Legislature:
Category:
Reset
Active:

PBS — Żieda ta' impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi proposta fil-PBS biex jiżdiedu l-impjegati? Jista' jgħid jekk hemmx xi deċiżjoni li jiżdiedu l-impjegati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma ttieħdet ebda deċiżjoni dwar żieda t’impjegati. Bħal issa qed issir evalwazzjoni dwar id-dipartimenti ta’ l-isports, aħbarijiet u reklamar biex jiġi deċiż kif dawn għandhom jissaħħu biex jitjieb is-servizz lill-udjenzi u lil min jirriklama.

WSC — Kont b'indirizz żbaljat

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tieħu passi biex ma tibqax tibgħat il-kontijiet tad-dar fi Triq Sant'Elena, Sliema lil min jgħix fir-residenza ta' ħdejha li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Konsulenti maniġerjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26674 u jikkonferma li bħalissa hemm grupp ta' konsulenti maniġerijali li qed jagħmlu xogħol ta' konsulenza dwar l-istruttura u s-sistemi maniġerijali tal-MITTS? Jekk iva, liema hi din id-ditta, kif saret is-sejħa għas-servizzi tagħha u liema kienu d-ditti jew kumpanniji oħra ta' konsulenza li ġew ikkonsultati? Kemm se jiswa dan l-eżerċizzju ta' konsulenza? Kemm mistenni jdum biex jitwettaq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Problema ta' anzjana

Question

Jista' l-Ministru jara li ħaddiema mid-dipartiment tad-drenaġġ jaraw il-problema li għandha anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li jidher li din il-problema hija minn barra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ser tinvestiga dan l-ilment.

SmartCity

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26964 u jgħid kemm hu l-ammont ta' flus li l-Ministeru tal-Finanzi approva għall-investiment tal-Gvern fi SmartCity? Fhiex jikkonsisti dan l-investiment?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 26964.

Hal Qormi — Triq Pietru Felici

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-dawl tal-lampi ta' Triq Pietru Felici f'Ħal Qormi qed jinqata' ta' spiss u ta' sikwit ir-residenti li jgħixu f'din it-triq jisfaw fid-dlam?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-investigazzjonijiet li għamlet l-Enemalta ma jidhirx li hemm problema ta’ street lighting fit-triq imsemmija.

SmartCity

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26965 u jgħid x'tip ta' investiment irid jagħmel il-Gvern in konnessjoni ma' SmartCity? X'inhi l-istima biex isiru xogħljiet infrastrutturali li hemm bżonn biex tibda topera SmartCity? X'tip ta' xogħlijiet iridu isiru u li ġew approvati mill-Ministeru tal-Finanzi?

Response (GATT, AUSTIN)

Fir-rigward ta’ l-ewwel mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-twegiba li tajt ghal mistoqsija Nru. 26964. Fir-rigward tat-tieni u t-tielet mistoqsija nikkonferma li ma hemm l-ebda xogholijiet infrastrutturali necessarji biex SmartCity tibda topera. Dan minhabba li l-infrastruttura ezistenti hija adegwata ghall-ewwel fazi tal-progett. Ix-xogholijiet li huma ppjanati huma necessarji ghal-fazijiet sussegwenti tal-progett. Nemfasizza li dawn ix-xogholijiet ser jibennefika minnhom in-nofsinhar ta’ Malta kollu u mhux il-progett biss. Biex inehhi kull dubbju li jista’ jkun hemm ix-xogholijiet infrastrutturali kollha marbutin mal-progett innifsu huma r-responsabbilta tal-kumpanija SmartCity (Malta) Ltd.

Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26970 u jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-ministeru tiegħu u mal-entitajiet li jaqgħu taħtu, separatament matul din is-sena? X'inhu x-xogħol tagħhom? X'rimunerazzjoni u jew benefiċċji għandhom u jekk ġewx ingaġġati fuq bażi temporanja jew le?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Tappieri

Question

Peress li r-residenti ta' St Mary Street, Sliema ilhom għal 99 ġurnata bla rqad, kawża ta' tappieri li qegħdin jagħmlu ħoss kbir minħabba xogħol ħażin li sar minn kuntrattur, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ħadem it-triq u li l-pedamenti ta' dawn it-tappieri sar ħażin jew ma sarx, jista' l-Ministru jara li l-ħsarat jitranġaw minnufih mill-istess kuntrattur u forsi jekk hemm xi retention money dan jintuża biex ix-xogħol isir sew? F'każ negattiv, min hu responsabbli għal dan ix-xogħol u min allura suppost jirranġa dawn in-nuqqasijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Qtugħ fid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux sodisfatt bl-ispjega li tat l-Enemalta għall-qtugħ ripetut fid-dawl f'diversi nħawi ta' Malta f'dawn l-aħħar jiem? Jekk le, ma jaħsibx li għandha ssir investigazzjoni indipendenti minħabba l-inkonvenjent li ħolqot lil diversi setturi tas-soċjeta' Maltija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nista nkun qatt sodisfatt b’ebda spjegazzjoni li nista ningħata għat-tip ta qtugħ li esperjenzajna f’dawn il-ġranet. Ngħid hekk għax f’ebda okkażżjoni ma l-Gvern qgħad lura milli jagħmel l-investiment kollu fil-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni ta l-elettriku li l-Enemalta tat parir li hu meħtieġ. La sar l-investiment kollu meħtieġ skond il-pjanijiet tekniċi għandu jkun raġjonevoli li nippretendi li dan it-tip ta’ qtugħ ma jiġrix. Jien tlabt lic-Chairman ta’ l-Enemalta spjega tal-kawżi ta’ dak li ġara. L-ispjega li ngħatajt hi identika għall-ispjegazzjonijiet li saru fil-pubbliku. Bl-informazzjoni li għandi u li hi kollha pubblika, m’għandix bażi għal suspett ta’ qerq jew negligenza mill impjegati ta’ l-Enemalta u ma narax il-bżonn t’investigazzjoni indipendenti. Madankollu jekk l-Onor. Interpellant għandu suspetti oħra nitolbu jgħidhomli biex dawn ikunu mistħarġa.

SmartCity — Impjiegi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' mpjiegi ġodda mal-gvern jew kumpaniji parastatali li nħolqu jew li ser jinħolqu fil-futur qarib minħabba SmartCity? X'tip ta' impjieg huwa u x'salarju/benefiċċji qegħdin jiġu offruti?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant. Minħabba li l-proġett għadu fil-bidu tiegħu, jista' jkun hemm bżonn li din l-istruttura tinbidel.

MITI — Salarji u Benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma s-salarji u benefiċċji oħra tac-chief executive officer ta' kull awtorita', fondazzjoni, korporazzjoni, kummissjoni, aġenzija, istitut u kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Air Malta — Pilots barranin

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm ġew ingaġġati pilotsbarranin ma' l-Air Malta mis-sena 2005 sal-lum? Kemm minnhom bdew ma' l-Air Malta meta kellhom il-liċenzja iżda kellhom zero hours experience? Kif jista' jingħad li l-Air Malta għandha pilots biżżejjed meta hemm ħafna pilots li qed jiġu mitluba jipposponu l-leave tagħhom għas-sena d-dieħla minħabba pressjoni ta' xogħol u allegat understaffing? X'inhi r-raġuni li allegatament qatt ma tqabbdu pilots Maltin fil-UK Operations ta' l-Air Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-2005 ġew ingaġġati 51 pilota barranin fuq l-operazjonijiet mill-bazijiet ġewwa l-Renju Unit. 18-il pilota barrani iehor gew ingaggati f’Malta. Il-piloti kollha li ġew ingaġġati fir-Renju Unit kif ukoll tlieta min dawk li ġew ingaġġati f’Malta kellhom esperjenza. Il-bqija ma’ kellhomx u bdew il-karriera tagħhom mal-kumpanija. L-Air Malta kontinwament tfittex opportunitajiet ġodda ta’ xogħol biex iżżid l-profittabilita tagħha speċjalment fix-Xitwa fejn tradizjonalment it-traffiku jonqos ħafna. Ix-Xitwa li għaddiet l-Air Malta irnexxiela tikri żewġ ajruplani lil żewġ kumpaniji, waħda topera f’Santiago fic-Chile u l-ohra fi Tripoli. B’din il-ħidma l-Air Malta rnexxielha tutilizza ajruplani li kienu ser jkunu ta’ piż finanzjarju mingħajr ma jirrendu l-ebda dħul għall-kumpanija. Peress li dawn it-titjiriet ġew operati minn piloti ta’ l-Air Malta l-kumpanija kellha tirrestringi l-leave matul xi xhur din ix-Xitwa. Dawn ic-cirkostanzi huma normali f’kull kumpanija li l-operazjonijiet tagħha ma jkunux konsistenti matul is-sena u jbaghtu min seasonality . Bħalissa kull talba ghall-leave qed tigi milqugħa. Dwar l-aħħar part tal-mistoqsija jien infurmat li saru negozjati ntensivi bejn l-Air Malta u l-Union tal-Piloti fejn l-kumpanija offriet pakketti tajbin ħafna li ammontaw għal aktar minn Lm50,000 fis-sena ghal Kaptani u Lm40,000 fis-sena għall First Officers. Sfortunatament l-Unjoni tal-Piloti ma riditx taċċetta. Dawn il-pakketti huma aktar minn dak li l-Air Malta qed tħallas bħalissa lil piloti barranin tagħha ġewwa l-Renju Unit.

Għargħur — Arblu tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li jitressaq l-arblu tad-dawl li hemm quddiem ir-residenza tal-familja mill-Għargħur, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, billi kważi imiss mal-gallarija tagħhom u għalhekk joffri nuqqas ta' sigurta' għalihom f'darhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret, ma jirriżultax li hemm element ta' nuqqas ta' sigurta u għalhekk m'hemmx bżonn li tittiħed azzjoni.

Smart City

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' flus li l-Ministeru tal-Finanzi approva għall-investiment tal-Gvern fi SmartCity? Fhiex jikkonsisti dan l-investiment?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Gvern m’hu ser jagħmel l-ebda investiment fil-proġett ta’ SmartCity. L-investiment ser isir kollu minn SmartCity (Dubai) FZ-LLC. Fil-fatt, għalkemm il-ftehim kien jistipula li SmartCity (Dubai) FZ-LLC kellha tħallas għall-ishma tal-Gvern fid-data definita bħala closing date fil-kuntratt approvat minn din il-Kamra, l-istess kumpanija diġa ħallset għall-ishma imsemmija u l-Gvern diġa ngħata t-titlu tagħhom. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra iċ-ċertifikati ta’ l-MFSA relattivi.

Smart City — Xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' investiment irid jagħmel il-Gvern in konnessjoni ma' SmartCity? X'inhi l-istima biex isiru xogħljiet infrastrutturali li hemm bżonn biex tibda topera SmartCity? X'tip ta' xogħlijiet iridu isiru u li ġew approvati mill-Ministeru tal-Finanzi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-ministeru tiegħu u mal-entitajiet li jaqgħu taħtu, separatament matul din is-sena? X'inhu x-xogħol tagħhom? X'rimunerazzjoni u jew benefiċċji għandhom u jekk ġewx ingaġġati fuq bażi temporanja jew le?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.