Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur – Infiq

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28533, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-infiq tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur għall-perjodu ta’ tliet snin mill-ħatra tiegħu fis-17 ta’ Ġunju 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Informazzjoni mitluba.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur – logo ġdid

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28533 tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-logo l-ġdid tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur li sewa €400?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-logo il-ġdid tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28532 tista’ l-Ministru tgħid fejn fil-liġi tal-Kompetizzjoni jew dik għall-Affarijiet tal-Konsumatur tipprojbixxi lill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur milli jiddiskuti kwistjonijiet dwar iż-żieda fit-tariffi fit-trasport għat-tfal tal-iskola u l-kwistjoni dwar pompa tal-petrol lokali li ma tħallietx traħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel f’Jannar tas-sena l-oħra?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li ż-żewġ kwistjonijiet ma jirrepreżentawx ksur tal-liġi għall-Affarijet tal-Konsumatur u għaldaqstant jekk il-Kunsill għall-affarijiet tal-Konsumatur jidħol fihom ikun qed imur oltre mill-funzjonijiet li jingħata lilu mill-liġi. Ta’ min jirrimarka li waħda mill-kwistjonijiet msemmija fil-mistoqsija tal-Onor Interpellant, tirreferi għal żieda fit-tariffi tas-servizz u t-tariffi fis-suq li huwa liberalizzat. Għaldaqstant ma jistgħux jiġu soġġettati għal xi forma ta’ kontroll, peress li tali kontroll mhuwiex ammissibbli. Rigward il-kwistjoni tal-petrol station din qegħda quddiem il-qorti u għaldaqstant mhux prudenti li l-Kunsill jieħu pożizzjoni fuqha.

MCCAA – Uffiċċju tal-Konsumatur – operaturi li joffru s-servizz tat-televiżjoni – bdil ta’ channel line ups

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28529, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-konformità volontarja li ġiet milħuqa bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u ż-żewġ operaturi li joffru s-servizz tat-televi¿joni li għalihom saret referenza fil-mistoqsija parlamentari msemmija?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Direttur Ġenerali – talbiet għall-ħruġ ta’ interim measures

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28528, tista’ l-Ministru tgħid meta saret it-talba biex tinħareġ interim measure fil-każ li jikkonċerna s-settur tad-divertiment?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Ufficcju li t-talba għal interim mesure saret f'Lulju 2016.

LNG Tanker – Ħruġ ta’ permessi — restrizzjonijiet dwar densità ta’ popolazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux se jkun hemm xi restrizzjonijiet dwar densità ta' popolazzjoni fir-rigward ta' ħruġ ta' permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar minħabba s-SEVESO Directive peress li jkun hemm il-preżenza tal-LNG tanker fil-port ta' Marsaxlokk?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28440

MCCAA – żieda fit-tariffi għat-trasport għat-tfal tal-iskola

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28524 peress li tliet responsabilitajiet ewlenin tad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) skont l-Att li jistabilixxi l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 510) huma (i) isegwi l-prattiċi ta’ negozju relatati mal-provvista ta’ oġġetti u servizzi lill-konsumatur, u li jieħu miżuri għat-trażżin u l-prevenzjoni ta’ kull prattika li tista’ tkun ta’ detriment lill-konsumatur; (ii) jirrevedi s-swieq u l-attivitajiet kummerċjali li għandhom x’jaqsmu mal-provvista ta’ oġġetti u servizzi u li jiġbor informazzjoni u provi sabiex ikun jista’ jaċċerta jekk dawk is-swieq u attivitajiet jistgħux jaffetwaw b’mod ħażin l-interessi tal-konsumatur u (iii) jistudja s-swieq u jirrakkomanda azzjoni ta’ rimedju fejn meħtieġ; tista’ l-Ministru tispjega, għal kull waħda mir-responsabilitajiet imsemmija fil-liġi, għaliex id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ddeċieda li dawn ir-responsabilitajiet ma japplikawx u ddeċieda li ma jeżaminax jekk il-ġenituri humiex affetwati b’mod ħażin?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-disposizzjonijiet li jirreferi għalihom fil-mistoqsija parlamentari tiegħu, japplikaw strettament kemm-il darba ikun hemm ksur tad-disposizzjoninjiet tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi u tad-drittijiet tal-konsumaturi, u dan sabiex kull azzjoni regolatorja li tista tittieħed skont il-liġi tkun rigorożament skont il-parametri stabbiliti fl-istess liġi u mhux oltre. Ta’ min jirrimarka li l-kwistjoni msemmija fil-mistoqsija tal-Onor Interpellant, tirreferi għal żieda fit-tariffi tas-servizz u t-tariffi fis-suq li huwa liberalizzat. Għaldaqstant ma jistgħux jiġu soġġettati għal xi forma ta’ kontroll, peress li tali kontroll mhuwiex ammissibbli.

Federation of Estate Agents kontra Direttur Ġenerali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28525, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni bagħat lill-Kummissjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li peress li l-email hija deskrizzjoni tas-sentenza li hija pubblika qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din l-email. L-Uffiċċju ngassa dik il-parti tal- email li hu jqis li hija informazzjoni interna ai termini tal-artikolu 28 tal-Kap 510.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar xandir ta’ sports

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28527 tista’ l-Ministru tgħid meta fl-2011 l-Uffiċċju kkonkluda li mill-analiżi li għamel, ma kienx hemm ksur tal-Att għall-Kompetizzjoni? Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-analiżi li għamel l-Uffiċċju?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata illi mir-riċerka li saret fil-fajls, l-aħħar analizi li sab l-Uffiċċju relatata mal-kaz hija datata Awissu 2011. Skont artikolu 19(2) tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, id-Direttur Ġenerali huwa legalment marbut li jippubblika d-deċizjonijiet jew Ordnijiet li jkunu ttieħdu skont dan l-Att. Illi l-Uffiċċju jista’ wkoll jippubblika deċizjonijiet taħt l-artikolu 19 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni qabel ma ġew introdotti l-emendi fl-2011. Peress li l-analizi mitluba ma taqax taħt id-definizzjoni ta’ deċizjoni hekk kif hawn fuq spjegat u titqies biss analizi interna l-Uffiċċju ma jistax jagħmel aċċessibli dan id-dokument ai termini tal-artikolu 28 tal-Kap 510 tal-liġijiet ta’ Malta.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar xandir ta’ sports

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28527 rigward ix-xandir tal-isports, partikolarment tal-football, tista’ l-Ministru tgħid meta l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ddeċieda li l-każ ma baqax iktar relevanti? Tista’ tgħid x’kriterji uża l-Uffiċċju biex iddeċieda li l-kwistjoni m’għadhiex aktar rilevanti?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fid-dawl tal-poteri mogħtija mill-artikolu 15 tal-Kap 510 tal-liġijiet ta' Malta, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni jista’ jalloka gradi differenti ta’ prijorità għall-każijiet miġjuba jew pendenti quddiemu u meta jagħmel hekk għandu jikkonsidra, fost fatturi oħra, jekk il-prattiċi allegati għadhomx għaddejjin jew jekk l-effetti ta’ ħsara għadhomx jippersistu. Fl-aħħar tas-sena 2011 operatur kien ħabbar li kien akkwista d-drittijiet li jxandar l-logħbiet tal-futbol li qabel kien ixandarhom operatur ieħor. Peress li l-prattiċi li kienu allegati fis-sena 2010 ma baqgħux għaddejjin skont artikolu 15(1)(e) u minħabba l-fatt li dawn l-aħħar sentejn l-Uffiċċju kellu numru ta' investigazzjonjiet, li skont artikoli 15(1)(a) u 15(1)(ċ) tal-Kap 510 kienu jimmeritaw iktar attenzjoni l-Uffiċċju ddeċieda li għandu jiffoka r-riżorsi tiegħu fuq dawn l-investigazzjonjiet. Filfatt taht dawn l-artikoli l-Uffiċċju ħa in konsiderazzjoni l-livell ta’ ħsara lill-konsumatur li rriżulta mill-allegat jew suspettat ksur tal-liġi u n-natura u l-gravità tal-allegat jew suspettat ksur tal-liġi. Inoltre mir-riċerka li għamel fil-fajls, l-aħħar analiżi li sab l-Uffiċċju relatata mal-każ in kwistjoni hija datata Awwissu 2011.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar xandir ta’ sports

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28527 rigward ix-xandir tal-isports, partikolarment tal-football, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-partijiet investigati ġewx infurmati bil-konklużjonijiet tal-Uffiċċju? Jekk iva, meta sar dan? Jekk ma ġewx infurmati għaliex dan ma sarx?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li kif ġie spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija 28527, l-Uffiċċju qatt ma ħareġ deċiżjoni finali. Għaldaqstant il-partijiet ma ġewx infurmati. Dan ifisser li peress li m'hemmx deċiżjoni finali, l-Uffiċċju m'għandux x'jikkomunika lill-partijiet ikkonċernati.

European Competition Network — laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal kemm-il laqgħa tal-European Competition Network l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni attenda minn Marzu 2013 ‘l hawn, sena b’sena? Kemm kien hemm laqgħat fejn l-ebda rappreżentant mill-Uffiċċju ma attenda?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-attendenza ghal-laqghat tal-European Competition Network kienet kif gej: Sena Laqghat Attenda Ma attendiex 2013 28 19 9 2014 29 16 13 2015 29 21 8 2016 28 20 8

Raħal Ġdid – Pjazza — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26370, tista’ l-Ministru tinforma l-Kamra f’liema stadju waslu x-xogħlijiet inkonnessjoni mal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid billi għaddej iż-żmien?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lil Onor. Interpellant għat-twegiba li tajt fil-mistoqsija parlamentari 26370.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni — Sid ta’ pompa ta’ petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel

Question

B’referenza għall-każ tas-sid ta’ pompa ta’ petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel, peress li l-ebda mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 28522 u 28521 ma jwieġbu għall-mistoqsija li għamilt u ċjoè dwar jekk min għamel it-talba biex tinħareġ interim measure ġiex infurmat bid-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) dwar jekk din it-talba ġietx milqugħa jew le, allura tista’ l-Ministru tgħid jekk min għamel it-talba ġiex infurmat mid-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) li t-talba tiegħu biex tinħareġ interim measure ntlaqetx jew le? Jekk ma ġiex infurmat tista’ l-Ministru tispjega għalfejn dan ma sarx u għalfejn it-talba ma ġietx milqugħa?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata illi miżuri interim jistgħu jiġu ordnati biss mid-Direttur Ġenerali fuq inizjattiva tiegħu stess u dan ai termini tal-artikolu 15 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni. Minkejja li l-Ufiċċju għall-Kompetizzjoni jista’ jkollu talba ta’ min għamel l-ilmentjew organizzazzjoni għal ħruġ ta’ miżura interim fil-każ ta dan l-aħħar id-Direttur Ġenerali mhux obbligat joħrog deċiżjoni. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni li ħareġ u ppublika l-Uffiċċju, ma kien hemm l-ebda ħruġ ta' miżura interim. Rigward l-aħħar mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall- Mistoqsija Parlamentari 28521. Għaldaqstant it-tweġiba tingħata biss wara illi l-kawżi jinstemgħu quddiem il-Qrati u s-sentenzi jsiru finali.

Direttur Ġenerali – multa amministrattiva

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 28520 fejn il-Ministru rriferitni għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 27947 niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li l-mistosija tiegħi kienet tikkonċerna multi amministrattivi imposti mill-Uffiċċju wara li jkun instab ksur ta’ żewġ artikoli speċifiċi tal-Att tal-Kompetizzjoni u mhux dawk indikati fit-tweġiba għall-mistosija parlamentari 27947 u għalhekk nitlob lill-Ministru tgħid kemm kemm-il multa amministrattiva ġiet imposta fuq intraprizi mid-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) għal xi ksur tal-artikolu 5 jew 9 tal-liġi tal-kompetizzjoni minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li kif weġibt għall-mistoqsija parlamentari 27947, mill-2011 sal-lum, l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni impona dawk il-multi imsemmija u speċificament fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 5 jew 9 tal-liġi tal-kompetizzjoni ma ġietx imposta l-ebda multa.

Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 28519 tista' l-Ministru tgħid kif id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) minkejja is-sentenza kostituzzjonali tat- 3 ta’ Mejju 2016 xorta ħareġ deċiżjoni fejn instab li kien hemm ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fil-każ tas-sid tal-pompa tal-petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel? Tista' l-Ministru tindika dawk l-artikoli fil-liġi tal-Kompetizzjoni li jagħtu l-poter lid-Direttur enerali (Kompetizzjoni) biex joħroġ din id-deċiżjoni mingħajr ma jimponi multi amministrattivi?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li peress li Falzon Group Holdings Limited u San Lucian Oil Company Limited preżentaw rikors ta’ appell quddiem it-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur u kif ukoll rikors kostituzzjonali fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali), l-Uffiċċju m'huwiex f’pożizzjoni li jikkumenta peress il-każ huwa sub judice.

Federation of Estate Agents — Statement of Objections

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 28519, tista' l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju irtirax l-Istatement of Objections li kien ħareġ fil-konfronti tal-Federation of Estate Agents?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li wara s-sentenza tal-Qorti ta' l-Appell, l-Istatement of Objections m'għadhiex iktar applikabbli.

Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali — Statements of Objections

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 28518, tista' l-Ministru tgħid jekk f’dawn il-każijiet inħarġux Statement of Objections? Jekk iva, kemm minn dawn inħarġu u liema setturi dawn jikkonċernaw?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li b’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 28518, l-Uffiċċju ħareġ Statement of Objections wieħed. Dan inħareġ din is-sena fir-rigward ta’ miżuri interim fis-settur tad-divertiment.

Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) — interim measures - talbiet

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 28521, tista' l-Ministru tgħid id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) saritlux talba biex tinħareġ interim measure minn xi intrapriża jew organizzazjoni oħra?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) rċieva talba waħda minn organizzazzjoni sabiex joħrog interim measure.