Jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, jagħti ħjiel meta se jiġu implimentati mill-public service commission is-sentenzi maqtugħa mit-Tribunal ta’ l-Inġustizzji għar-rigward ta’ l-impjegati tal-qrati tal-ġustizzja li ngħataw rimedji għall-inġustizzji li sofrew fuq il-post tax-xogħol ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi kien hemm żewġ każijiet dwar impjegati tal-Qorti li ġew deċiżi mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji u li ġew irriferuti lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma ġewx implimentati minħabba li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ma ħassitx li hija f’pożizzjoni li tirrakkomanda l-ħatriet proposti mit-Tribunal.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu kkalkulat li se tkun il-kontribuzzjoni finanzjarja ta' Malta lill-Unjoni Ewropea matul is-snin 2004, 2005 u 2006?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħall-pajjiżi l-oħra membri ta’ l-Unjoni Ewropea, Malta se tikkontribwixxi sehemha lejn il-budget ta’ l-Unjoni u se tieħu lura wkoll fondi mill-istess budget għal diversi inizjattivi. Ir-riżultat se jkun li Malta se ddaħħal mill-Unjoni aktar milli se toħroġ kif se ngħid:
Sena
Kontribuzzjoni minn Malta
(Lm)
Kontribuzzjoni għal Malta
(Lm)
Bilanċ favur Malta
(miljuni)
(Lm)
2004
18.33
61.38
43.05
2005
27.50
45.84
18.34
2006
27.91
47.50
19.59
Total
73.74
154.72
80.98
Transitional Facility
-
7.625
7.625
Solidarity Fund
-
0.400
0.400
73.74
162.745
89.005
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5402 u cioe' jista' jgħid x'inhu kkalkulat li se tkun il-kontribuzzjoni finanzjarja ta' Malta lill-Unjoni Ewropea matul is-snin 2004, 2005 u 2006?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 5402.
X' pożizzjoni se jieħu l-Gvern Malti u l-Ministeru tal-Finanzi fil-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi fejn hemm proposta mill-Kummisjoni Ewropea li tiddaħħal it-taxxa tal-VAT fuq is-servizzi postali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea li tiddaħħal il-VAT fuq is-servizzi postali hija li tinżamm il-pożizzjoni preżenti, jiġifieri eżenti mingħajr kreditu.
Billi skond l-istandards taċ-CIMU il-hardware projects ta' l-IT tal-gvern jistipulaw illi jridu jkunu bbażati fuq intel-based kits, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex beħsiebu jagħmel kif għamil il-Gvern Franċiż u jneħħi din il-kondizzjoni ħalli jevita anti-trust action min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea billi l-UE hija kontra kuntratti li jispeċifikaw li proġetti ta' l-IT għandhom ikunu speċifikament iddisinjati b'intel processors?
Jikkonferma l-Prim Ministru illi l-UE wissiet lill-gvernijiet nazzjonali membri li għandhom jiftħu l-kuntratti ta' l-IT hardwareibbażati fuq chips minn suppliers oħrajn jew inkella jirriskjaw li jieħdu azzjoni bil-qorti kontrihom? Il-Gvern Malti ġie mwissi f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-istandards taċ-CIMU normalment jiġu riveduti kull tliet xhur. Jekk ikun hemm bżonn l-istandards jistgħu jiġu riveduti qabel dan il-perjodu.
CIMU diġà qed jara x’implikazzjoni jista’ jkun hemm bi tneħħija ta’ l-istandard dwar l-intel fejn tidħol kompatibilità ma’ sistemi eżistenti.
Ma jirriżultax li saret xi twissija lill-Gvern Malti dwar dan is-suġġett.
Fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann — Direct orders
Question
No question text.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Amministrazzjoni tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann intalbet tgħaddi l-informazzjoni lil dan l-Ministeru u tweġiba tingħata malli din l-informazzjoni tkun inġabret.
Fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann — Direct orders
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huma d-direct orders u x'kien il-valur tagħhom li ngħataw mill-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann? Min jawtorizza l-ħlasijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Amministrazzjoni tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann intalbet tgħaddi l-informazzjoni lil dan l-Ministeru u tweġiba tingħata malli din l-informazzjoni tkun inġabret.
Fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann — Ħaddiema
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kif intgħażlu l-ħaddiema mill-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann li jdawru t-turisti? Kif intgħażlu l-periti u l-konsulenti l-oħra? Qatt saret sejħa pubblika qabel ma saret l-għażla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Amministrazzjoni tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann intalbet tgħaddi l-informazzjoni lil dan il-Ministeru u tweġiba tingħata malli din l-informazzjoni tkun inġabret.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kellha dħul il-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann minn meta twaqqfet sal-lum? Kemm hu d-dħul tal-fondazzjoni mill-kirjiet tal-ħwienet li hemm fil-blokk? Kif intużat l-għotja ta' Lm300,000 li saret mill-gvern lill-korporazzjoni? Min jivverifika l-kotba ta' l-accounts tal-fondazzjoni? Dawn isiru indipendentement minn dawk tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Amministrazzjoni tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann intalbet tgħaddi l-informazzjoni lil dan il-Ministeru u tweġiba tingħata malli din l-informazzjoni tkun inġabret.
Palazz tal-President — Irħama tifkira tad-dħul ta' Malta fl-UE
Question
Jista' il-Prim Ministru jara li titwaħħal irħama mal-faċċata tal-Palazz biex bħall-avvenimenti l-oħra ewlenin ta' pajjiżna, titfakkar il-kisba ta' dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea mill-poplu tagħna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li naqbel mas-suġġeriment li ssir tifkira ta’ din il-ġrajja storika. Biss, din id-deċiżjoni m’għandhiex tkun limitata biss għall-faċċata tal-Palazz kemm fid-dawl tan-numru ta’ irħam ġa mwaħħlin mal-faċċata kif ukoll għall-effett li jista’ ikun hemm fuq l-estetika ta’ dan il-post storiku.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5428, jista' il-Prim Ministru jikkjarifika jekk Malta hijiex se tirrifondi t-taxxa mħallsa f'ras il-għajn 100% jew jekk hijiex se tirrifondi biss il-75% li se tirċievi mill-awtoritajiet ta' Jersey li f'dan il-każ ikun ifisser li l-awtoritajiet Maltin jkunu qegħdin jiffinanzjaw l-amministrazzjoni ta' din il-witholding tax?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bl-istess mod kif japplika fil-każ tal-Bejġju, l-Awstrija u l-Lussemburgu taħt is-Savings Directive, fil-ftehim ma’ Jersey hu propost li Malta trid tagħti kreditu tal-witholding tax kollha li tkun inżammet minn paying agent f’Jersey kontra t-taxxa ta’ Malta li tkun tinkludi t-taxxa fuq l-ammont gross ta’ interessi li fuqu tkun inżammet il-witholding tax f’Jersey u li ndividwu residenti ta’ Malta jiddikjara fil-prospett annwali tat-taxxa tiegħu. Ir-rata tat-taxxa ta’ Malta tista’ titla sa massimu ta’ 35% waqt li l-witholding tax li ser timponi Jersey għall-ewwel tlett snin matul il-perjodu ta’ transizzjoni hi ta’ 15%, ta’ 20% għat-tlett snin ta’ wara u mbagħad ta’ 35% sat-tmiem tal-perijodu ta’ transizzjoni. Hu biss fil-każ fejn il-kreditu jkun iżjed mit-taxxa imposta minn Malta, li l-ammont ta’ l-eċċess ikun irid jiġi rifondut.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5574 u cioe' billi skond l-istandards taċ-CIMU il-hardware projects ta' l-IT tal-gvern jistipulaw illi jridu jkunu bbażati fuq intel-based kits, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex beħsiebu jagħmel kif għamil il-Gvern Franċiż u jneħħi din il-kondizzjoni ħalli jevita anti-trust action min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea billi l-UE hija kontra kuntratti li jispeċifikaw li proġetti ta' l-IT għandhom ikunu speċifikament iddisinjati b'intel processors?
Jikkonferma l-Prim Ministru illi l-UE wissiet lill-gvernijiet nazzjonali membri li għandhom jiftħu l-kuntratti ta' l-IT hardwareibbażati fuq chips minn suppliers oħrajn jew inkella jirriskjaw li jieħdu azzjoni bil-qorti kontrihom? Il-Gvern Malti ġie mwissi f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt bi tweġiba għall-mistoqsija numru 5574.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5455 u cioe' fid-dawl tal-fatt li Malta għandha l-ogħla company tax rate fost il-pajjiżi kollha li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea b'seħħ mill-1 ta' Mejju ta' din is-sena, ma jaħsibx il-gvern li din il-problema għandha tiġi ndirizzata b'sens qawwi ta' prijorita' billi dan jista' ikompli jgerrex l-FDI, il-foreign direct investment, minn pajjiżna? Din l-istatistika tinsab ikkonfermata minn studju li ppubblikaw ERNST & YOUNG is-sena li għaddiet.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għal dik li hi taxxa diretta, Malta topera l-hekk imsejħa full imputation system u ma timponix iżjed taxxa meta profitti ta’ kumpanija jiġu mqassma permezz ta’ dividendi lill-azzjonisti tagħha. Imma hawn ħafna pajjiżi, fosthom anki dawk li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea b’seħħ mill-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena, li għandhom il-corporation tax, li hi taxxa fuq il-profitti ta’ Kumpanija li mhix rifuża meta l-profitti jkunu distribwiti u jimponu taxxa oħra fuq l-income net li jiġi mqassam lill-azzjonist.
L-Onorevoli Interpellant jifhem li f’dan il-qasam kemmxejn kumpless fejn kull pajjiż għandu sistemi ta’ tassazzjoni distinti u għaldaqstant paraguni bbażati sempliċement fuq rati ta’ taxi jistgħu jwasslu għal konklużżjonijiet errati.
DIPARTIMENT TAT-TAXXI INTERNI — AĠEVOLAZZJONI FIT-TAXXA
Question
Jista’ il-Prim Ministru jgħid mis-sena 2002 sal-lum separatament, kemm kien l-ammont ta’ għajnuna li ngħatat mid-dipartiment tat-taxxi interni f' forma ta’ aġevolazzjoni fit-taxxa għax jibagħtu lil uliedhom fi skejjel privati? Jista’ jgħid ukoll min kien u għadu jikkwalifika għal din l-aġevolazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ammont ta’ tnaqqis għas-sena 2002 kien ta’ Lm1,081,820. L-informazzjoni għas-sena 2003 tkun magħrufa meta l-formoli tat-taxxa għal din is-sena jkunu pproċessati. Individwi li għandhom uliedhom jattendu skola primarja jew sekondarja privata jikkwalifikaw għal dan it-tnaqqis.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jipproponi l-1 ta' Mejju (meta Malta saret membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea) bħalha jum nazzjonali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Idejalment, għandha ssir diskussjoni dwar il-possibilità ta’ qbil dwar Jum Nazzjonali wieħed. Il-Gvern hu lest jiddiskuti dan is-suġġett ma’ l-Oppożizzjoni jekk hemm id-dispożizzjoni min-naħa tagħha.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5174 u cioe' jista' jgħid kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus tal-fuel li nefaq il-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu fl-ewwel tlett xhur tas-sena?
Kemm hu l-ammont li tħallas minn din iċ-ċifra?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu tas-sena 2003 rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt bi tweġiba għall-mistoqsija numru 5174.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'ġustifikazzjoni kien hemm il-għala xiri ta' computers li jġibu r-riferenza ta' Q000008 ingħata lil min ittenderja t-tieni l-ogħla valur mill-bidders l-oħrajn? Kemm mit-tenderers l-oħrajn kienu to specifications jew le?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-għażla tax-xiri ta’ computers b’referenza Q000008 ittieħdet wara li ġew ikkunsidrati numru ta’ kriterji li kienu essenzjali fid-deċiżjoni finali.
Dawn il-kriterji kienu:
- l-aħjar kwalita ta’ sistema ibbażata wkoll fuq l-esperjenza akkwistata tal-mudell partikolari;
- li l-ikkunsinna tal-computers issir fi żmien stipulat;
- prova ta’ commitment u serjetà tad-ditta billi tagħti garanzija fuq il-computers aktar miż-żmien mitlub;
- l-għażla tkun ibbażata fuq l-aħjar valur aktar milli l-irħas offerta.
Fuq dawn il-kriterji msemmija hawn fuq, kien hemm ditta waħda li kienet to specification.
Jista' il-Prim Ministru jinformani kemm kienet in-nefqa tal-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu għall-kiri ta' photocopiers u apparat teknoloġiku ieħor matul l-ewwel erbgħa xhur tas-sena? Kemm kienet iċ-ċifra in kwestjoni għall-perjodu tas-sena 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tagħrif għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’seduta oħra.
Billi għadha kif ħarġet sejħa għat-tenders għall-ħames personal computers ftit jiem biss wara li ġew allokati ħames computers lill-supplier lokali u billi fiż-żewġ każi l-ammont involut ma jaqbiżx l-Lm2,500, ma jaħsibx il-Prim Ministru li dan seta' sar biex ordni tinqasam fi tnejn u b'hekk ma jkunx hemm bżonn li d-dipartiment joqgħod jirrikorri għad-dipartiment tal-kuntratti biex jagħmel dan l-e-procurement?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ma ħarġet l-ebda sejħa għat-Tenders għax-xiri ta’ computers.
Madanakollu, jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-quotations li ħarġu riċentament, ninsab infurmat li dan l-Uffiċċju kien ilu li rċieva mingħand cost centre talba għax-xiri ta’ computers. Madanakollu, kien inħass il-bżonn li dan ix-xiri isir bis-sistema l-ġdida ta’ l-e-procurement, liema sistema bdiet taħdem mill-15 ta’ April 2004.
Fir-rigward tat-tieni sejħa, dan l-Uffiċċju kien irċieva talba oħra mingħand cost centre ieħor wara li kienet ħarġet l-ewwel sejħa.
Għaldaqstant, mhux minnu li dan l-Uffiċċju qasam dan ix-xiri f’żewġ ordnijiet sabiex jevita li jirrikorri għand id-dipartiment tal-kuntratti.