Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tas-Sliema — Triq Rudolph

Question

Għan-nom ta' residenti fi Triq Rudolph f'Tas-Sliema, tista' il-pulizija tieħu passi fil-każ ta' store li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kull meta irriżulta li seta' kien hemm xi ksur tal-liġi fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija dejjem ħadet passi quddiem il-Qorti. Fil-fatt sid il-post tressaq diversi drabi quddiem il-Qorti. Fil-preżent m'hemmx il-proċeduri kriminali pendenti quddiem il-Qorti għajr waħda li nbdiet din is-sena.

Warrant ta' Avukat — Eżami

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-eżami għall-warrant ta' avukat ser isir fid-29 ta' Diċembru 2004? Jekk fl-affermattiv, għaliex ser isir qabel id-data tas-soltu, jiġifieri f'Marzu? Jekk fin-negattiv, meta ser isir l-eżami li jmiss?

Response (BORG, TONIO)

L-eżami għall-warrant ta' avukat hu maqsum f'żewġ sessjonijiet, jiġifieri eżami bil-miktub u ieħor orali. Dawn iż-żewġ partijiet isiru f'dati differenti. Ġiet iffissata d-data tad-29 ta' Diċembru għall-parti miktuba ta' l-eżami. Ma hemm ebda raġuni partikolari l-għala ser issir f'dik il-ġurnata u mhux xi oħra.

Qrati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara l-każ - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - ta' residenti li joqogħdu biswit dan il-post li minnu ħerġin ħsejjes esaġerati, tant li r-residenti ma jistgħux jgħixu iżjed bil-kwiet? Hemm lok li l-pulizija twaqqaf dawn il-ħsejjes? Huwa ġust li każ quddiem il-qorti mill-1997 idum daqshekk?

Response (BORG, TONIO)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8483 f'din l-istess Seduta.

Ħruġ ta' Visa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dewmien fil-ħruġ tal-visa għall-persuna li l-applikazzjoni tagħha hija C1056259 wara li kien hemm rakkmandazzjoni pożittiva internament fil-korp tal-pulizija u wara li n-namrat tagħha, li huwa Malti, qed jassumi r-responsabbilta' finanzjarja u ċivili waqt iż-żjara tagħha f'pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bħal ma diġa' ġie infurmat l-Onorevoli Membru, l-applikazzjoni msemmija minnu ġiet miċħuda.

Stabbilimenti — Permessi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8500 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'permessi għandhom l-istabilimenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament? X'restrizzjonijiet hemm fuq ħinijiet u livelli ta' storbju bħal public address system?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozji li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Periti — Inkjesti maġisterjali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8012 u cioe' in vista ta' dak li ntqal fil-gazzetti, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'inkjesti maġisterjali lill-periti kemm legali u oħrajn, fl-ewwel tmien xhur tas-sena kurrenti, kif ukoll min kienu dawn il-periti, kull wieħed kemm irċieva ħlasijiet u minn liema maġsitrat ġew nominati? Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti l-kumplament tat-tagħrif mitlub?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kumplament tat-tagħrif għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8012 mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ta' Qali — Model aircraft

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'liema titlu qegħdin il-model aircraft f'Ta' Qali? Dawn huma f'xi assoċjazzjoni? Għandhom xi tip ta' insurance? Jekk iva, anke jekk dawn jaqgħu fuq art ħaddieħor?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment ta' l-Artijiet illi, l-Model Aircraft Association għandhom il-kirja ta' sittax-il sena għal biċċa art f'Ta' Qali li ingħatatilhom permezz ta' Risoluzzjoni Speċjali fil-Parlament li ġiet approvata fit-28 ta' Mejju 2002 (Seduta Parlamentari Nru. 281). L-Assoċjazzjoni għandha l-obbligu illi tkun affiljata mal-Assoċjazzjoni jew Federazzjoni Nazzjonali kif ukoll li tkun irreġistrata mal-Kunsill Malti għall-Isport. L-Assoċjazzjoni għandha ukoll l-obbligu illi tagħmel polza ta' assigurazzjoni fuq il-proprjeta' mikrija, pero' m'għandha ebda obbligu li tagħmel polza ta' assigurazzjoni fuq ħsara li tista' tiġi ikkaġunata minn xi model aircraft fuq proprjeta' tat-terzi. Infurmat ukoll illi skond il-Pulizija hemm ukoll permessi maħruġa mid-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili kif ukoll mill-Wireless Telegraphy Department. Għal aktar tagħrif dwar dawn, ġentilment nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi lill-Ministru ikkonċernat.

Kunsilli lokali — Segretarji esekuttivi tal-kunsill

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm il-kunsilliera kollha, ad eċċezzjoni ta' wieħed, tal-kunsill ta' l-Imsida qegħdin jilmentaw u joġġezzjonaw għas-segretarji esekuttivi tal-kunsill, din xorta waħda qegħda tiġi mposta fuqhom?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta. Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita'.

Bormla — Garages tal-Gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li ssir xi ħaġa sabiex titneħħa l-intiena li hemm f'żewġ garages tal-gvern fi blokk 5, Triq San Pawl, Bormla?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li kien hemm xi rapporti rigward dan lit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Ser issir spezzjoni sabiex jiġi stabbilit x'qiegħed jikkaġuna dan l-inkonvenjent ħalli tittieħed l-azzjoni li hemm bżonn.

Uffiċċju Konġunt — Liġijiet tal-kera

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika f'liema stadju wasal il-proċess ta' aġġornament tal-liġijiet tal-kera?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Onor. Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali li qegħda tippromwovi l-proċess ta' aġġornament tal-liġijiet tal-kera.

Qrati — Imħallfin u maġistrati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika kemm jitħallsu u x'allowances għandhom l-imħallfin u l-maġistrati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej:- Prim Imħallef Lm Imħallef Lm Maġistrat Lm Salarju Bażiku 15,513 13,431 11,416 Allowance annwali li ma tgħoddx għall-pensjoni 3,500 3,500 3,500 15% allowance ta’salarju bażiku u allowance annwali 2,327 2,015 1,712 Expense Allowance 750 250 250 TOTAL 22,090 19,196 16,878 Il-Membri tal-Ġudikatura jgawdu wkoll minn: (a) Linja fissa tat-telefon fir-residenza tagħhom – kera u sejħiet (b) Servizz ta’ karozza bid-driver is-sena kollha għal qadi uffiċjali (c) Użu ta’ kompjuter, printer, fax machine fir-residenza (d) Tliet gazzetti lokali, ta’ l-għażla tagħhom kuljum (e) Fuel allowance ta' Lm1,000, Lm750 u Lm750 rispettivament (f) Użu ta' telefon ċellulari, bla limitu fil-każ tal-Prim Imħallef u sa Lm350 għall-Imħallfin u l-Maġistrati

Qrati — Barranin mressqa l-Qorti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu barranin il-qorti din is-sena? Minn fejn kienu? X'kien ir-reat li tiegħu tressqu l-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena, il-Pulizija ressqet 265 persuna ta' nazzjonalita' barranija quddiem il-Qorti, minn dawn il-pajjiżi: Alġerija, Awstralja, Bulgarija, Ċina, Danimarka, Eġittu, Fillipini, Franza, Ġermanja, Ingilterra, Iraq, Italja, Ġordan, Lebanon, Libja, Marokk, Niġerja, Norveġja, Olanda, Pakistan, Repubblika Ċeka, Russja, Rumanija, Serbja, Somalja, Spanja, Stati Uniti, Sudan, Sirja, Turkija, Tuneżija, Ukrajna u Jugoslavja. L-akkużi kienu jinkludu serq, offiża fuq il-persuna, omiċidju, frodi u falsifikazzjoni, pussess/traffikar ta' droga, theddid u inġurji, reżistenza fuq uffiċjali pubbliċi, ħsara volontarja, offiżi sesswali, kontravenzjonijiet tat-traffiku u ksur tal-liġi ta' l-Immigrazzjoni.

Dipartiment ta' l-artijiet — Applikazzjoni għal biċċa art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslet it-talba li għamel il-persuna - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, quddiem id-dipartiment ta' l-artijiet biex jakkwista biċċa art żgħira biex isebbaħ l-ambjent?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern fil-futur qarib ser toħroġ sejħa għal offerti għall-kiri tal-biċċa art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant.

Pulizija — Imġarr - Għassa tal-Pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-għassa ta' l-Imġarr Malta hija magħluqa? Jista' jara li din terġa' tinfetaħ mill-ġdid ħalli l-komunita' ta' l-Imġarr ma jkollhiex aktar l-għassa tal-lokal magħluqa? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kemm jista' jkun l-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant tkun miftuħa. Madankollu, ikun hemm drabi fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-Pulizija li jkun għassa li joħroġ fuq xogħol x'imkien ieħor, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq għal dak il-ħin.