Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm lill-pulizija milli tirrilaxxja l-makna diesel Perkins (model Pharser) li ddaħħlet reglorament fuq il-vapur Lipa, nhar il-24 ta' Jannar, 1999 bil-bill of lading numru LON/MLA/005?
Jista' l-Ministru jindaga għaliex hemm kollox regolari u xorta waħda l-pulizija qed tgħid li hemm "sinjali ta' double punching"?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-magna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ma ġietx rilaxxata minħabba li fiha double punching tan-numru u għaldaqstant, skond kif hija l-proċedura stabbilita, ma tistax tiġi rilaxxata.
27.09.99
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 9250, jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-vettura bin-numru ta' reġistrazzjoni JAB 342 kenitx waħda mill-vetturi rmonkati minn Marfa Rd, Mellieħa?
Jista' l-Ministru jgħid: kemm huma dawk l-uffiċjali tal-pulizija li ġew promossi għal grad ta' surġent; liema huma s-sezzjonijiet li ntbagħtu fihom dawn is-surġenti; x'kien l-ordni ta' mertu ta' kull surġent f'dawn is-sezzjonijet?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-promozzjonijiet għall-Surġenti li ngħataw fit-13 ta' Lulju, 1999, ninsab infurmat li kien hemm 28 Kuntistabbli li ġew promossi. Dwar it-tieni u t-tielet parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
27.09.99
Possibbli l-Ministru jinvestiga rapporti li waslu għandi li diskoteka ewlenija fin-niżla tax-Xlendi estendiet il-bini fuq art pubblika fl-istess wied tax-Xlendi?
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar irċevitx rapport dwar dan l-abbuż?
Jekk iva, għamlet l-investigazzjonijiet neċessarji u saret site inspection?
X'passi ttieħdu jew qed jittieħdu jew se jittieħdu jekk dan l-abbuż jiġi konfermat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta' l-Ippjanar irċeviet rapporti dwar żvilupp illegali fuq is-sit indikat mill-Onor. Interpellant. Wara diversi spezzjonijiet li saru tul dawn l-aħħar snin irriżulta li s-sidien tal-kumpless inkwestjoni huma responsabbli għal diversi illegalitajiet fuq is-sit u nħareġ Enforcement Notice (Avviż 503/97) skond l-Att I ta' l-1992 dwar l-iżvilupp. Dan l-Avviz ikopri l-izvilupp illegali ta' Pizzerija, mħażen taħt l-art, pjattaforma u bar fil-livell t'isfel tal-wied u llegalitajiet oħra. Qed isiru l-arranġamenti sabiex jiġu organizzati r-riżorsi neċessarji biex dan l-iżvilupp illegali jitneħħa mill-Awtorita` kemm il-darba s-sid jonqos li jneħħieh huwa stess. Irid jingħad li oltre dawn l-illegalitajiet indikati hemm illegalitajiet oħra fejn huwa diffiċli għal-Awtorita` li tintervjeni direttament minħabba li l-istess illegalitajiet jagħmlu parti minn u/jew fuqhom jeżisti żvilupp kopert minn permess jew permessi maħruġa skond il-liġi. F'dan ir-rigward qed jiġi analizzat x'passi oħra jistgħu jittieħdu, skond il-liġi, mill-Awtorita` sabiex is-sidien jottemporaw ruhom mal-liġi.
27.09.99
Jista' l-Ministru jgħid meta l-postijiet b'ċens tal-Knisja (Joint Officer) se jinbiegħu, u dan speċifikament għal dawk li għandhom postijiet li ma joqogħdux fihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nħatar kumitat sabiex jagħtini pariri dwar skemi ġodda li jinkludu dawk il-każijiet li saret referenza għalihom fil-Mistoqsija.
27.09.99
Jista' l-Ministru responsabbli mil-Lands Department jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separtament, u li għandha file bin-numru 392/95/16 tingħata l-kumpens taħt il-Land Reg. Ord. wara li twaqqa' l-post 93, Triq San Gwann, Bormla?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li r-riċerki li qegħdin isiru mid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex jiġi stabbilit definittivament min huma l-propretarji tal-fond in kwestjoni, waslu biex jiġu finalizzati. Eventwalment, il-prorjetarji jiġu notifikati bl-avviż ta' ftehim (Notice to Treat) li jinfurmahom bil-kumpens offrut għall-esproprijazzjoni tal-fond.
27.09.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-billboards tal-Partit Nazzjonalista li ġew mpoġġija f'diversi postijiet f'Malta u li fuqhom twaħħal ir-reklam dwar l-aħbarijiet ta' Net TV għandhomx il-permessi meħtieġa ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u tad-Dipartiment tal-Artijiet? Jekk jirriżulta li għandhom il-permess meħtieġa, meta nħarġu? Jekk m'għandhomx permessi, x'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ħadet passi kontra l-billboards korrentament eżistenti madwar il-pajjiż u mhux limitatament dawk indikati fil-Mistoqsija. Sidien u/jew organizzazzjonijiet responsabbli ta' dawn il-billboards, inkluż dawk imsemmija ġew avżati sabiex ineħħu. Uħud diġa` neħħew, fosthom dawk indikati, u oħrajn għadhom qed jitneħħew. Fin-nuqqas, l-Awtorita` diġa` għamlet l-arranġamenti neċessarji biex tneħħi l-kumplament, liema azzjoni mistennija tittieħed minn ħin għall-ieħor.
Jista' l-Minsitru jgħid x'inhi r-raġuni li membri tar-Revenue Security Corps Għawdxin ġew trasferiti għal Malta?
Jista' jgħid kemm jammontaw dawn f'numru?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni b'pussess tad-droga fir-Rave Party li ġie organizzat nhar il-Ħadd 27 ta' Ġunju, 1999 fil-Kalkara?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' droga maqbuda u xi kwalita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-party li rrefera għaliħ l-Onor. Interpellant 4 persuni ġew miżmuma mill-Pulizija li elevat wkoll 8 pilloli estacy, 2 biċċiet raża tal-cannabis u sachet bil-kokaina.
Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-organizzaturi tar-Rave Party li sar il-Ħadd 27 ta' Ġunju, 1999 fil-Kalkara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-permess tal-Pulizija sabiex jinżamm party fid-data u l-post li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant inħareġ f'isem Massimo Lovegrove.
Kif diġa` għidt kemm -il darba ma jeżistix fil-liġi permess speċjali għal 'rave' party, u għalhekk din ir-risposta qed tingħata mingħajr ma qed jingħad li l-party in kwestjoni kienx 'rave' jew le.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' armi reġistrati f'Malta? Kemm kienu reġistrati fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' liema huma l-armi u kemm hemm reġistrati f'kull kategorija?
Jista' l-Ministru jgħid jekk minbarra l-forzi ta' l-ordni hemmx xi nies li għandhom permess jġorru l-armi? Għaliex jingħata dan il-permess u fuq liema kondizzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena ġew reġistrati mal-Pulizija 1,172 arma. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi t-tipi u l-ammont ta' armi tan-nar reġistrati sal-lum.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li fil-preżent m'hawn ħadd li għandu liċenzja sabiex iġorr arma tan-nar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'refurbishment u f'għamara ġdida fl-uffiċċju tal-Ministeru u f'tad-Diretturi jew Chairmen li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-ammont li ntefaq fil-perijodu msemmi fil-Mistoqsija f'refurbishment u f'għamara ġdida fl-uffiċini tal-Ministeru u f'tad-Diretturi jew Chairmen li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' l-Intern, kien kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dipartiment ta' l-Artijiet — Ħal-Safi - Siti ta' natura storika
Question
In vista ta' l-aħħar tweġiba għall-mistoqsija parlamentari fuq dan is-suġġett, jista' l-Ministru issa jinforma lill-Kamra kemm hemm siti fir-raħal ta' Ħal Safi ta' natura storika li qegħdin f'idejn jew il-Lands Department jew il-Joint Office li huma jew mogħtija għal kirjiet u ċnus jew huma f'idejn l-imsemmija dipartimenti?
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' reġistrazzjoni ta' kull vettura li ġiet irmonkata minn Marfa Road, Mellieħa kif imsemmi fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 8941?
Response (BORG, TONIO)
Ma narax li għandi nagħti dawn id-dettalji, anki in vista tal-fatt li jsiru mijiet ta' towing ta' vetturi kull xahar.
Naturalment jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq xi nformazzjoni partikolari dwar xi każ speċifiku, inkun nista` ngħaddi minnufih din l-informazzjoni.
Possibbli l-Awtorita'ta' l-Ippjanar jew il-Pulizja tieħu passi biex jingħalqu l-aperturi li hemm miftuħa f'bini li qed jinbena u li jinfed għal Main Street, Żejtun? Billi f'dan il-post minn dawn l-aperturi ta' sikwiet qed jidħlu għadd ta' żgħażagħ li mbagħad jaqbżu fuq il-bjut tan-nies, possibbli l-awtoritajiet kompetenti jieħdu passi biex dan l-abbuż għall-ġirien jinqata' darba għal dejjem?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond l-Att ta' l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp, m'hemm l-ebda azzjoni li tista` tittieħed min-naħa ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar.
Ninsab infurmat ukoll li l-Pulizija qed tagħmel stħarriġ biex tistabilixxi min hu s-sid tal-post li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, biex dan jingħalaq, u b'hekk jiġi evitat il-possibilita` ta' abbuż.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rave parties din is-sena u kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal oħrajn? Fejn se jsiru dawk pendenti u minn x'ħin se jibdew u x'ħin se jispiċċaw?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7995. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li hemm 4 applikazzjonijiet pendenti sabiex jinżammu parties barra minn post liċenzjat, mhux neċessarjament 'rave parties'.
Billi Malta ħadet sehem fl-isparar ta' l-air guns ġewwa Lichtenstein din is-sena u issa għandek sitwazzjoni fejn Maltin qed jirrappreżentaw lill-pajjiżna fi sport li hawn Malta huwa llegali, jista' l-Ministru jgħid meta l-Gvern beħsiebu jirranġa din l-anomalija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li nbeda l-proċess biex tiġi liċenzjata air-gun target shooting range. Dan hu l-ewwel pass meħtieġ biex il-posizzjoni f'dan ir-rigward tiġi regolarizzata.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jintużaw sabiex persuni barranin jingħataw permess għal xogħol f'pajjiżna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kriterji li minn dejjem intużaw fil-konsiderazzjoni ta' talbiet għall-ħruġ ta' liċenzji ta' impjieg lill-barranin huma jekk hawnx nies kwalifikati jew ħaddiema biżżejjed biex jagħmlu x-xogħol konċernat.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fuljett maħruġ mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' Expatriates dwar liċenzji ta' impjieg.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-work permit tal-coach li ttrenja lil żewġ tiraturi Maltin ta' l-airguns li ħadu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru dan l-aħħar, u kopja tal-work permit li ħareġ id-dipartiment konċernat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-Expatriates ma rċieva ebda talba għall-ħruġ ta' work permit li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant.