Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar x'inhu x-xogħol li fadal biex jitlesta l-proġett tas-Salini, limiti ta' San Pawl il-Baħar/Naxxar? Preżentement, kemm mix-xogħol huwa lest , u x'inhi r-raġuni li bħalissa ftit li xejn għaliha jidher li għaddej xogħol fuq il-post? Jista’ jgħid jekk ix-xogħol li għaddej fuq il-Coast Road hux mistenni li jaffettwa l-konfini tal-istess proġett tas-Salini? Jekk iva, kif ser jiġi effettwat dan l-istess proġett minħabba din it-triq? Meta hu mistenni li jkun lest il-proġett kollu kemm hu, u kemm ser jiġi jiswa’ meta jkun lest? Matul l-aħħar xhur x'bidliet kien hemm fil-pjanti ta' dan il-proġett, u liema bidliet oħra hu mistenni li jseħħu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ix-xogħol li għad fadal isir fuq il-proġett tas-Salini hu dan:
1. Tinħareġ it-tender għall-pedestrian bridge li mistennija toħrog fil-ġimgħat li ġejjin.
2. Jinbeda x-xogħol fuq it-tender tar-rijabiltazzjoni tas-salt marsh u l-garigue.
3.Toħroġ tender għall-esebiti kif ukoll jonqos xi xogħol fuq il-finishes tal-huts il-ġodda li nbnew bħala parti minn dan il-proġett, liema xogħol mistenni jitlesta sal-aħħar ta' Lulju 2014.
4. Fadal ukoll isir xi xogħol ta’ landscaping .
Il-proġett jinsab fi stat avvanzat ta' tlestija . Ix-xogħol tal-Coast road sa issa mhux mistenni li jaffetwa l-konfini tal-istess proġett tas-Salini.
Il-proġett hu mistenni li jitlesta sal-aħħar ta' din is-sena.In-nefqa totali fuq il-progett mhix magħrufa f'dan l-istadju minħabba li għad hemm diversi xogħlijiet pendenti inkluż il-ħruġ ta' xi tenders.
L-unika bidla li kien hemm fil-pjanti ta' dan il-proġett tikkonċerna pedestrian tunnel li min- naħa tax-Ximenes Redoubt kien ser jipprovdi aċċess għas-sit. Ġie deċiż li dan it-tunnel jitneħħa mill-proġett. S’issa m'hemmx pjanijiet ta' xi bidliet oħra fil-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-bajja ta' quddiem il-lukanda Coastline s-Salini għadha ma tnaddfitx mill-alka?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-bajja imsemmija, l-alka tnaddfet fil-ġranet tas-27 ta’ Ġunju, 30 ta’ Ġunju u 2 ta’ Lulju. Il-materjal ta’ alka li għad fadal f’din il-bajja għadu depożitat fil-baħar, u għalhekk wieħed irid jistenna l-element tan-natura sabiex din tinġarr bil-mewġ fuq ir-ramla. Bħalissa il-livell tal-ilma baħar għadu għoli ħafna u għalhekk wieħed għad irid jistenna sabiex isir il-kumplament tat- tindif.
Jista’ l-Ministru jgħid l-cruiseliner li daħal barra Kemmuna fis-27 ta' Ġunju 2014 x'kien jismu u kemm kellu passiġġieri fuqu? Dawn il-passiġġieri niżlu Kemmuna jew Għawdex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-cruiseliner li daħal barra Kemmuna fis-27 ta’ Ġunju kien il-vapur “Le Ponant” u li kellu ħamsa u ħamsin (55) passiġġier fuqu. Transport Malta hija nfurmata li dawn il-passiġġieri tniżżlu Kemmuna.
Jista' l-Ministru jgħid x'jisimhom il-cruiseliners li huma ppjanati li jiġu barra l-port tal-Imġarr f'Għawdex bejn l-1 ta' Lulju u l-aħħar ta' din is-sena? Kemm hu stmat li se jkun hemm passiġġieri fuq kull vapur?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-cruiseliners li huma ppjanati li se jankraw barra l-port tal-Imġarr Għawdex bejn l-1 ta’ Lulju u l-aħħar ta’ din is-sena huma s-segwenti:
Data
Vapur
Kapaċità massima ta' Passiġġieri
6 ta' Lulju 2014
Le Ponant
64
2 ta' Novembru 2014
Windsurf
300
3 ta' Novembru 2014
Deutschland
280
Jista' l-Ministru jgħid min hu l-uffiċjal inkargiat bħala project supervisor for the construction stage fuq il-Proġett tal-Coast Road?
Response (MIZZI, JOE)
Id-dettalji tal-uffiċjal inkarigat bħala Project Supervisor For The Construction Stage fuq il-proġett tal-Coast Road se jiġu mgħoddija lill-Onor. Interpellant b’mod kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi tip ta’ lqugħ fid-ditch tal-Miżieb li qiegħed fi stat perikoluż ħafna?
Response (MIZZI, JOE)
Jidher li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-inħawi tal-Wied il-Miżieb u l-Wied ta’ Xaqrani. Din iż-żona u l-madwar huma protetti minħaba l-formazzjoni ġeomorfoloġika li tikkaraterizza l-post u minħabba li l-kommunitajiet ta’ xagħri u makkja li jinstabu hawnhekk. F’dawn il-kommunitajiet insibu wkol l-ikbar popolazzjoni naturali tas-siġra nazzjonali, l-Għargħar. Fil-fatt, dan il-wied huwa protett bħala Site of Scientific Importance, Tree Protection Area u Area of High Landscape Value (AHLV). Dan il-wied jifforma wkoll parti maż-żoni protetti tan-Natura 2000.
Għaldaqstant, sa biex l-integrità tal-wied tiġi mħarsa, il-
Valley
Management Section
se jagħmel l-ispezzjonijiet, studji u konsultazzjonijiet neċċessarji biex tiġi identifikata l-problema/i ġewwa dan il-wied u jiġi stabbilit jekk huwiex fattibli li jsir xi tip ta’ lqugħ fil-Wied tal-Miżieb.
B’ referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8561, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra x’kienu it-talbiet ta’ kjarifiki li saru minn dawk interessati u x’kienu r-risposti li ngħataw minn Transport Malta għal dawn it-talbiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peres li l-proċess ta’ evalwazzjoni tal-Expression of Interest għadu ma ngħalaqx, mhux meqjus prudenti li l-informazzjoni mitluba tingħata f’dan l-istadju.
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8557, jista’ l-Ministru jgħid x’sistema qed tintuża biex jitqies il-patrunaġġ u kif qed jiġu kkalkulati n-numru ta’ passiġġiera li jagħmlu użu mis-servizz? Jista’ jgħid jekk għadhiex tintuża l-istess sistema li kienet tintuża qabel ma l-kumpanija ttieħdet mill-Gvern?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 9894.
Jista’ l-Ministru jghid kemm-il cruise liner huwa ppjanat li jidħol f’Għawdex bejn l-1 ta’ Lulju 2014 u l-aħħar tas-sena 2014?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Lulju 2014 u l-aħħar tas-sena 2014 b'kollox huwa ppjanat li jidħlu erba’ cruise liners,3 barra l-Port tal-Imġarr Għawdex u vapur ieħor barra Kemmuna.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti fejn l-uffiċjal inkarigat mill-Health and Safety għan-nom ta’ Transport Malta huwa persuna li topera fi ħdan l-Occupational Health & Safety Unit ta’ Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Occupational Health & Safety Unit tal-Ministeru qed tipprovdi il-funzjoni ta’ health & safety għal Transport Malta fuq il-proġett tal-MODUS.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti fejn l-uffiċjal inkarigat mill-Health and Safety għan-nom ta’ Transport Malta huwa persuna outsourced?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa Transport Malta għandha żewġ proġetti għaddejjin fejn l-uffiċjal inkarigat mill-Health and Safety huwa outsourced. Dawn huma:
· Il-proġett ta’ Deep Water Quay
· Il-proġett tal-breakwater ta’ Marsaxlokk
Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini (BICC) –konsulenti u persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konsulent jew person of trust ġie ingaġġat mal-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini (BICC) mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-24 ta’ Ġunju 2014, inkluż dawk kollha mogħtija contract of service? Jista’ jgħid min huma? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tagħhom? Jista’ jgħid kemm għandhom paga u perkaċċi oħra?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti breakdown tal-paga u l-perkaċċi li jgawdi ċ-chairperson tal-Bord tad-Diretturi tal-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini (BICC)?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
B' referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9521, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern u/jew Transport Malta kellhomx xi talbiet uffiċjali għall-użu fit-tul jew żvilupp tal-istess moll għal xi tip ta' attività oħra apparti dik relatata mat-tiswija tal-yachts? U jekk fl-affermattiv, x' tip ta' attività kienet proposta u x'kienet ir-raġuni li tali proposta/i ma ġietx/ġewx ikkunsidrati mill-Gvern?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern preżenti u/jew Transport Malta ma kellhom l-ebda talba uffiċjali għall-użu jew żvilupp tal-istess moll.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu u Transport Malta għadhomx qed iħaddnu l-policy favur li jkun hemm modal shift, u ċjoè li sewwieqa ta’ vetturi jnaqqsu mill-użu tal-vettura tagħhom u jgħaddu għal metodi oħra ta’ trasport bħat-trasport pubbliku, u dan fid-dawl ta’ diversi miżuri li Transport Malta ħadet fix-xhur li għaddew, bħas-sospensjoni jew tneħħija ta’ bus priority lanes u t-tnaqqis tas-sistema tas-CVA, żewġ kompenenti ewlenin fit-tħaddim ta’ policy li hija favur il-modal shift? Jista’ jgħid ukoll x’impatt se jkollhom dawn il-miżuri li ttieħdu fuq l-eligibilità għal fondi għat-tħaddim tal-programm MODUS?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Ministeru tiegħi u l-Awtorità tat-Trasport għadhom iħaddnu bis-sħiħ il-polza u d-direzzjoni favur Modal Shift. L-awtorità issospendiet temporanjament il-bus lane ta’ Triq Aldo Moro minħabba ix-xogħolijiet infrastrutturali li kienu għaddejjin. Tali bus lanes jerġghu jibdew joperaw normali malli jitlestew ix-xogħolijiet kollha. Is-sistema tas-CVA kienet ġiet introdotta fuq bazi ta’ studji li saru fl-isfond meta kien għad hemm sistema ta’ transport pubbliku bil-venda ewlenija ġol-belt u meta l-Park-and-Ride tal-Furjana kien bla ħlas. Sussegwentament, li saret ir-riforma tat-Trasport Pubbliku fis-sena elfejn u ħdax (2011) u li l-Park-and-Ride tal-Furjana ġie bil-ħlas, l-qafas li kien iwieżen il-kunċett tas-CVA inbidel u dan wassal għal żbilanċ ta’ aċċessibilita’ fil-Belt Valletta fejn irriżulta impatt negattiv fuq in-negozji. Bit-tnaqqis sostanzjali tal-ħlas għall-użu tal-Park-and-Ride tal-Furjana u it-tnaqqis tal-ħin tas-sistema tas-CVA, l-aċċessibilità fil-belt ġiet għall-aħjar u dan qed iwassal sabiex terġa’ tibda tiġi riġenerata u stimulata l-attività kummerċjali tal-Belt Valletta. L-impenn tal-Gvern sabiex jippromwovi il-Modal Shift hija riflessa fil-proġetti li qed jiġu attwati u dawk li se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin bħal bus lanes ġodda fil-Gżira, Msida, Pietà u Blata l-Bajda, bus priority measures elettroniċi mal-bus lanes, is-sistema tal-bus gate fi Triq Taħt Putirjal fir-Rabat Għawdex u upgrading ta’ diversi bus stops. Fil-ġimgħat li ġejjin se titnieda Parking Policy ġdida li għandha miżuri sabiex jippromwovu l-Modal Shift. It-tieni riforma tat-transport pubbliku wkoll tirrifletti l-kunċett tal-Modal Shift minħabba li se tniedi sistema aktar aċċessibbli li tirrifletti n-neċessitajiet prattiċi fl-ibliet u rħula.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ma sarx Strategic Environmental Assessment Report dwar it-tħaffir li se jsir ftit ġimgħat oħra fin-nofsinhar ta' Malta mill-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Peress li l-Gvern ta' Ċipru kkummissjona dan it-tip ta' rapport dwar it-tħaffir ta' bjar li għandhom isiru iżjed minn 50km ’il hinn mill-kosta Ċiprijotta, jista’ jgħid għalfejn il-Gvern Malti mhux qed jieħu bis-serjetà s-sigurtà ta' dawn l-istrutturi offshore għat-tħaffir u qed jafda kollox f'idejn il-kumpaniji barranin meta r-riskju ta' inċident huwa tal-Gvern u l-poplu Malti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li Kap. 504 li huwa l-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp japplika biss sal-limitu tal-ibħra territorjali. Il-leġiżlazzjoni sussidjarja dwar is- Strategic Environmental Assessment toħrog minn dan l-Att. Fil-każ ta’ Ċipru, l-obbligi ambjentali imorru oltre mill-ibħra territorjali minħabba li Ċipru iddikjara Żona Esklussiva Ekonomika. Malta għadha m’ għamlitx din id-dikjarazzjoni. Tajjeb ngħid li fil-każ tal-bir Ħaġar Qim li qiegħed jitħaffar ‘l barra mill-ibħra territorjali Maltin, avolja mhux obbligati bil-kuntratt u bil-liġi, il-Gvern xorta talab li jsir ‘Environmental Risk Assessment’ mill-kumpanija. Dan sar u ġie aċċettat mill-Gvern qabel beda it-tħaffir. Saru ukoll diversi studji oħra u azzjonijiet ta’ mitigazzjoni sabiex jitnaqqas il-possibiltà ta’ inċident.
Jista’ l-Ministru jippubblika l-pre-drilling log stratigrafiku tal-Bir Ħaġar Qim? Il-Gvern għandu dan id-dokument mingħand il-kumpanija taż-żejt li se tħaffer il-bir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li dan id-dokument huwa ta’ natura kunfidenzjali u għandu valur kummerċjali u għalhekk ma jistax jiġi ppubblikat. Il-Gvern huwa obbligat permezz tal-ftehim ‘Production Sharing Contract’ li għandu mal-kumpanija biex iżomm dawn id-dokumenti kunfidenzjali. Tajjeb inżid li dan il- Production Sharing Contract kien iffirmat f’Lulju 2008 u l-kumpanija kienet obbligata li tħaffer bir sa Lulju 2011. Wara sena biss li jiena kont responsabbli mis-settur dan il-bir issa qiegħed jitħaffer.
Għawdex — Tħaffir għaż-żejt – Bir Madonna taż-Żejt – log stratigrafiku
Question
Peress li l-Ministru indika li l-bir Madonna taż-Żejt f'Għawdex kien bir stratigrafiku, u peress li fis-sena 2000 matul amministrazzjoni Nazzjonalista kien ippubblikat il-log stratigrafiku tat-tħaffir, jiġifieri għal fond ta' minn 4500 metru sa 8000 metru, iżda l-istratigrafija tat-tħaffir li sar fiż-żmien amministrazzjoni Laburista preċedenti, jiġifieri minn wiċċ l-art sa fond ta' madwar 4000 metru baqa’ mistur, allavolja dan huwa bir stratigrafiku, jista' l-Ministru jippubblika l-log stratigrafiku sħiħ għat-8km kollha ta' fond?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li dan id-dokument huwa ta’ natura kunfidenzjali u għandu valur kummerċjali u għalhekk ma jistax jiġi ppubblikat. Tajjeb inżid iżda li dan id-dokument kien f’idejn l-istess Direttur li kien hemm qabel jien sirt Ministru u l-istess Direttur waqt li jien kont Ministru kif ukoll l-istess Direttur waqt l-Amministrazzjoni Nazzjonalista minn Settembru 1998 ‘l quddiem u għalhekk ma rridtx li tingħata l-impressjoni li jiena qed inżomm dan id-dokument mistur. Din l-informazzjoni tinżamm b’mod kunfidenzjali fid-Dipartiment għat-tiftix għaż-żejt.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Tal-Papa, Birżebbuġa taqax taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta jew inkella taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa? Jekk din it-triq taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta, meta għandu il-ħsieb il-Gvern li jagħtiha it-tarmak biex ma tibqax fl-istat diżastruż li tinsab fih? F'każ li din it-triq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali, jista’ l-Gvern jagħti l-għajnuna tiegħu biex din it-triq tingħata t-tarmak?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq msemmija hija parti residenzjali u parti rurali u għaldaqstant din ma taqax taħt ir-responsabiltà ta’ Transport Malta. Madanakollu Transport Malta għandha nota tal-kundizzjoni ta’ din it-triq u tintervjeni skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.