Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5402 u cioe' jista' jgħid x'inhu kkalkulat li se tkun il-kontribuzzjoni finanzjarja ta' Malta lill-Unjoni Ewropea matul is-snin 2004, 2005 u 2006?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Billi skond l-istandards taċ-CIMU il-hardware projects ta' l-IT tal-gvern jistipulaw illi jridu jkunu bbażati fuq intel-based kits, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex beħsiebu jagħmel kif għamil il-Gvern Franċiż u jneħħi din il-kondizzjoni ħalli jevita anti-trust action min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea billi l-UE hija kontra kuntratti li jispeċifikaw li proġetti ta' l-IT għandhom ikunu speċifikament iddisinjati b'intel processors?
Jikkonferma l-Prim Ministru illi l-UE wissiet lill-gvernijiet nazzjonali membri li għandhom jiftħu l-kuntratti ta' l-IT hardwareibbażati fuq chips minn suppliers oħrajn jew inkella jirriskjaw li jieħdu azzjoni bil-qorti kontrihom? Il-Gvern Malti ġie mwissi f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tagħrif għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’seduta oħra.
Budget rebate tar-Renju Unit — Fondi lill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma li parti mill-fondi 2.4 miljun euro fis-sena li Malta se tagħti lill-Unjoni Ewropea se jmorru għall-budget rebate tar-Renju Unit biex tieħu lura dak li ħallset żejjed lill-fondi tal-UE? Għal kemm snin mistennija nħallsu dawn iż-2.4 miljun euro fis-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħall-pajjiżi l-oħra membri ta’ l-Unjoni Ewropea, Malta ser tikkontribwixxi sehemha lejn il-budget ta’ l-Unjoni u ser tieħu lura wkoll fondi mill-istess budget għal diversi inizjattivi. Ir-riżultat ser ikun li Malta ser iddaħħal mill-Unjoni madwar Lm90 miljun aktar milli ser toħroġ u ebda kontribut m’hu ser imur minn Malta lejn il-budget ta’ xi pajjiż ieħor membru ta’ l-Unjoni.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus tal-fuel li nefaq il-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu fl-ewwel tlett xhur tas-sena?
Kemm hu l-ammont li tħallas minn din iċ-ċifra?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu tas-sena 2003 rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru l-ispiża fuq fuel għall-ewwel tlett xhur tas-sena 2003 u 2004 fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fil-Ministeru tal-Finanzi.
Jista' il-Prim Ministru jagħti dettalji dwar il-ftehim bilaterali propost bejn Malta u Jersey dwar it-tassazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-ftehim li jinħtieġ li jsir bejn Malta u Jersey bħala konsegwenza ta’ l-EU Savings Directorate. Taħt il-ftehim bilaterali li jrid jiġi ffirmat bejn Jersey u Malta, ser ikun meħtieġ li Jersey tapplika withholding tax għal perjodu transitorju kif japplika għall-Awstrija, Belġjum u Lussemburgu rigward pagamenti ta’ interessi li jsiru lill-individwi residenti f’Malta minn paying agents stabbiliti f’Jersey u li Jersey tittrasferixxi 75% tat-taxxa hekk miġbura lil Malta. Malta trid tipprovdi għall-ħelsien minn taxxa doppja rigward taxxa li tiġi miżmuma minn Jersey. Wara l-perjodu ta’ transizzjoni, Jersey tkun trid tibdel dik l-informazzjoni dwar pagamenti ta’ interessi awtomatikament ma’ Malta bl-istess mod kif meħtieġ taħt is-Savings Directive. Min-naħa tagħha, Malta trid tgħaddi awtomatikament dik l-istess tip ta’ informazzjoni meħtieġa li tiġi mibdula taħt is-Savings Directive ma’ Stati Membri oħra, lil Jersey rigward pagamenti ta’ interessi li jsiru minn Malta lil individwi residenti f’Jersey.
Ministri u segretarji parlamentari — Dikjarazzjoni tad-dħul annwali
Question
Jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dikjarazzjoni tad-dħul annwali tal-ministri u s-segretarji parlamentari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bi ħsiebni npoġġi d-dikjarazzjonijiet tad-dħul annwali tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġimgħat li ġejjin.
Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li, skond paragrafu 48 tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u Segretarji Parlamentari, fil-każ ta’ Ministri jew Segretarji Parlamentari li jkunu għadhom kif inħatru, dawn għandhom xahrejn żmien sabiex jiddepożitaw id-dikjarazzjoni tagħhom mas-Segretarju tal-Kabinett. Jagħmel sens li dawn id-dikjarazzjonijiet jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra kollha f’daqqa.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4771 u cioe' jista' jikkonferma li parti mill-fondi 2.4 miljun euro fis-sena li Malta se tagħti lill-Unjoni Ewropea se jmorru għall-budget rebate tar-Renju Unit biex tieħu lura dak li ħallset żejjed lill-fondi tal-UE? Għal kemm snin mistennija nħallsu dawn iż-2.4 miljun euro fis-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt bi tweġiba għall-mistoqsija numru 4771 fl-istess seduta.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kif se jinħadmu l-applikazzjonijiet għal fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropea? Peress li ġewwa l-pajjiżi kollha l-oħra - membri u kandidati - il-prinċipju mħaddan huwa li m'hemm l-ebda restrizzjoni biex korpi governattivi, privati u volontarji japplikaw għal dawn il-fondi, jista' jispjega fid-dettall kif individwi, aġenziji, dipartimenti u l-oqsma kummerċjali u non-governattivi kif ukoll l-imsieħba soċjali se jkunu jistgħu japplikaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet għall-fondi strutturali ħarġu kollha minbarra xi sub-miżuri taħt miżura 3.3.
L-applikazzjonijiet kienu miftuħa għall-organizzazzjonijiet pubbliċi, dawk volontarji u oqsma oħra non-governattivi li jinkludu l-imsieħba soċjali. Il-proċeduri ta’ l-applikazzjonijiet kienu spjegati fid-dettal f’linji ta’ gwida li ħarġet il-Managing Authority għal dawk kollha li kienu eliġibbli li japplikaw. Dawn il-linji ta’ gwida kif ukoll il-mili ta’ l-applikazzjoni nnifisha ġew spjegati f’sessjonijiet ta’ informazzjoni (information sessions) li saru kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għall-oqsma non-governattivi.
Jista' il-Prim Ministru jispjega fid-dettall il-politika ta' koeżjoni (cohesion policy) li se tiggwida l-fondi ta' koeżjoni u strutturali mogħtija lil Malta? Saret xi forma ta' konsultazzjoni bħalma sar u qed isir kemm fil-pajjiżi membri u dawk li se jidħlu fl-Unjoni fl-2004? Fil-każ, x'tip ta' konsultazzjoni saret u ma' min?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Politika ta’ koeżjoni li ser tigwida l-fondi strutturali 2004-2006 u l-fond ta’ koeżjoni 2004-2006 hija spjegata fid-dettal fir-regolamenti kollha taħt kapitlu 21 ta’ l-Acquis Communitaire u ġiet tradotta fil-konkret fil-Programm Uniku ta’ Programmazzjoni (Single Programming Document) ta’ Malta 2004-2006. Il-proċess ta’ konsultazzjoni li sar hu spjegat fl-istess document. Dan id-dokument jinsab fuq il-website: ppcd.gov.mt.
Barra minn hekk il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-programm, li qed isegwi mill-qrib l-implementazzjoni tal-programm, hu kompost mis-settur pubbliku kif ukoll minn rappreżentanti tas-settur non-governattiv, inkluż għaqdiet u msieħba soċjali.
L-abbozz tad-dokument dwar il-politika ta’ koeżjoni għal wara s-sena 2007 qed jiġi diskuss bħalissa fl-istrutturi u l-kumitati ta’ l-Unjoni Ewropea kollha wara l-pubblikazzjoni ta’ l-abbozz mill-Kummissjoni Ewropea fit-18 ta’ Frar ta’ din is-sena.
Jista' il-Prim Ministru jgħid min se jkun jipproċessa l-applikazzjonijiet tal-: INTERREG, LEADER + URBAN II u EQUAL? Kif se jiġi garantit il-proċess trasparenti ta' l-applikazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Inizjattivi Komunitarji
Malta, bħad-disa’ pajjiżi membri ġodda l-oħra, qed tibbenefika minn tnejn minn dawn l-Inizjattivi Komunitarji, li huma l-Interreg III u EQUAL.
L-Inizjattiva Komunitarja Interreg III
L-Inizjattiva Komunitarja Interreg III hija maqsuma fi tlett tipi ta’ kooperazzjoni: Kooperazzjoni bejn il-fruntieri , kooperazzjoni transnazzjonali, u kooperazzjoni interreġjonali.
Fil-każ ta’ Malta, il-kooperazzjoni bejn il-fruntieri ser issir bejn Malta u l-Italja (Sqallija).
Taħt il-kooperazzjoni transnazzjonali, Malta qiegħda tipparteċipa f’żewġ Programmi: Medocc u Archimed.
Taħt il-kooperazzjoni interreġjonali, Malta hija membru taż-żona tan-Nofsinhar.
Il-programmi msemmija hawn fuq kollha għandhom struttura separata li tikkoordina l-proċess ta’ l-applikazzjonijiet. Dawn jikkonsistu f’Awtorità ta’ Ġestjoni, Awtorità tal-Pagament, u Joint Technical Secretariat għal kull programm, kif ukoll Kumitat ta’ Programmazzjoni u Kumitat ta’ Sorveljanza. L-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni jippubblikaw is-sejħiet għall-applikazzjonijiet fil-websites tagħhom.
Il-Joint Technical Secretariat tagħmel l-evalwazzjoni preliminarja ta’ dawn l-applikazzjonijiet. Dawn imbagħad jiġu diskussi u evalwati wieħed wieħed f’kumitat flimkien mal-koordinaturi nazzjonali.
Bir-rappreżentazzjoni tal-koordinaturi nazzjonali fil-kumitati, l-pajjiżi kollha (inkluża Malta) jissorveljaw u jipparteċipaw fil-ġestjoni tal-programmi. Il-proċess trasparenti huwa garantit ukoll billi sejħa għall-applikazzjonijiet hija pubblika.
L-Inizjattiva Komunitarja EQUAL
Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-proġetti taħt il-Programm EQUAL ser tiġi pproċċessata mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali bħala waħda mill-funzjonijiet li ġew iddelegati lilu mill-Awtorità ta’ Ġestjoni fl-implimentazzjoni ta’ dan il-programm.
Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali għandu joħroġ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet. Wara li tagħlaq din is-sejħa, l-istess Ministeru għandu jevalwa l-proġetti, jinnumerhom skond l-importanza u jgħaddihom lill-Awtorità ta’ Ġestjoni għall-approvazzjoni.
Jista' il-gvern jagħti dettalji ċari kif se juża l-fondi strutturali u dawk ta' koeżjoni? Min jiddeċiedi fejn u kif se jintnefqu l-fondi? Għaliex il-gvern ma ħalaqx mekkaniżmu parlamentari kif qed jużaw l-Ungerija, l-Estonia, il-Latvia u Ċipru biex jikkordinaw dawn il-fondi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dawn id-dettalji jinsabu fil-Programme Complement li jinsab fuq il-website: ppcd.gov.mt u li ġie approvat mill-Kumitat ta’ Sorveljanza (li l-Gvern ħoloq apposta) fit-23 ta’ Jannar 2004 u amendat mill-istess kumitat fil-21 ta’ April 2004. Dan id-dokument jinkludi wkoll il-kriterji li fuqhom ser issir l-għażla tal-proġetti taħt kull miżura.
Is-selezzjoni tal-proġetti ssir minn kumitat apposta u l-approvazzjoni finali tal-proġetti issir mill-kabinett tal-Ministri.
Il-proċess ta’ koordinament tal-fondi mhux preskritt mir-Regolamenti Ewropej, għalkemm irid jiġi approvat mill-Kummissjoni Ewropea bħala parti min-negozjati dwar il-Programm Uniku ta’ Programmazzjoni (
Single Programming Document
). Kull Stat Membru joħloq is-sistema ta’ koordinament tiegħu skond il-liġijiet ta’ pajjiżu.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk huwiex veru li f'Malta huwa l-gvern li ddeċieda fejn u kif se jintnefqu l-fondi strutturali u ta' koeżjoni biex jgħattu d-deficit tal-gvern fi proġetti ta' priorita' nazzjonali? Jista' jagħti rendikont ċar fejn se jmorru dawn il-flus u jikkonferma li l-komunita' kummerċjali u dik non-governattiva s'issa tħalliet barra minn din l-area biex il-gvern juża l-flus kollha hu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Fondi Strutturali ta’ kull pajjiż jintefqu skond programm strateġiku li jħejji l-Gvern u li fuqu jrid jintlaħaq qbil mal-Kummissjoni Ewropea. L-ewwel abbozz ta’ dan il-Programm intbagħat lill-Kummissjoni f’Mejju 2003 wara li kien ukoll diskuss fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku. L-istess programm kien ukoll miftuħ għall-kummenti mill-pubbliku permezz ta’ website u pubbliċità li saret fil-paviljun tal-Gvern fil-fiera nazzjonali ta’ Malta f’Lulju tas-sena l-oħra fejn tqassmu kopji tad-dokument u fuljetti ta’ informazzjoni.
Dan id-dokument kif ukoll il-Programme Complement jinsabu fuq il-website ppcd.gov.mt.
Fost il-prijoritajiet hemm ukoll diversi miżuri u azzjoni fejn il-komunità non-governattiva (kummerċjali, agrikola, dik tas-sajd u organizzazzjonijiet oħra) se tkun il-benefiċjarja prinċipali.
Għaldaqstant l-Onorevoli Interpellant hu mistieden jaġġorna ruħu mal-fatti qabel jagħmel dikjarazzjonijiet żbaljati u partiġjani kif għamel fil-mistoqsija tiegħu.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5232 u cioe' jista' jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew xort'oħra lill-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?
Jista' jgħid f'kull każ min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' ammont li ngħataw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar sentejn l-Awtorità tax-Xandir sponsorjat żewġ kategoriji tal-Malta Journalism Awards lil Institute of Maltese Journalists (qabel magħrufa bħala The Malta Press Club).
Fis-sena 2003 l-sponsorship kien jammonta għal Lm1,725 waqt li għal 2004 l- sponsorship jammonta għal Lm1,770.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tagħrif mitlub għar-rigward tal-Ministeru tal-Finanzi jinsab fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ministru jew segretarju parlamentari li baqa' jipprattika il-professjoni jew ix-xogħol tiegħu sal-lum, anke wara li ngħata l-kariga?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari huma mistennija li jimxu mal-Kodiċi ta’ Etika li tapplika għalihom. Sezzjoni 45 ta’ din il-Kodiċi tirreferi għas-suġġett li qed iqajjem l-Onorevoli Interpellant u tgħid hekk:
“Ministru (jew Segretarju Parlamentari) li qabel il-ħatra tiegħu jkun jaħdem għal rasu, jeżerċita professjoni jew ikun fin-negozju kemm jekk personalment, u kemm jekk permezz ta’ forma legali oħra, kemm jekk waħdu, u kemm jekk le, m’huwiex obbligat jiddisponi mill-interess jew sehem tiegħu iżda jrid jagħmel immedjatament l-arranġamenti neċessarji sabiex jassigura li:
- jinqata’ mit-tmexxija u management ta’ l-uffiċċju, sengħa jew negozju;
- jagħmel arranġamenti biex ikun jista’ jitħallas ta’ xogħol li jkun għamel jew profitti dovuti lilu;
- ma jibqax jieħu sehem mill-ħlas jew profitti ta’ xogħol li jsir wara li jkun ġie maħtur Ministru, għajr għal somma fissa kull sena kkunsidrata bħala dħul fuq l-investiment li jkun għamel fl-avvjament.”
Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ngħataw struzzjoni biex jottemporaw ma’ dak imsemmi hawn fuq.
Huwa minnu li fil-ġimgħat li ġejjin se jitnaqqas il-complement ta' ħaddiema mad-Dwana minħabba t-tibdil fis-sistema tad-dwana b'konsegwenza tad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropeea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li s’issa ma hemm l-ebda complement stabbilit dwar in-numru ta’ ħaddiema f’kull grad fid-Dipartiment tad-Dwana.
Taħdidiet f’dan ir-rigward qed isiru mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk Aġent li llum jopera mill-groupage complex ta' Ħal Far, bid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea ikunx jista' jopera barra l-kumpless ta' Ħal Far meta l-merkanzija li jirċievi tkun oriġinat minn pajjiż/i membru/i ta' l-istess Unjoni Ewropea? Jekk fl-affermattiv, xi proċedura iridu jużaw dawn l-aġenti meta jirċievu merkanzija minn pajjiżi li m'humiex membri ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li minħabba mmaneġjar tat-traffiku fil-pajjiż, il-pulizija ħarġet ordni li l-groupage containers, bla ebda distinzjoni ta’ l-oriġini ta’ l-oġġetti, għandhom jinħattu fil-kumpless ta’ Ħal-Far kif qiegħed isir fil-preżent.
Għal dawk l-oġġetti ta’ oriġini ta’ l-Unjoni Ewropea ma tintalabx dikjarazzjoni tad-Dwana.
Għal dawk l-oġġetti ta’ oriġini minn pajjiżi li m’humiex membri ta’ l-Unjoni Ewropea l-proċedura eżistenti mhix se tinbidel, jiġifieri trid issir dikjarazzjoni tad-Dwana.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ċittadin minn xi pajjiż membru ta' l-Unjoni Ewropea jiġi hawn Malta bi trakk mgħobbi b'merkanzija għal diversi riċevituri Maltin, isibx diffikulta' li jqassam ix-xogħol lill-klijenti Maltin? X'se tkun il-proċedura tad-dwana għal dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jġibu dan ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sa fejn jikkonċerna d-Dwana, ċittadin minn pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea jista’ jgħaddi mill-entry points tad-Dwana sakemm il-merkanzija tkun tiegħu u t-trakk ikun tiegħu. Ladarba jkun ġej minn pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea, fid-dħul tat-trakk mill-entry points tad-Dwana, dan iċ-ċittadin ma jkollux bżonn jagħmel il-formalitajiet tad-Dwana, imma jrid jimla l-formola ta’ “informazzjoni supplimentari” (formola ta’ l-istatistika) u jħalliha lid-Dwana fl-entry point. Biex timtela’ din il-formola ċittadin tali jkollu bżonn jirreġistra mad-Dipartiment tal-VAT f’Malta bħala riċevitur tal-merkanzija. Dwar jekk jistax iqassam ix-xogħol lill-klijenti, tajjeb li jittieħed il-parir tad-Diviżjoni tal-Kummerċ minħabba l-ħtieġa ta’ traders licence.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru transfers mill-ewwel tas-sena 2004 sal-lum fid-dipartimenti kollha tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ “transfers” li saru mill-1 ta’ Jannar, 2004 sas-27 ta’ April, 2004 bejn Ministeru u ieħor u li ġew approvati mill-“Management and Personnel Office” huwa 241. Minn dan in-numru, 185 “transfer” kienu ta’ impjegati tas-sezzjoni tal-“Parks and Landscapes” li mxiet mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura għall-Ministeru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u 11 oħra huma mpjegati residenti Għawdex li minn Malta ngħataw xogħol Għawdex li qabel kien isir Malta.
Kien hemm ukoll tliet “transfers” oħra li ġew approvati bejn dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
“Transfers” li jsiru bejn dipartimenti li jaqgħu taħt Ministeri oħra, jiġu approvati mis-Segretarju Permanenti rispettiv u l-Onorevoli Interpellant huwa mistieden jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret tal-Cabinet sub-committee? Meta saru dawn il-laqgħat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F’waħda mill-aħħar laqgħat tiegħu, il-Kabinett il-ġdid approva dokument li jipprovdi għat-twaqqif ta’ erba’ Kumitati tal-Kabinett u li se jkunu responsabbli rispettivament għall-Kompetittività, Politika Soċjali, Ambjent u Proġetti Nazzjonali. L-ewwel laqgħat ta’ dawn il-Kumitati tal-Kabinett mistennija jsiru fi żmien qasir.