Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li mhumiex ċittadini tal-UE — Impjieg f'Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm nies barranin li mhux ċittadini ta' l-Unjoni Eropea li qed jaħdmu hawn Malta u anke jagħti dettalji pajjiż pajjiż?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija numru 6466.

Skejjel ta' l-istat — Studenti jixorbu energy drinks

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm skejjel primarji u sekondarji ta' l-istat matul is-sena skolastika li għadha kemm intemmet li taw lill-istudenti jixorbu energy drink flok il-ħalib? Għaliex? X'pariri ttieħdu jekk l-energy drink hix aħjar mill-ħalib għan-nutriment tat-tfal? Il-kumpannija li pprovdiet l-energy drink tat xi flus lill-iskejjel fejn it-tfal xorbuha?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Skejjel tas-sajf

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk meta xi grupp jew organizzazzjoni, li mhux skola liċenzjata, jorganizza skola tas-sajf, għandux l-ewwel japplika għal liċenzja biex topera bħala tali? Jekk fl-affermattiv, kemm kien hemm li applikaw biex joperaw fis-sajf li ġej?

Response (GALEA, LOUIS)

Nifhem li l-Onor. Membru qed jirreferi għal skejjel tas-Sajf privati. Għalkemm il-programmi ta' l-iskola sajf ma jifformawx parti mill-istess proċess ta' l-edukazzjoni obbligatorja, u allura t-tfal jintbagħtu fihom skond id-deskrizzjoni u l-għażla tal-ġenituri, l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni għandu interess isegwi l-iżvilupp ta' dawn il-prorammi biex naraw li l-programmi huma validi edukativament. Għalkemm s'issa dawn l-iskejjel mhux qed jiġu liċenzjati, ġie miftiehem mal-Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi li min irid jopera Skola Sajf privata, u jkun rikonoxxut mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, għandu jinforma lil dan il-Ministeru billi jimla formola apposta ta' reġistrazzjoni. Il-formoli jinsabu mill-uffiċju tal-Customer Care tal-Ministeru fil-Floriana . Ser issir ukoll stqarrija pubblika f'dan is-sens. Il-materja li fost oħrajn li qed jiġi diskussi fil-kuntest ta' tibdil fl-Att dwar l-Edukazzjoni.

Studenti universitarji — Summer work

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati studenti universitarji mill-Junior College jew MCAST bħala summer workers mal-ministeru jew aġenziji li jaqgħu taħtu dan is-sajf? Jista' jgħid kemm ġew ingaġġati?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva, madwar 150 studenti universitarji se jingħataw opportunita' ta' esperjenza ta' xogħol fis-sajf l-aktar fi skola sajf.

Universita' — Eżamijiet tal-MATSEC u tas-SEC

Question

Jista’ il-Ministru jara li wara li jkunu saru l-eżamijiet tal-MATSEC u SEC, il-karti ta' kull suġġett ikunu fuq il-website ta' l-Universita' jew fuq website apposta biex b' hekk għalliema jkunu jistgħu jaraw x' ikun ħareġ u dan speċjalment peress li hemm karti li l-istudenti jiktbu fuqhom u b'hekk ma jittieħdux id-dar? Għalkemm wara xi xhur dawn jiġu ppublikati fi ktejjeb għal kull suġġett, ma jaħsibx li jkun aħjar li jidhru fuq website b'mod immedjat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa l-Bord tal-Matsec jippubblika l-karti kollha ta' l-eżamijiet tas-Sec u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola mar-rapporti ta' l-eżaminaturi u jibgħat kopji fl-iskejjel u fil-libreriji pubbliċi tal-Belt, il-Floriana, Victoria u l-librerija ta' l-Universita'. Filwaqt li mhix il-prattika li l-karti jidhru fuq il-websiteperess li l-karti kollha jkunu ippublikati mill-Universita' u jitqassmu għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba, ser ngħaddi s-suġġeriment lill-grupp li qed jagħmel l-analiżi kritika fuq is-sistema tal-MATSEC għall-konsiderazzjoni tagħhom.

Universita' — Eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC

Question

Jista’ il-Ministru jgħid għaliex fl-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC tal-Letteratura Ingliża hemm kotba li jibqgħu bħala texts għall-eżami għal snin sħaħ? Jista’ jgħid kif jintgħazlu l-kotba għal dan is-suġġett? Ma jaħsibx li kotba bhal Lord of the Flies'ta Golding jew Dr. Jekyll u Mr. Hyde ta' R.L. Stevenson issa għadda zmienhom u jistgħu jinstabu kotba aktar moderni?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel tas-sajf

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x' kontroll jinżamm mid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni biex jiġi żgurat li l-iskejjel kollha li jorganizzaw skejjel fis-sajf jitmexxew kif suppost?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s'issa m'hemmx regolamenti dwar l-iskejjel tas-Sajf. L-għażla li jintbgħatu t-tfal fihom hija fid-diskrezzjoni tal-ġenituri. Il-MEPA tirregola u tinforza fuq kull binja fl-użu taghħa inklużi dawk skop edukattiv. L-iskejjel ta' l-Istat li jipprovdu Skola Sajf huma sorveljati mid-Dipartiment għas-Servizz ta' l-Istudent u Relazzjoni Internazzjonali tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. A.L.60 ta' l-1996 jirregola skejjel li jgħallmu l-Ingliż bħala lingwa barranija.

Settur tal-mainfattura — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm jimpjega nies is-settur tal-manifattura maqsum skond id-daqs (numru ta' impjegati 1-10, 10-50, 50 -100, 100 - 500 u 500 u aktar)?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalliex, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Arkivji u libreriji

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra meta se titwettaq ir-riforma fl-Arkivji u l-Libreriji msemmija minnu diversi drabi, fosthom kif rappurtat f'The Times, tat-3 ta' Awissu 1999, paġna 12, kif ukoll fid-diskors tal-President mit-Tron fil-bidu ta' din il-leġislatura?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-abbozzi ta' żewġ liġijiet diġa ġew diskussi fil-Kabinett u ntbagħtu lura għal rikonsiderazzjoni fuq numru ta' punti, beħsiebni nuża x-xhur tas-sajf biex ix-xogħol fuqhom mid-Dipartiment tal-Libreriji u l-Arkivji u l-Ministeru jitlesta biex jerġgħu jintbagħtu lill-Kabinet għall-konsiderazzjoni tiegħu.

Drama Unit

Question

Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent min qed imexxi d-Drama Unit? Jista' jgħid ukoll x'ħidma qed iwettaq dan l-istess unit? Kemm hemm persuni jaħdmu f'dan il-unit? Jista' jgħid ukoll x'inhi l-politika tal-gvern għad-Drama Unit?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna li qed tmexxi d-Drama Unit hija s-Sur John Suda, Uffiċjal Edukattiv fid-Dipartiment tal-Kurrikulu. Ilu jmexxi dan il-Unit għal dawn l-aħħar tmien snin. Id-Drama Unit ipproduċiet programmi teatrali fl-edukazzjoni bl-isem ta' Theatre in Education (T.I.E.). Tnejn minn dawn il-prorammi ttellgħu fl-iskejjel waqt ħames programmi oħra ttellgħu fiċ-Ċentru tad-Drama, l-Blata l-Bajda. Studenti mill-ewwel sena ta' l-iskola Primarja sa l-aħħar sena ta' l-iskola Sekondarja ġew milħuqa b'dawn il-programmi. Ipparteċipaw 'il fuq minn 20,000 tifel u tifla mill-Iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja w Indipendenti. Id-Drama Unit għenet ukoll fil-produzzjoni ta' l-Għoti tal-Premijiet ta' diversi skejjel ta' l-istat, sew Primarji kif ukoll Sekondarji. Il-Unit ħadem ukoll biex ipproduċa l-ewwel sillabu tad-Drama għall-iskejjel Primarji. Hemm 22 persuna jaħdmu fid-Drama Unit, inkluż l-Uffiċjal Edukattiv. Il-politika tal-Gvern dwar id-Drama Unit hija li l-ewwel jiġi mplimentat il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali speċjalment fl-aspett kreattiv, kritiku, soċjali u kulturali. Huwa maħsub ukoll li l-impatt li jħalli fl-iskejjel dan il-Unit jiżdied fis-sena skolastika li ġejja kif ukoll ikomplu ix-xogħol fuq Theatre in Education (T.I.E.). Barra minn hekk qed nikkonsidra proposti għal diskussjoni dwar kif l-aktar l-iskejjel speċjali tad-Drama, Arti u Mużika jaħdmu aħjar f'qafas ta' sinerġija.

Impjiegi

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi t-tieni u t-tielet mistoqsija ta' mistoqsija parlamentari 5510?

Response (GALEA, LOUIS)

L-uffiċċjal imsemmija fil-Mistoqsija ġiet ingaġġata fil-pożizzjoni ta' Uffiċjal Koordinatur fis-Segretarjat Privat tal-Ministeru b'kuntratt definit effettiv mill-1 ta' Jannar, 2004. Din l-uffiċjal hi gradwata fil-kommunikazzjoni minn Universita' tar-Renju Unit. Il-ħlas u l-benefiċċji huma dawk imsemmija fid-dokument "Engagement of Staff for Ministers' Secretariats" kif maħruġ fit-12 ta' Mejju, 2003.

Skejjel — Lezzjonijiet ta' l-edukazzjoni fiżika

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex sodisfatt bil-mod kif qed isiru l-lezzjonijiet ta' l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel primarji u sekondarji? Jista’ jgħid jekk dawn il-lezzjonijiet hux qed isiru kif suppost? Jista’ jgħid liema huma dawk l-iskejjel primarji u sekondarji li m'għandhomx faċilitajiet adegwati għal dawn il-lezzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul din is-sena skolastika id-Dipartiment tal-Kurrikulu ma' rċieva ebda ilment dwar il-mod kif qed isiru l-lezzjonijiet ta' l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel primarji u sekondarji. L-għalliema fil primarji qed jingħataw l-appoġġ ta' 21 għalliem peripatetiku li jżuru l-iskejjel u jagħtu lezzjonijiet skond skeda li titfassal fil-bidu tas-sena. Għalliema oħra ta' l-edukazzjoni fiżika huma Activity Teachers . Informat ukoll li din is-sena, id-Dipartiment tal-Kurrikulu ma' rċieva l-ebda tagħrif li f'xi skola primarja jew sekondarja m'għandhomx il-faċilitajiet adegwati għal dawn il-lezzjonijiet. Kien hemm ilment wieħed dwar il-wiċċ lixx tal-bitħa fi skola primarja. B'danakollu nemmen li hemm ħafna aktar x'isir biex it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna japprezzaw aħjar il-benefiċċju ta' l-edukazzjoni fiżika. Jiena qed nappoġġa lill-kunsill Malti għall-Sports fil-ħidma tiegħu biex ixettel l-imħabba għall-sports sa minn eta bikrija fit-tfal.

Skejjel — Għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm bħalissa għalliema ta' l-Edukazzjoni Fizika fl-iskejjel primarji u sekondarji separatament? Kemm minn dawn jgħallmu f'aktar minn skola waħda? Kemm huma nisa u kemm irġiel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskejjel primarji hemm 14 Activity Teacher ta' l-edukazzjoni fiżika li 12 minnhom huma rġiel u 2 nisa. Informat ukoll li fl-iskejjel sekondarji hemm 94 għalliem ta' l-edukazzjoni fiżika b' 51 huma rġiel u 43 huma nisa. Minn dawn hemm 4 li jgħallmu f'aktar minn skola waħda.

Tas-Sliema — Skema taż-żgħażagħ fil-kunsilli

Question

Jista' il-Ministru jinformani għaliex tħalla barra l-kunsill lokali ta' Tas-Sliema fl-iskema taż-żgħażagħ fil-kunsilli li twaqqfet ftit ilu? Hemm xi raġuni partikolari għal din, ġaladarba li din kienet indikata bħala parti minn programm tal-kunsill lokali ta' Tas-Sliema mill-2003?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-27 ta' Frar 2004, il-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ bagħat ittra lill-Kunsilli Lokali kollha ta' Malta u Għawdex, li fiha stedinhom jattendu laqgħa biex jittwaqqaf dan il-proġett. Il-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ baqa' jirċievi applikazzjonijiet mingħand dawk il-Kunsilli Lokali li kienu interessati li jieħdu sehem f'dan il-proġett pilota sas-7 ta' April 2004. Applikaw 11-il lokalita'. Ma jirriżultalix li l-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema kien fost dawk li applikaw.

Torċa Olimpika

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-torċa Olimpika hijiex ser tgħaddi minn Malta fi triqta lejn il-Greċja? Jekk iva meta ser tkun f'pajjiżna u jekk le għaliex pajjiżna ma ġiex inkluż fil-lista' ta' pajjiżi li minnhom ser tgħaddi it-torċa olimpika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma saritx stedina mill-Kumitat Olimpiku Malti biex it-torċa Olimpika iżżur Malta minħabba l-ispiża konsiderevoli involuta.

Ħal Luqa — Librerija reġjonali

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi miftuħa mill-ġdid il-librerija reġjonali ta' Ħal Luqa li ngħalqet fil-25 ta' Mejju 2004 minħabba x-xogħol ta' kostruzzjoni fl-iskola primarja tal-lokal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-librerija Reġjonali ta' Ħal Luqa topera mill-iskola primarja tal-Lokal fejn bħalissa qed isir xogħol ta' kostruzzjoni.

FTS — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-ħaddiema tal-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada kemm dawk full-time kif ukoll part-time? X'xogħol qed jagħmlu u kemm hu l-ħlas tagħhom? Jista' jgħid ukoll jekk għandhomx benefiċċji oħra? Jekk iva, x'inhuma dawn il-benefiċċji u min qed jibbenefika minnhom?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Birkirkara — Skola Vincenzo Borg Brared - suġġett tal-Home Economics

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-iskola Vincenzo Borg Brared ta' Birkirkara, is-suġġett tal-Home Economics qed jiġi mgħalleim mingħajr m'hu qed issir il-prattika iżda bit-teorija biss? Jaf li xi persuni mill-korporazzjoni għax-xogħol u taħriġ meta żaru din l-iskola kkummentaw fuq dan il-fatt u qalu li jista' ikun hemm konsegwenzi fuq il-futur tat-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li fil-bidu tas-sena skolastika beda xogħol fil-blokk li kien hemm fih laboratorji tat-teknoloġija, laboratorju tal-Home Economics u ieħor tal-Crafts. Fil-frattemp, il-lezzjonijiet kienu teoriċi biss. Kienu jsiru xi demostrazzjonijiet ħfief tal-Home Economics imma naturalment minħabba raġunijiet ta' saħħa u sigurta' qatt ma sar tisjijr fil-klassijiet. Biex l-istudenti ta' Form 5 għamlu l-Matsec tal-Home Economics, ġiet użata il-faċilita' tal-Junior Lyceum Imrieħel li ġentilment taw l-faċilita' tal-laboratorju tal-Home Economics tagħhom. Informat ukoll illi malli jitlesta x-xogħol f'dan il-blokk, il-qagħda tiġi għan-normal.

Skejjel — Tuck shops - bejgħ ta' prodotti

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4990 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilu u cioe'jista' jgħid kemm hemm operaturi ta' tuck shops, canteens, etc., fl-iskejjel li matul dawn l-aħħar ħames snin separatament nstab li kienu qed ibiegħu prodotti ta' l-ikel u xorb li ma kienux tajbin għat-tfal jew ma kienux skond l-ikel u xorb rakkomandat? X'passi ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-bejgħ ta' prodotti ta' ikel u xorb fit-tuckshops fl-iskejjel huwa regolat mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt għall-kiri tat-tuckshops. Il-Kapijiet ta' l-iskejjel huma fid-dmir li jirrapurtaw lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni xi nuqqasijiet li jista' jkun hemm fil-bejgħ ta' prodotti kif ukoll dwar iġjene.

Skejjel — Operaturi tat-tuck shops

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 4989, eżattament l-aħħar parti, li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' u cioe'fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika nstab xi ħadd li ma kienx qed jipprovdi ikel u xorb kif suppost fit-tuck shops ta' l-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat illi fl-ewwel term ta' din is-sena skolstika ma sar l-ebda rapport lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni illi xi ħadd mill-operaturi tat-tuckshops fl-iskejjel ta' l-istat ma kienx qed jipprovdi ikel u xorb kif suppost, cioe' kif stipulat fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt għall-kiri ta' tuckshops fi skejjel statali.