Legislature:
Category:
Reset
Active:

Orkestra Filarmonika Nazzjonali — kunċerti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kunċert taw l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali minn Marzu tal-2013 s’issa u kemm minnhom ġew mogħtija barra mill-pajjiż?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 sa Lulju 2015 kien hemm 145-il kunċert imtella mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Minn Settembru 2015 sa Lulju 2016 s’issa hemm pjanati mas-67-il kunċert, bil-possibilta’ li dan in-numru jkompli jikber. L-MPO ser tkun tellghet 16-il kunċert barrra minn Malta bejn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ din is-sena. Dawn jinkludu: · Tour taċ-Ċina bejn Diċembru 2014 u Jannar 2015 fejn itellgħu 8 kunċerti · L- Expo f’Milan fl-Lulju 2015 · F’Ottubru 2015 ser jkun hemm 4 kuncerti b’4 mużiċisti f’Tour tal-Awstralja. · F’Novembru 2015 ser jkun hemm orchestral concert u żewġ chamber ensemble fi Frankfurt Apparti dawn il-kuncerti kien hemm ukoll numru ta’ Professional Recordings u Video Recordings li jinkludu: · Orchestral Music of Charles Camilleri, with international label Naxos · Premieres works of Maltese composers by Cosmos Wind Ensemble · Mediterranean Songs by MPO Chamber musicians · Flash Mob f’Pjazza San Ġorġ, Valletta · Innu Malti produzzjoni fit-Teatru Manoel, Valletta · Innu Malti produzzjoni f’Kastilja, Valletta

Cultural Export Fund

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li bbenefikaw mill-Cultural Export Fund?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Cultural Export Fund, b’investiment ta’ €200,000, tnieda f’April 2015 u għandu tliet fergħat – Travel Grants, Presentation & Touring u Translation Grant. Din l-aħħar fergħa tnediet f’Settembru tal-2015. Din is-sena b’kollox hemm erba’ skadenzi u għalhekk erba’ sessjonijiet ta’ evalwazzjoni fil-ka¿ tat- Travel Grants . S’issa saru żewġ sessjonijiet ta’ evalwazzjoni u ġew iffinanzjati b’kollox 12-il applikazzjoni. Fil-ka¿ ta’ Presentation & Touring , hemm żewġ skadenzi u s’issa kien hemm sessjoni ta’ evalwazzjoni waħda. F’din is-sessjoni ġew iffinanzjati 4 applikazzjonijiet. L-iskadenza għat-Translation Grant se tkun dan ix-xahar, Ottubru. Minbarra dan il-programm ta’ fondi, il-Fond qiegħed jippermetti bosta inizjattivi relatati mal-istrateġija li tiffoka fuq internazzjonalizzazzjoni fosthom stediniet għal international programmers biex jaraw xogħol artistiku/festivals prodotti mill-organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi, programm ta’ taħriġ li minnu se jibbenefikaw 25 artist u l-programm kulturali internazzjonali marbut mac-CHOGM li permezz tiegħu ġew ippreżentati sitt produzzjonijiet artistiċi f’sitt pajjiżi tal-Commonwealth.

Bord ta’ Rijabilitazzjoni – persuni akkużati b’reati ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista dettaljata ta’ kemm nies akkużati b’reati ta’ droga quddiem il-Qorti tal-Magistrati talbu li jiġu riferuti quddiem il-Bord ta’ Rijabilitazzjoni mmexxi mill-Imħallef li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa ġew referuti sitt kawżi mill-Qorti tal-Maġistrati quddiem il-Bord għar-Rijabilitazzjoni. Ħames każi minnhom huma skont Artikolu 8(1) u każ ieħor huwa skont Artikolu 5(4). Informat ukoll li hemm iktar minn 30 talba pendenti quddiem il-Qrati tal-Maġistrati sabiex issir din ir-referenza. Dan juri li l-liġ l-ġdida dwar id-Dipendenza fuq id-Drogi qed taħdem u jidher li fix-xhur li ġejjin se nibdew naraw l-ewwel riżultati konkreti tagħha sabiex vittmi ġenwini tad-droga jingħataw l-opportunita’ li jirriformaw u joħorġu mill-vizzju.

Jazz Festival – konkorrenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti break down tal-konkorrenza għall-Jazz Festival f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l- Il- konkorrenza għall-Jazz Festival f’dawn l-aħħar ħames snin kienet: Sena Attendenza 2011 2379 2012 2903 2013 2308 2014 2167 2015 2389

Arts Festival – konkorrenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti break down tal-konkorrenza għall-Arts Festival f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l- konkorrenza għall-Arts Festival f’dawn l-aħħar ħames snin baqghet tikber sena wara sena u qed jintlaħqu udjenzi li qabel ma kinux jintlaħqu. Intant l-attendenza kienet hekk: Sena Attendenza 2011 6836 2012 3929 2013 7874 2014 8117 2015 8121

Sid ta’ Garaxx – skart imferrex

Question

Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni ma’ sid ta’ garaxx li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li qiegħed iħalli ammont sostanzjali ta’ skart imferrex ma’ kullimkien u għaldaqstant qed joħloq inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?

Response (BONNICI, OWEN)

Peress li l-iskart huwa mitfugħ fuq f’art privata u mhux pubblika, nitlob lill-Onor. Interpellant jistaqsi din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Kawżi pendenti quddiem Maġistrat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala sal-jum li fih qed issir din l-interpellanza l-kawżi li kienu quddiem il-Maġistrat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, għadhom ma ġewx assenjati?

Response (BONNICI, OWEN)

Sfortunatament il-Maġistrat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għażel li jirriżenja b’effett immedjat mingħajr ma ta prior notice u allura s-sistema ġiet esposta għal ftit żmien għal sitwazzjoni fejn il-kawzi li kienu quddiemu ma ġewx assenjati bi pjan maħsub minn qabel. Din is-sitwazzjoni sfortunata, li ċertament ma kinitx fil-kontroll tal-amministrazzjoni tal-Qorti, se tiġi riżolta qabel l-aħħar ta’ dan ix-xahar stess.

Għawdex – il-Bajja tar-Ramla — passaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kunsill lokali hux responsabbli biex jara li l-bajja tar-Ramla f’Għawdex tkun aċċessibbli għal kulħadd? Jista’ jara għaliex il-bajja li tant hi frekwentata minn Għawdxin, turisti u Maltin mhijiex aċċessibbli għal kulħadd? Jaf li fl-aħħar snin, din il-bajja kienet dejjem tkun aċċessibbli permezz ta’ passaġġ tal-injam li jitpoġġa fix-xhur tas-Sajf u li jwassal mit-triq sal-baħar u li din is-sena dan il-passaġġ għalkemm tpoġġa ma kienx fi stat li tista’ timxi fuqu b’siġġu tar-roti u li ma kienx iwassal sal-baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li huwa dejjem għamel ħiltu sabiex il-bajja tar-Ramla l-Ħamra tkun aċċessibbli għal kulħadd. Infatti, fis-sena 2007, il-Kunsill Lokali tax-Xagħra ħa l-inizjattiva li jagħmel passaġġ tal-injam. Dan il-passaġġ sar bil-għajnuna finanzjarja tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu (MTA). Minħabba l-kundizzjoni tiegħu, din is-sena, sar ukoll xogħol ta’ manutenzjoni fuq l-istess passaġġ mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra bil-għajnuna tal-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex. Dan il-passaġġ ilu jitpoġġa fil-bajja tar-Ramla għal tmien snin u din is-sena tpoġġa kif dejjem sar fis-snin ta’ qabel, jiġifieri ma sar xejn differenti minn dak li jsir is-soltu.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Ministeru jew fi kwalunkwè entità li taqa’ taħt ir-responsabiltà tiegħu (segretarjat, dipartimenti, kumitati, kunsilli, aġenziji, kummissjonijiet, awtoritajiet eċċ.) għandux impjegati fi kwalunkwè kapaċità u jaħdmu jew fuq bażi full-time jew part-time jew li qed jirċievu xi forma ta’ ħlas minn fondi pubbliċi, persuni li sa Marzu 2013 kienu impjegati mal-Partit Laburista u b’mod speċifiku mar-radju u t-televiżjoni tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jipprovdi lista ta’ dawn il-persuni kif ukoll il-pakkett finanzjarju inkluż il-benefiċċji li qed jirċievu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nagħmel riferenza għall-prassi li kienet użata f’leġiżlaturi preċedenti u ngħarraf lill-Onor Interpellant li informazzjoni ta’ natura personali kif mitluba minnu, tingħata biss bil-kunsens tal-individwi kkonċernati.

Mużewijiet — żjarat organizzati mill-Kunsill Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jindika l-ammont ta’ viżitaturi li żaru l-mużewijiet permezz ta’ inizjattivi li jittieħdu mill-Kunsilli Lokali fejn ingħataw roħs fil-prezz tad-dħul ta’ siti storiċi u mużewijiet? Liema kienu dawn is-siti storiċi u mużewijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-iskema ta’ prezz speċjali (€1 r-ras) lill-Kunsilli Lokali li jorganizzaw mawriet kulturali fil-mu¿ewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta tnediet f’ Awwissu 2014. Minn dak iż-żmien ’l hawn kien hemm 2,035 ruħ li bbenefikaw minn din l-offerta, u dawn prattikament żaru l-mużewijiet u siti kollha ta’ Heritage Malta.

Heritage Malta – Open Days — attendenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-attendenza mill-pubbliku inġenerali waqt l-Open Days li jiġu organizzati matul is-sena minn Heritage Malta minn Marzu 2013 ‘l hawn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sal-lum kien hemm 121,762 vżitatur li attendew għall-Open Days li torganizza regolarment Heritage Malta fil-mużewijiet u s-siti amministrati minnha. 2011: 16,867 2012: 31,360 2013: 46,877 2014: 37,014 2015 (sat-8 ta’ Settembru - inkluż): 37,871

Kunsilli Lokali – ħidma fil-qasam kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir sabiex il-Kunsilli Lokali jaħdmu iktar id f’id mal-entitajiet governattivi speċjalment fil-qasam kulturali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jeżisti programm ta’ ħidma kkordinata sabiex il-Kunsilli Lokali f’Malta jingħataw aktar għajnuna finanzjarja fil-kuntest tal-Politika Nazzjonali tal-Gvern fuq il-qasam Kulturali u l-2018 meta l-Belt Valletta se jkollha t-titlu tal-Kapitali Ewropeja tal-Kultura. Għal dan il-għan sar ristrutturar fuq il-Bord tal-iskema tal-fondi speċjali għal attivitajiet kulturali organizzati mill-Kunsilli Lokali. Dan il-Bord immexxi mid-Direttorat għall-Gvern Lokali issa għandu rappreżentanza tal-Kunsill Malti tal-Arti, tal-Fondazzjoni Valletta 2018, tad-Direttorat tal-Kultura u tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu. Il-Fondi ta’ din l-iskema fl-aħħar sena żdiedu minn €200,000 għal €275,000 bis-sehem dirett tal-Fondazzjoni Valletta 2018 li taqa’ wkoll taħt ir-responsabilta tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura, u Gvern Lokali. Fuq inizjattiva oħra, minn Ottubru li ġej, għall-ewwel darba, il-Fondazzjoni Valletta 2018 ser tibda tħaddem 5 Kordinaturi Reġjonali, wieħed fir-reġjun ta’ Għawdex u erba’ fir-reġjuni ta’ Malta. Dawn il-Kordinaturi Reġjonali ser jibdew jaħdmu mill-uffiċċji reġjonali tal-Kumitati Regjonali rispettivi. L-għan ta’ dawn il-ħames Kordinaturi Reġjonali huwa sabiex il-Kunsilli Lokali jingħataw assitenza akbar fl-organizzazzjoni, u t-tħaddim tal-attivitajiet kulturali fil-komunitajiet rispettivi, imma wkoll fuq attivitajiet konġunti fuq bażi regjonali. Barra minn hekk fl-aħħar sentejn twettqu bosta programmi ta’ attivitajiet kulturali ma’ diversi Kunsilli Lokali fuq proġetti ikkordinati mill-Fondazzjoni Valletta 2018 bis-sehem ta’ Heritage Malta, Pjazza Teatru Rjal, kif ukoll taċ-Ċentru tal-Kreattivita ta’ San Ġakbu (St James Cavalier). Dawn saru fil-Kottonera, f’Ħaż Żabbar, Ta’ Xbiex, Tas-Sliema, Ħal Balzan, u f’Għawdex. Proġett kbir li fih kellhom sehem dirett il-Kunsilli Lokali kollha f’Malta u f’Għawdex huwa dak tal-Immappjar Kulturali ta’ Valletta 2018 (Cultural Mapping) Proġett ieħor ta’ Valletta 2018 bis-sehem tal-Kunsilli Lokali kollha, u li kien jinkludi ġabra ta’ dejta ta’ siti u spazji li jeżistu f’Malta u f’Għawdex għal attivitajiet kulturali. Dan l-immappjar li issa jeżisti miġbur fuq websajt li tħejjiet apossta jinkludi mijiet ta’ spazji bħal swali, mużewijiet u spazji għall-wirjiet, teatri, ċentri tal-komunità, faċilitajiet edukattivi u għall-isport, kif ukoll spazji pubbliċi bħall-ġonna, u pjazez fl-irħula. Proġett ieħor importanti hu dak tal-Arti fi Spazji Pubbliċi li qed isir b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Trasport u l-infrastruttura. Artisti flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipparteċipaw f’kompetizzjoni pubblika biex jintgħażlu sitt xogħolijiet artistiċi fi spazji pubbliċi u b’ħidma mal-komunità, li ser jiġu ffinanzjati fit-tlett snin li ġejjin.

Proġett Muża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-Proġett MUŻA?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-proġett MUŻA miexi skont kif ippjanat. L-applikazzjonijiet tal-MEPA ġew sottomessi. Ix-xogħol fuq ir-restawr tal-faċċata tal-Berġa tal-Italja mistenni jibda fil-ġimghat li ġejjin, filwaqt li t-tender tax-xogħlijiet maġġuri (li jinkludi restawr, servizzi infrastrutturali u interpretazzjoni) mistenni li jkun ippubblikat fl-aħħar kwart ta’ din is-sena. It-tender fuq il-branding tal-MUŻA ġie aġġudikat; ix-xogħol għaddej u jagħlaq sal-aħħar tas-sena. Sadanittant għaddejjin l-aħħar preparazzjonijiet sabiex tiġi sottomessa applikazzjoni għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) mill-programm 2014-2020.

Konferenza Annwali Network of European Museum Organisation

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar il-Konferenza Annwali NEMO (Network of European Museum Organisations) li se tittella’ f’Malta fl-2018? X’se tkun qed tindirizza din il-konferenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Bħal kull laqgħa oħra annwali tan-NEMO, il-konferenza tal-2018 tittratta aġġornament ġenerali fuq l-andament tal-mużewijiet fuq livell Ewropew. Barra minn hekk, għall-okkazjoni tal-laqgħa f’Malta fl-2018 (sabiex tikkonċidi mal-Belt Valletta bħala Belt Kulturali Ewropeja), il-konferenza se tkun qed tiddiskuti wkoll il-metodoloġiji li ntużaw sabiex tfassal il-proġett tal-Mużew tal-Arti l-ġdid, MUŻA. L-aġenda dettaljata għad trid titfassal.

Festa Maltija — importanza

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’importanza qed tingħata lill-Festa Maltija?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan is-settur qed isiru diversi inizjattivi sabiex nipproteġu u ngħożżu l-Festa Maltija. F’Novembru 2015 twaqqaf kumitat tekniku immexxi mill-Onor. Godfrey Farrugia li l-mandat tiegħu kien li jinkiteb rapport li fih jeżamina jekk din it-tradizzjoni għandiex tiġi proposta għall-iskrizzjoni fil-lista tal-Wirt Intanġibbli Dinji stabbilita mill-UNESCO. Mill-informazzjoni li ħarġet f’workshop li ttella’ apposta ftit tax-xhur ilu jidher li dan il-kumitat tekniku hu favur li jirrakomanda li l-Festa Maltija hija eleġibbli bil-għan prinċipali li niżguraw protezzjoni aħjar ta’ elementi minn din it-tradizzjoni u għarfien aktar wiesgħa ta’ dan il-patrimonju. Iżda l-festi mhumiex tradizzjoni biss, izda ukoll manifestazzjoni tan-nies, xi ħaga ħajja u hi ukoll taħlita tat-tradizzjonijiet, r-rabta ma’ aspetti moderni kulturali. Huma l-aspetti uniċi tal-festi Maltin flimkien ma dan li semmejt li jiddistingwuhom biex jikkwalifikaw ghall-applikazzjoni mal–UNESCO. Barra minn hekk għaqdiet tal-Festi qed jibenefikaw minn fondi taħt il-programm Creative Communities. Dan il-fond huwa immirat lill-għaqdiet volontarji li huma attivi fil-komunitajiet lokali u tagħti sostenn lill-proġetti kreattivi, proġetti ta’ taħriġ u riċerka. Matul l-2015, disa’ minn tlieta u għoxrin proġett li ħadu minn dawn il-fondi kienu għaqdiet tal-Festa. L-Arts Council Malta toffri konsultazzjoni diretta lil dawn l-organizzazjonijiet.

Persuni li ġabu d-divorzju b’deċiżjoni tal-Qrati Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid, min meta daħal id-divorzju f'pajjiżna, kemm kienu l-persuni li ġabu d-divorzju b'deċiżjoni tal-Qrati Maltin, sena b’sena, sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, OWEN)

It-talbiet milqugħa għal divorzju deċiżi mill-Qrati Maltin, sena b’sena sal-11 ta’ Settembru 2015 huma dawn:- SenaTalbiet għal Divorzju milqugħa 2011 (Minn Ottubru sa Diċembru)42 2012432 2013349 2014320 2015 (sal-11 ta’ Settembru)243 Total1386 It-talbiet milqugħa għal divorzju deċiżi mill-Qorti ta’ Għawdex, sena b’sena sal-11 ta’ Settembru 2015 huma dawn:- SenaTalbiet għal Divorzju milqugħa 2011 (Minn Ottubru sa Diċembru)2 201218 201311 20147 2015 (sal-11 ta’ Settembru)12 Total50

Qorti tal-Appell Ċivili Inferjuri – appelli pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti biex jibdew jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Appell Ċivili (Inferjuri)?

Response (BONNICI, OWEN)

Quddiem il-Qorti tal-Appell Ċivili (Inferjuri) Malta fit-30 ta’ Settembru 2015, kien hemm tliet mija u wieħed (301) appell pendenti biex jibdew jinstemgħu. Fil-Qorti ta’ Għawdex, fit-30 ta’ Settembru 2015 kien hemm pendenti 6 appelli Ċivili (Inferjuri).

Qorti tal-Appell Kriminali Superjuri – appelli pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti biex jibdew jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali (Superjuri)?

Response (BONNICI, OWEN)

Sal-aħħar ta’ Settembru kien hemm ħdax-il appell pendenti biex jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali (Superjuri)

Qorti tal-Appell Ċivili Superjuri – appelli pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti biex jibdew jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Appell Ċivili (Superjuri)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li sat-30 ta’ Settembru 2015 kien hemm elf u tmienja u tletin (1038) appell pendenti biex jibdew jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Appell Ċivili. Għad li fl-aħħar xhur kien hemm titjib importanti fil-Clearance Rate quddiem dina l-Qorti, il-Gvern ħass li għandhom jiddaħħlu għodod ġodda proċedurali biex il-kawzi quddiem dina l-Qorti jiġu spediti. Dan waqt li nassiguraw kemm jista’ jkun li l-kompozizzjoni ta’ din il-Qorti tkun kemm jista’ jkun dejjem Preseduta mill-istess persuna sabiex nassiguraw kontinwita’ u li ma jkunx hemm sentenzi kunfliġġenti fuq l-istess punt ta’ liġi. Dawn l-għodod proċedurali huma kontenuti fl-abbozz ta’ liġi li jemenda diversi liġijiet ta’ natura ta’ proċedura ċivili li diġa’ nqara għall-ewwel darba. Waħda mill-għodda hi li jekk il-partijiet volontarjament jaqblu li jistrieħu fuq ir-rikors u risposta, allura l-appell tagħhom jiġi fast-tracked.