awwissu/Settembru 1999 u mbagħad jidħlu r-residenti. L-applikanti li huma mill-Kottonera normalment ikollhom preferenza għad-dħul f'din id-Dar.
15.2.99
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiftaħ il-Job Centre ta' Bormla? Jista' l-Ministru jgħid meta ġie iffirmat il-kuntratt mal-Banda San Ġorġ sabiex l-ETC tagħmel użu minn parti mill-każin ta' l-istess banda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk ma jinqalgħux xi ntoppi mprevvisti, ir-'Regional Job Centre' ta' Bormla għandu jaqbad jiffunzjona fil-bidu ta' April 1999.
Il-kuntratt bejn l-ETC u l-banda San Ġorġ sabiex l-ETC tagħmel użu minn parti mill-każin ta' l-istess banda ġie ffirmat nhar it-Tlieta 25 ta' Awissu 1998.
15.2.99
Jista' l-Ministru jgħid kif il-pensjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li sa riċentement kellha pensjoni ta' Lm139.36ċ u li din f'daqqa waħda ġiet riveduta u qed tingħata pensjoni ta' Lm98.62ċ? Ma jarax il-Ministru li din il-pensjoni kif emendata hija miżera ħafna biex din l-armla tgħix fl-eta tagħha ta' 73 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ser tiġi nfurmata dwar il-pensjoni tagħha u r-raġuni tat-tnaqqis mill-pensjoni tagħha. Id-Dipartiment għandu jinformaha ukoll dwar xi benefiċċji oħra li tista' tikkwalifika għalihom.
Jiena nfurmat li r-rata ta' pensjoni kontributorja li qed tirċievi l-Armla issa, tirrefletti l-medja ta' kontribuzzjonijiet imħallsa jew akkreditati ta' żewġha.
15.2.99
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament mhijiex qed tirċievi l-pensjoni kollha kif suppost?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li tlabt lid-Dipartiment sabiex jinvestiga l-każ tal-persuna kkonċernata. Hekk kif jitlestew dawn l-investigazzjonijiet il-persuna ndikata ser tiġi nfurmata dwar il-pensjoni tagħha.
15.2.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3715, jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet hemm ippjanati li jsiru fiż-Żejtun, Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn-naħa tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar hemm ippjanati dawn il-proġetti għas-snin li ġejjin.
Żejtun Tlestija tal-proġett ta' ġnien pubbliku f'Ta Ganza H.E.
Żabbar Bini ta' 8 maisonettes u 8 garages f'Blokk P, Żabbar H.E.
Wied il-Għajn Żvilupp ta' ġnien pubbliku/landscaping f'Taż-Żonqor HOS.
15.2.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix xi skema ta' għajnuna biex f'każ ta' ġuvni u xebba (aħwa) ta' ċerta eta' li jgħixu f'post privat tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu xogħlijiet fl-istess post, peress li Scheme N tapplika għal persuna waħeda flimkien ma' dixxendenti? Din l-iskema tapplika għal dan il-każ? F'każ li r-risposta hi fin-negattiv, jista' l-Ministru jgħid għandux il-ħsieb li joħroġ xi skema li tapplika għal każi simili li jidhru minsijin inġustament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskema 'N' tapplika għall-kull persuna mhux miżżewġa li tgħix ma ħutha fid-dar. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħid lil din il-persuna biex tapplika taħt din l-iskema.
15.2.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew addottati tfal (kemm barranin kif ukoll indiġeni separatament) sena b'sena mill-1990 'l hawn? Fil-każ ta' tfal addottati minn barra, jista' l-Ministru jgħid minn liema pajjiżi ġew dawn it-tfal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Adozzjonijiet barranin minn 1990 sa 1998 kienu kif ġej:
fl-1990 in-numru kien 7, fl-1991 kien 97, fl-1992 kien 74, fl-1993 kien 26, fl-1994 kien 17, fl-1995 kien 15, fl-1996 kien 50, fl-1997 kien 48, fl-1998 kien 43.
Adozzjonijiet indiġeni (lokali) minn 1990 sa 1998:
fl-1990 in-numru kien 4, fl-1991 kien 11, fl-1992 kien 10, fl-1993 kien 11, fl-1994 kien 4, fl-1995 kien 15, fl-1996 kien 21, fl-1997 kien 12, fl-1998 kien 14.
Il-pajjiżi li minnhom saru dawn l-adozzjonijiet kienu:
Renju Unit, Pakistan, Brazil, Peru, Awstralja, Rumanija, India, Albania, Ukraina, Singapore, Bosnija, Kanada, Russia, Maldavia, Colombia, Polonja, Filippini.
15.2.99
Billi l-pensjonanti taċ-Ċivil jew li kienu jaħdmu mal-gvern m'huma se jiggwadanjaw xejn għall-fini tal-pensjoni tagħhom bil-mod kif saret ir-riorganizzazzjoni taċ-Ċivil 1996/1998, jista' l-Ministru jagħti l-figuri ta' kemm kienet tiżdied il-pensjoni ta' kull grad attwali li hemm fiċ-Ċivil illum kieku l-ex-ħaddiema tal-gvern ġew inklużi u intitolati għal titjieb fil-pensjoni tagħhom kieku saret reviżjoni tal-pagi tal-gvern u mhux cash payments ta' kull sena kif fil-fatt sar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din il-Mistoqsija hi ipotetika u għalhekk ma tistax tiġi mwieġba.
9.2.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li qed jirċievu l-għajnuna soċjali ġewwa l-bliet ta' Bormla, Birgu, Senglea u l-irħula ta' Xgħajra, Kalkara u kemm hemm minn dawn il-persuni li huma fuq l-20 sena, kemm minnhom fuq it-30 sena, kemm minnhom fuq l-40 sena u kemm minnhom fuq il-50 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sabiex persuna waħedha jew familja tingħata l-Għajnuna Soċjali, din trid tissodisfa t-test tal-meżżi. L-għoti ta' din l-għajnuna mhix marbuta ma' l-eta' iżda maċ-ċirkostanzi li min japplika jkun jinsab fihom.
Għaldaqstant ma tistax tinġabar statistika dwar l-eta'. F'dan il-każ, id-Dipartiment ukoll s'issa m'hux f'pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni mitluba dwar fejn joqgħodu dawk il-persuni li qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali 'l għaliex d-dettalji dwar dan il-Benefiċċju partikolari għadhom m'humiex komputeriżżati kollha.
9.2.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra l-ewwel kemm hemm persuni li huma rreġistrati bħala pensjonanti fil-Fgura u Ħaż-Żabbar li jirċievu xi forma ta' pensjoni u t-tieni kemm minnhom jirċievu pensjoni, it-tielet kemm hemm f'kull kategorija jekk u safejn tista' tingħata tali informazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
9.2.99
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li huwa intitolat għas-sussidju fuq il-kera (file Nru.SRS 47/88) skond skema HD11 ma jitlifx dan is-sussidju għas-snin 1997 u 1998 peress li skond hu mela l-applikazzjoni tard għax damu ma waslulu ċerti dokumenti mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi s-sussidju li kien intitolat għalih il-benefiċċjarju kien għal 10 snin, u hu bbenefika minnhu kif suppost sa Awissu 1998, meta skada. Hu jinħtieġlu jerġa japplika mill-ġdid jekk għadu interessat. Hu intalab darbtejn jagħmel dan, f'Ottubru u f'Diċembru 1998 iżda baqa' ma rrispondiex għall-ittri li ntbagħtulu.
9.2.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tal-Gvern biex fiż-żmien li ġej jibda jwettaq il-wegħda tiegħu ta' titjib fil-pensjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-diskors tal-Budget għas-sena kurrenti ntwera ċar il-passi li beħsiebu jieħu l-Gvern fil-qasam tal-pensjonijiet. It-twaqqif ta' kummissjoni nazzjonali bis-sħubija tal-partijiet soċjali kollha nkluż il-partiti politiċi kollha għandha tiftaħ diskussjoni wiesgħa fuq il-pensjonijiet.
Infatti kif diġa tħabbar, f'qasir żmien il-Gvern ser jibda bit-taħdiditiet mal-kummissjoni nazzjonali li ser jitwaqqaf bl-għan li jistudja l-iskema nazzjonali tal-pensjonijiet u li għandu joħroġ bi proposti dwar il-futur tal-pensjonijiet. Dan il-qasam żgur li kulħadd jaqbel li hu mportanti kemm għall-anzjani nnifishom kif ukoll għall-ħaddiema li jikkontribwixxu permezz tal-bolla tas-sigurta' soċjali.
9.2.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni residenti fl-Isptar Monte Carmeli li għandhom applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva mad-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi hemm 4 applikazzjonijiet pendenti minn persuni residenti fl-Isptar Monte Carmeli.
9.2.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx rigali lil xi individwi fl-okkażjoni tal-Milied 1998? Jekk ingħataw, jista' l-Ministru jgħid lil min ingħataw u x'kienet ir-raġuni ta' l-għażla ta' dawn l-individwi? Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tlaħħaq l-ispiża totali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3315, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħataw l-ebda rigali lil xi ndividwi fl-okkażjoni tal-Milied 1998.
8.2.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew boarded out persuni minn bordijiet tal-gvern is-sena l-oħra? Kemm kienu mpjegati tal-gvern, kemm tal-privat? X'eta' kellhom dawk boarded out?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jista' jagħti biss l-istatistika ta' persuni li ġew boarded-out taħt il-provedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Dwar din l-istatistika nirreferi lill-Onor. Interpellant lejn it-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Numru 3823.
Skond l-informazzjoni li għandu d-Dipartiment, mit-840 persuna li ġew boarded out matul l-1998, 235 kienu ġejjin mis-settur governattiv, 470 mill-privat u 135 persuni li kienu jaħdmu għal rashom (self-occupied).
8.2.99
B'riferenza għal petizzjoni mressqa mir-residenti ta' Blk A, Ta' Pirellu, Mellieħa, jista' l-Ministru jinformana bis-sitwazzjoni u cioe' l-iżviluppi tal-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Tlabt li ningħata l-informazzjoni kollha relevanti biex niddeċidi x'għandu jsir.
08.02.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju waslet il-Kappella tal-Konservatorju ġewwa Bormla u cioe' jekk kemm-il darba hijiex se tinfetaħ kif stabilit jew inqalgħax xi dewmien imprevist?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ix-xogħol fil-kappella tal-Konservatorju ġewwa Bormla huwa fi stat avvanzat u hemm il-ħsieb li din tkun lesta fi żmien sitt ġimgħat oħra.
8.2.99