Legislature:
Category:
Reset
Active:

Università ta' Malta — Każ dwar Impjegat

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-impjegat tal-Università ta' Malta li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għandu kuntratt ta' xogħol bħala audio visual manager fl-Iskola Medika u jekk fl-affermattiv jgħid mill-età tal-irtirar tiegħu sal-lum kemm-il darba kellu kuntratti ta' din in-natura ffirmati dan l-individwu, meta ġie ffirmat l-aħħar wieħed u meta hu previst li jiskadi l-aħħar kuntratt li hemm fis-seħħ? Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar kuntratt iffirmat u li hu fis-seħħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant huwa mpjegat mal-Fakultà tal-Mediċina u Kirurġija fl-Universita` ta' Malta bħala General Audiovisual Manager fuq bażi kuntrattwali definit. Huwa ffirma żewġ kuntratti: Wieħed fuq bażi full-time li beda fl-24 ta' Mejju 2008 u ġie mġedded kull sitt xhur sal-31 ta' Diċembru 2009. Imbagħad ġie mġedded xahar b'xahar mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2010. It-tieni kuntratt, fuq bażi part-time, beda fil-31 ta' Jannar 2011 u ġie mġedded kull sitt xhur. L-aħħar estensjoni tal-kuntratt hija għall-perjodu l-1 ta' Jannar 2013 sat-30 ta' Ġunju 2013. Kopja tal-aħħar kuntratt iffirmat qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Marsa Sports Club – ħlas għall-użu ta’ court

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li qed jintalab ħlas għall-użu tal-basketball/netball court li hemm ġewwa l-Marsa Sports Club (fejn il-parking area), kemm huwa dan il-ħlas u għalkemm ħin? Minn meta beda jintalab dan il-ħlas u għaliex? Jista’ jgħid ukoll x'inhu r-rwol tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li r-rata kummerċjali għall-użu tal-faċilità imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hija ta’ €50 għal kull sessjoni ta’ 90 minuta. L-aħħar li ġiet riveduta din ir-rata kien f’Diċembru tal-2011. Hemm rati kummerċjali stabbiliti għall-użu tal-faċilitajiet kollha amministrati mill-Kunsill Malti għall-iSport (KMS) għajr għall-High Ropes f’Ta’ Qali, l-Outdoor Gym fl-istess lokalità, l-iMsida Skating Park u l-Qormi Sports and Fitness Park. Meta l-faċilitajiet ikunu ser jintużaw minn għaqdiet reġistrati mal-KMS tiġi applikata rata sussidjata wara li ssir talba mill-għaqda lill-istess KMS. Il-flus miġbura jagħmlu tajjeb għall-manutenzjoni u l-amministrazzjoni tal-istess facilitajiet. Ir-rwol tal-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant huwa dak ta’ Manager tal-Kumpless Sportiv tal-Marsa .

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – laqgħat ma’ Ambaxxaturi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra ma’ liema ambaxxaturi ltaqa’ tul ix-xhur ta Marzu, April u Mejju sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jindika ukoll x’ġie diskuss?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fix-xhur indikati fil-Mistoqsija Parlamentari rċevejt l-ambaxxaturi minn dawn il-pajjiżi:- Ċina Ghana Kuwait L-Istati Uniti tal-Amerika Renju Unit F'dawn il-laqgħat ġie diskuss kif tista' tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn dawn il-pajjiżi u l-gvern Malti fil-qasam tal-edukazzjoni, xogħol u riċerka.

Università ta’ Malta – Kors tal-Medjazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm studenti mill-Università ta’ Malta li qed jattendu għall-kors tal-medjazzjoni u kemm minnhom f’dak tal-grad ta’ masters?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab informat li ħmistax-il student qed isegwu l-kors li jwassal għall-Master of Arts in Mediation. L-istudenti li kienu reġistrati għall-Postgraduate Diploma kollha għażlu li jkomplu għall-Master.

Skejjel Primarji – attendenza ta’ tfal

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hawn tfal jattendu l-iskejjel primarji tal-Gvern , u possibilment jindika dan skola, skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Iż-Żurrieq — childcare centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinfetaħ iċ-chilcare centre fl-iskola primarja taż-Żurrieq?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Fil-leġislatura ta' qabel saret applikazzjoni mal-MEPA għall-bini ta' Childcare Centre fl-iskola Primarja taż-Żurrieq. Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi kienet infurmata mill-Ministeru ta' dak iż-żmien li din l-applikazzjoni ġiet milqugħa. F'dan l-istadju il-Fondazzjoni qed taħseb li dan iċ-ċentru jitlesta fl-2014.

Klabb 3-16 — użu tal-iskejjel

Question

Jista' l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar ir-rappreżentazzjonijiet li għamlet il-Malta Union of Teachers (MUT) dwar l-użu tal-iskejjel mill-Klabb 3-16? Jista' jikkonferma jekk l-issues li tqajmu mill-MUT ġewx riżolti u kif? Jekk le, jista' jagħti indikazzjoni dwar kif se jiġu solvuti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li r-rappreżentazzjonijiet li l-MUT għamlet dwar l-użu tal-iskejjel mill-Klabb 3-16 li tmexxi l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi qed jiġu studjati mill-Fondazzjoni. Il-Fondazzjoni għandha fil-ħsieb li dawn ir-rappreżentazzjonijiet jiġu diskussi mal-Ministeru, mad-Direttorat u mal-MUT. Dawn l-issues għadhom ma ġewx riżolti allavolja l-Fondazzjoni tqis li għandha komunikazzjoni tajba mal-iskejjel konċernati. Il-Fondazzjoni se tipproponi qafas ta' ftehim mad-Direttorat u l-iskejjel fejn hemm is-servizz sabiex il-partijiet kollha jkunu jafu x'inhu mistenni minnhom bil-miktub.

European Social Fund 1.225 Successful Masters Scholarships — applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni tal-proġett tal-European Social Fund 1.225 Successful Masters Scholarships, li tħabbret ftit tal-ġranet ilu u jpoġġi kopja tal-applikazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-applikazzjoni tal-proġett tal-European Social Fund 1.225 'Successful Masters Scholarships' ġiet sottomessa fl-14 ta' Diċembru 2012. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-isem ta' din l-iskema issa nbidel għal "Master it!". Qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-applikazzjoni. Kif wieħed jista' jinnota minn Paġna 31 tal-applikazzjoni, l-iskop kien li jintefqu €2 miljuni fi scholarships fuq medda ta' sentejn. Bi ftehim mal- Planning and Priorities Co-ordination Division fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Presidenza Ewropea tal-2017 u Fondi Ewropej, il-Gvern iddeċieda li jalloka iż-żewġ miljun ewro għal min jixtieq jagħmel Masters din is-sena bil-possibilita' li ninvestu aktar miljuni s-sena d-dieħla għal min jixtieq jagħmel Masters .

Steps Scholarships — Ħlasijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa li saret fis-sena 2012 fl-iSteps Scholarships sabiex isiru ħlasijiet tal-ischolarships tal-istudenti li kienu qed isegwu fil-livell ta' Masters?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li matul l-2012, saret sejħa waħda biss taħt l-iskema "STEPS" li kienet miftuħa għall-Masters biss. Is-sejħa kienet ħarġet f'Mejju 2012. B'kollox ingħataw 150 scholarship u l-valur nett tagħhom hu ta' €1.3 miljun. Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena, taħt skema oħra ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea, qed nivvutaw €2 miljuni għall- scholarships fil-livell ta' Masters . L-iskema jisimha " Master it! ".

scholarships mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il skema ta’ scholarship tnediet mill-Gvern, inkluż dawk b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea? Liema kienu dawn l-iskemi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Gvern, f'dawn ix-xahrejn, nieda skema ta' scholarships jisimha "Master it!". L-iskema hi ko-finanzjata: 85% b'fondi mill-Unjoni Ewropea; 15% b'fondi lokali. Il-Gvern nieda żewġ skemi oħra: il-Malta Government Scholarships Scheme (Post Graduate) u l-Malta Sports Scholarships. Iż-żewġ skemi huma b'fondi lokali. Iktar tagħrif dwar skemi ta' scholarships li tniedew fl-aħħar seba' snin qed jingħata fit-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Numru 1134.

Skemi ta' scholarships

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il edizzjoni ta’ skemi differenti ta’ scholarships tnedew fl-aħħar seba’ snin? Kemm intefqu flus fuqhom, sena b’sena u skema b’skema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif dwar skemi differenti ta' scholarships li tniedew mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, u l-MCAST fl-aħħar seba` snin u kemm intefqu flus fuqhom qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Scholarships

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw scholarships fl-aħħar seba’ snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar seba' snin, ingħataw 2,028 scholarships li kienu amministrati mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Mill-iskemi amministrati mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ibbenefikaw 540 persuna filwaqt li mill-iskemi tal-MCAST ibbenefikaw 182 persuna matul dawn l-aħħar seba' snin.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Nefqa għall-użu ta' mobiles

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Ministeru għal użu tal-mobiles kollha tal-Ministru u s-segretarjat privat għall-perijodu bejn 1 ta' Ġunju 2012 u t-8 ta' Marzu 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa tal-Ministeru għal użu tal-mobiles kollha tal-Ministru u s-Segretarjat Privat tagħha għal perjodu 01 ta' Ġunju 2012 u t-08 ta' Marzu 2013 kienet ta' €4950.14.

Skejjel — amministrazzjoni ta' anti-dipressanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' studenti fl-iskejjel primarji u sekondarji li lilhom jiġu amministrati anti-dipressanti fl-iskejjel pubbliċi, tal-Knisja u indipendenti, waqt il-ħin tal-iskola, skont proċeduri stabbiliti? Kemm saru żjarat minn infermiera tal-MMDNA għal dan l-iskop matul l-2012?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont ir-records miġbura mill-Education Medical Services fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, m'hemmx studenti li jieħdu l-antidipressanti fl-iskejjel pubbliċi, tal-knisja u indipendenti waqt il-ħin tal-iskola. Għalhekk ma saru l-ebda żjarat għal dan l-iskop minn infermiera tal-MMDNA matul l-2012. Madankollu, ġie rrapurtat każ wieħed fi skola indipendenti li jikkonċerna studenta tal-ħames sena sekondarja. Infurmat li l-infermiera tal-MMDNA ma ġewx involuti f'dan il-każ.

Eżamijiet tal-Matsec — Żbalji fil-karti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li tiddaħħal xi sistema sabiex jiġi assigurat li ma jibqgħux jirrepetu ruħhom żbalji fil-karti tal-eżami tal-MATSEC?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Bord tal-MATSEC għandu sistema sabiex ikun assigurat li ma jkunx hemm żbalji fil-karti tal-eżamijiet. Din is-sistema ilha tintuża mill-2002 u fiha tlett fażijiet. Fl-ewwel fażi kull bord tal-eżaminaturi fid-diversi suġġetti jikteb il-mistoqsijiet u jipprepara abbozz tal-karti tal-eżami, skema tal-immarkar u specification grid li turi kif il-mistoqsijiet jirriflettu s-sillabu. Fit-tieni fażi, iċ- chairman tal-bord tal-eżaminaturi jgħaddi dan il-materjal lil reviżur indipendenti li jkun responsabbli biex jara li l-mistoqsijiet ma fihomx żbalji, li mhumiex ambigwi, li jistgħu jinħadmu mill-istudenti fil-ħin allokat għall-eżami, li huma fis-sillabu u li huma tal-livell mistenni. Wara dan, ir-reviżur jgħaddi l-kummenti tiegħu lill-bord tal-eżaminaturi u flimkien jagħmlu t-tibdiliet li jkun hemm bżonn. Fit-tielet fażi, l-karti jgħaddu għand il-MATSEC Support Unit fejn il-Principal Subject Area Officer responsabbli għas-suġġett u uffiċjal ieħor jaraw li l-karti huma konformi mas-sillabu, li l-mistoqsijiet huma ċari u l-lingwa tagħhom hija addattata u li l-format tal-karti huwa konsistenti ma' dak ta' suġġetti oħrajn. Għall-kull fażi hemm checklist biex tiggwida liċ-chairman tal-bord tal-eżaminaturi, lir-reviżur u lill-uffiċjali tal-MATSEC. Din trid timtela' u tkun iffirmata minnhom. Minkejja dan l-iskrutinju, jista' xorta joħroġ xi żball f'xi parti minn mistoqsija li x'aktarx ikun jista' jkun irranġat malajr waqt l-eżami mingħajr effett kbir fuq l-istudenti. Hekk din is-sena fil-karta tal-Business Studies fil-livell tas-SEC kien hemm il-kelma 'care' flok 'cake'; fil-Computing livell tas-SEC waħda mill-vleġeġ kienet fid-direzzjoni ħażina. Fis-Systems of Knowledge kien hemm differenza żgħira bejn il-verżjoni bl-Ingliż li kienet titlob lill-istudenti jirrispondu 'from Classical to Modern times' u dik bil-Malti li talbithom jirrispondu 'miż-żminijiet Klassiċi u Moderni'. F'dan il-każ l-eżaminaturi se jaċċettaw risposti għaż-żewġ verżjonijiet. Il-MATSEC Bord dejjem jibqa' jara li ma jkun hemm l-ebda żball fil-karti tal-eżamijiet li joħorġu, iżda meta jkun hemm xi żball, il-Bord dejjem jiżgura li d-deċiżjoni li tittieħed tkun favur l-istudent u tpatti xi ftit għat-tensjoni li tista' tinħoloq waqt l-eżami.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — impjegati fis-segretarjati minn barra s-Servizz Pubbliku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 725 dwar persuni impjegati minn barra s-Servizz Pubbliku mas-segretarjat tal-Ministeru u tas-Segretarju Parlamentari, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra b'dawn id-dettalji: l-isem ta’ dawn l-individwi, il-kariga li qed jokkupaw, l-iskala tas-salarju tagħhom u l-impjieg preċedenti tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub dwar is-segretarjat tal-Ministeru tiegħi qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward is-segretarjat tas-Segretarju Parlamentari, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 555.

proġett tal-Marsa Sport Village

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-Marsa Sport Village?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) iltaqa’ ma’ investituri interessati fl-iżvilupp tal-kunċett ta’ Villaġġ Sportiv fil-Marsa biex jisma’ s-suġġerimenti dwar kif jista’ isir titjib fuq is-sejħa oriġinali biex jiġi żviluppat il-kunċett propost b’mod sostenibbli. Dan wara li sa meta għalaq iż-żmien stipulat għas-sottomissjoni ta’ interess f’dan il-proġett ma kien hemm ħadd li ssottometta interess. Is-sejħa għal Espressjoni t’Interess għall-iżvilupp tal-kunċett propost ghall-Villaġġ Sportiv tal-Marsa ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern nhar id-29 ta’ Lulju 2011 u l-perjodu ta’ sottomissjonijiet għalaq fil-25 ta’ Ottubru 2011. Il-KMS kien aċċetta li jestendi d-data tal-egħluq oriġinali b’erba’ ġimgħat oħra wara li tlieta mill-ħames żviluppaturi, li ħallsu biex ġabru d-dokument uffiċjali u attendew għal-laqgħat ta’ informazzjoni, kienu talbu għal estensjoni fiż-żmien tas-sottomissjonijiet. Wara dawn il-laqgħat ġiet abbozzata sejħa riveduta li sal-lum għadha ma ġietx ippubblikata.

Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport — staff complement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-istaff complement tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, liema kariga huma okkupati u min jokkupahom, liema huma vakanti, f'liema skala hi kull kariga u jekk l-ingaġġ sarx direttament mis-Servizz Pubbliku jew inkella minn barra s-settur pubbliku?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-għadd komplut tal-istaff tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport huwa 11. It-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Eżamijiet tal-Benchmark

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 294, jista' l-Ministru jgħid għaliex daħal dan it-tibdil meta l-eżami kif kien sas-sena l-oħra kien diġà inklussiv u addattat għat-tfal kollha għax kulħadd seta' juri l-ħiliet tiegħu f'dak li kien kapaċi l-aktar u għalhekk min kien isibha diffiċli biex jesprimi ruħu bil-kliem waqt l-orali, kien imur tajjeb fil-kitba u viċe versa? Peress li jekk se tingħata l-għajnuna, la tfal, la l-ġenituri u l-anqas l-iskejjel mhuma se jkunu jafu f'liema livell qegħdin it-tfal (u dan kien l-iskop ta' dan l-eżami tal-benchmark), jista' l-Ministru jgħid jekk kienx il-każ li lill-ġenituri ma ġiex spjegat lilhom l-iskop ta' dan l-eżami? L-għalliema ġew ikkonsultati jew intalbu jagħtu l-opinjoni tagħhom f'dan ir-rigward? Ġew organizzati laqgħat bejn l-għalliema u l-ġenituri dwar is-suġġet qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-ġenituri ta' tfal b'diżabilita` u b'diffikulta` li jitgħallmu laqgħu dan it-tibdil li ilhom jitolbuh huma. Nistiednu jiltaqa' ma' ġenituri bħal dawn u jara jekk jaqblux mat-tibdil. Qed jitolbu tibdil simili fl-eżamijiet kollha. It-tibdil li daħal din is-sena sar wara numru ta’ kunsiderazzjonijiet fosthom li: 1. Madwar 110 student għażlu li ma jgħamlux il-komponent tal-qari fl-2012. B’dan l-arranġament se tingħata opportunità lil dawn it-tfal u oħrajn, biex dawn ukoll jieħdu sehem fl-eżami tal- benchmark. 2. L-għajnuna mogħtija fil -component: Reading with Understanding qiegħda biex tiffaċilita l-qari biss u t-tfal mistennija li jwieġbu bil-kitba huma stess. 3. L-għan tal-eżami tal- benchmark hu li assessjar ta’ din l-għamla ikun wieħed inklussiv, li jilħaq it-tfal kollha inkluż dawk bi bżonnijiet differenti.

FTS — manutenzjoni fl-iskejjel

Question

Jista' l-Ministru jelenka x-xogħol kollu ta' manutenzjoni li sar b'sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin mill-Fondazzjoni tal-Iskejjel t'Għada (FTS) u kemm kienet in-nefqa ta' kull xoghol li sar f'kull skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.