B’referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 25268, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-għażla ta' Dar San Ġużepp f'Għajnsielem saritx b’mod dirett jew inkella nħarġitx sejħa għall-offerti, jew tal-inqas expression of interest? Jekk saret sejħa għall-offerti jew expression of interest kemm kienu dawk li ssottomettew l-offerta tagħhom? Jista' jgħid għalfejn il-ftehim ta' kera li sar mill-Ministeru tiegħu fuq din id-dar huwa ta' natura sensittiva meta dan qed jitħallas mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi l-ebda informazzjoni x’inżid mar-risposta li ngħatat għal mistoqsija parlamentari 25268.
Skemi ta’ Għajnuna ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-bdiewa f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm skemi ta’ għajnuna ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-bdiewa f’Għawdex għall-proġetti ta’ titjib bħalma huma ġwiebi, bini ta’ ħitan ta’ sejjieħ, irziezet, passaġġi fil-raba', eċċ. mill-2004 sal-lum? Meta daħlu fis-seħħ dawn l-iskemi u għal liema snin kienu japplikaw? X’ammont ta’ għajnuna ngħatat kull sena taħt kull skema skont in-natura tal-proġett u kemm bdiewa bbenefikaw taħt kull skema wkoll skont in-natura tal-proġett?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Għajnsielem Għawdex – Triq Ta’ Briegħen – street lighting
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li jsiru d-dwal (street lighting) fit-Triq Ta’ Briegħen f’Għajnsielem Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li Triq Briegħen ma taqax taħt ir-responsabilta tal-Ministeru għal Għawdex, għax ma hiex triq arterjali. Il-Kunsilli Lokali u l-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex ingħataw r-responsabiltà tad-dawl kollu tat-toroq fil-gżira u għandhom awtonomija sħiħa dwar fejn għandhom jitwaħħlu bozoz ġodda f’Għawdex. Għaldaqstant nitolbok tirreferri l-mistoqsija lil-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk max-xogħol li għaddej bħalissa fuq Triq Kerċem fir-Rabat, Għawdex, hux maħsub li jsiru wkoll water culverts għall-ilma tax-xita? Jekk fin-negattiv, jista' jara li kif inhu għaddej ix-xogħol f'din it-triq, jsiru wkoll dawn il-culverts ?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-water culverts qegħdin isiru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-kirja li qed iħallas il-Ministeru tiegħu għal dik li kienet id-Dar ta' San Ġużepp fi Triq l-Imġarr f'Għajnsielem, Għawdex? Jista' jgħid għal kemm snin hija l-kirja u minn meta bdiet titħallas il-kera? Kemm tħallset kera sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minnħabba li hija ta’ natura sensittiva.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23734 u ċjoè: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18676, jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa r-restawr ta' dawn li ġejjin u f'kull każ min tħallas għal dan ix-xogħol kif ukoll ix-xogħol ingħatax b'direct order, b'tender jew wara kwotazzjonijiet:
- Restawr tal-monument ta' Ninu Cremona fir-Rabat, Għawdex;
- Restawr tal-istatwa ta' Sant' Indrija fix-Xlendi;
- Restawr u riabilitazzjoni tal-faċċata tal-Ministeru għal Għawdex;
- Restawr tal-funtana Three Hills;
- Restawr tal-Kappella taċ-Ċimiterju tar-Rabat, Għawdex;
- Restawr tan-niċċa ta' San Alwiġi fl-Għarb;
- Restawr tal-Banca Giuratale; u
- Tisħiħ u konsolidazzjoni ta' fdalijiet fiċ-Ċittadella?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jelabora dwar l-għaxar kilometri ta’ toroq li saru, meta tpoġġa l-pipeline ġdid minn Ħondoq ir-Rummien sa Sannat?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett tal-pipeline minn Ħondoq sa Ta’ Ċenċ wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu. Preżentament qed tiġi ffinaliżata’ s-sistema ta’ Storm Water Culvert fil-lokalita’ ta’ Sannat u fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed nibdew l-istess xogħlijiet fil-Qala. Dawn ix-xogħlijiet huma xogħlijiet “over and above” s-sejħa tal-proġett pero l-awtoritajiet kkonċernati ħassew li jkun tajjeb li naraw x’hemm bżonn jsir f’kull triq biex jiġu ndirizzati problemi li r-residenti tal-lokalitajiet kienu ilhom jilmentaw fuqhom snin twal.
Għaddej ix-xogħol fi Triq tal-Ħniena, ġew iffinaliżati ċertu toroq bit-tieni kisja ta’ tarmac u saru anke l “street markings”. Eżatt kif jitlesta’ ix-xogħol tal-culverts, se jiġu ndirizzati t-toroq sekondarji u tingħata it-tieni kisja ta’ tarmac. B’hekk nkunu kkonkludejna proġett li se jagħti derha kompletament differenti lil gzira Għawdxija. Tibdil tal-main pipeline minn Ħondoq sa ta’Ċenċ, liema main kien ilu snin twal ma jinbidel, għaxar kilometri ta’ tarmac, tlett storm water culverts, re-construction ta’ Triq il-Qala, liema triq kienet fi stat ħażin ħafna u ġew kkoreġuti xi diżlivelli kull fejn kien hemm bżonn f’kull triq li minna ġie mgħoddi l- main pipeline.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett ta’ Misraħ San Franġisk fir-Rabat Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-proġett ser jinħadem f’żewġ fażijiet, l-ewwel fażi ser tkun tikkonsisti fil-bini ta’ taraġ, estensjoni ta’ pjazza, uffiċċju u exhibition hall. It-tieni fażi ser tkun it-tisbieħ ta’ pjazza San Franġisk innifisa. Il-proġett kollu huwa kopert bil-permessi meħtieġa min-naħa tal-Awtorita tal-Ippjanar u bħalissa bdiet l-ewwel fażi tal-proġett li ser tikkonsisti fil-bini ta’ taraġ li ser jgħaqqad il-parti fejn hemm l-istazzjon tal-karozzi tal-linja u l-parkeġġ għal ma’ Pjazza San Franġisk. Ix-xogħlijiet fl-ewwel fażi ta’ dan il-proġett jinsabu fl-ewwel stadji tagħhom u bħalissa qiegħda ssir l-eskavazzjoni sabiex issir il-kostruzzjoni tal-pedament. Dan ix-xogħol mistenni jieħu 10 xhur. Fil-ġimgħat li ġejjin ser toħroġ espressjoni ta’ interess oħra kemm rigward il-finishing ta’ din l-ewwel fażi kif ukoll għat-tisbieħ ta’ Pjazza San Franġisk. Wara li jitlesta dan it-taraġ, ser jibda kemm it-tisbieħ tal-pjazza u kif ukoll il-finishing ta’ l-ewwel fażi.
Għawdex — Żona Industrijali Xewkija – Childcare Centre
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel infetaħ iċ-Childcare Centre li jinsab fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija u li ġie inawgurat minnu stess u diġà beda jilqa’ tfal żgħar fih, sarux studji biex jiġi assigurat li saħħet it-tfal hija mħarsa mill-ispray u minn xogħol ieħor li jsir fil-garages industrijali li qegħdin eżatt mad-dawra tal-istess Childcare Centre? Jekk saru studji, minn min saru u jekk jistax ipoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirriferi din id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.
Gozo Channel – inkjesta interna jew investigazzjoni dwar tenders
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 24684 u r-risposta tiegħu li ma jridx jippubblika r-rapporti ta' inkjesti li saru mill-kumpanija Gozo Channel, jista’ l-Ministru jgħid tal-anqas kemm saru inkjesti interni jew investigazzjonijiet u x' kienet il-materja li dwarha saret l-inkjesta interna jew investigazzjoni?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’għandix aktar x’inżid mar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 24686.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett taċ-Ċittadella?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-proġett taċ-Ċittadella huwa proġett li kien ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea. Kien jikkonsisti f’diversi komponenti li kienu jinkludu: il-konverżjoni ta’ żewġ ġibjuni tal-ilma f’ ċentru għall-viżitaturi, ir-riabilitazzjoni tal-foss, ir-restawr tal-faċċati tal-binjiet storiċi, l-istallazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dwal u floodlighting, it-tindif u konsolidazzjoni tar-rovini, il-bdil tal-Mużew tal-Folklor f’dar tal-periodu, l-istallazzjoni ta’ diversi liftijiet, ir-rikostruzzjoni tat-triqat, passaġġi u l-Pjazza tal-Katidral, xogħlijiet fuq dar fit-Telgħa tal-Belt biex isservi ta’ blokk amministrattiv, xogħlijiet ta’ tisbiħ u rinovar taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċittadella, diversi xogħlijiet ta’ ħadid, azzar u injam u l-istallazzjoni ta’ sinjali u tabelli ta’ informazzjoni. Matul it-twettiq tax-xogħlijiet li saru kollha taħt is-superviżjoni kontinwa ta’ arkeoloġisti, instabu bosta fdalijiet ta’ importanza arkeoloġika u storika li ġew integrati fil-proġett. Illum ix-xogħol huwa kważi kollu lest ħlief għal xogħlijiet ta’ tisbieħ li għaddejjin fid-daħla taċ-Ċittadella li mistennija li jkunu lesti dalwaqt.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġetti ta’ Eko-Għawdex li saru minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Qiegħed ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proġetti u inizzjattivi li saru minn Marzu 2013 sal-lum huma skont it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jelabora dwar il-pjanijiet li l-Ministeru għandu għal Gozo Museum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-pjan illi l-Ministeru għal Għawdex għandu fir-rigward tal-Gozo Museum hu li joħloq mużew b’kunċett innovattiv għal Għawdex. Il-proġett jikkonsisti fit-twettiq ta’ mużew reġjonali li għall-ewwel darba ser jgħaqqad diversi suġġetti flimkien, fosthom l-arkeoloġija, il-folklor, l-istorja naturali u l-arti viżiva f’esperjenza ġdida u unika għal kull min iżuru.
Ix-Xagħra – 8th September Avenue u Misraħ il-Vitorja — embellishment
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-embellishment qawwi li qed iwettaq il-Ministeru għal Għawdex f’Misraħ il-Vitorja u 8th September Avenue, fix-Xagħra?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li bħalissa għaddej xogħol ta’ pavimentar ġewwa l-pjazza. Kif jitlesta dan ix- xogħol jingħata l -asfalt fil-bqija tal-pjazza.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett fi Triq is-Sannat, is-Sannat?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma qiegħda tipprepara d-disinn għas-servizzi ġodda. Kif jitlestew, joħorġu s-sejħiet għall-offerti.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20478 dwar xogħlijiet li qed jitwettqu mill-Ministeru għal Għawdex, jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub fil-mistoqsija msemmija, billi jien mhux f'pożizzjoni li nindika x-xogħol li qed isir, ġaladarba jien ma nafx liema huma x-xogħlijiet li l-Ministru talabni nispeċifika fir-risposta għall-mistoqsija oriġinali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija elenkata fit-tabella hawn annessa u li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24699, 24453, 24163 u jgħid min kienu l-konsulenti, part-time jew full-time, li l-Ministeru tiegħu kellu fl-2013, fl-2014, fl-2015 u fl-2016 s’issa?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
(Korrezzjoni: Ara Dokument Numru 7039 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn, 2 ta' Mejju 2016 f'Seduta 383)