B'referenza għall-mistoqsija nru. 22243, jista' l-Ministru jgħid:
- jekk dan il-kandidat intagħżilx għall-post ta' administrative assistant?
- jekk dan il-kandidat huwiex parentela tar-Reġistratur ta' l-Universita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kandidat li minn rajħ ma' attendiex għall-intervisti li saru għall-promozzjoni ta' Administrative Assistant ovvjament ma ntagħżilx għall-post ta' Administrative Assistant. Hu ma għandu ebda parentela mar-Reġistratur.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema fil-pixxina nazzjonali minn Ottubru 1998 sal-lum?
X'inhu x-xogħol li qed jagħmlu?
Saret sejħa pubblika u kif ġew magħżula?
Jista' jgħid wkoll minn fejn huma dawn il-persuni?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari Nurmu 17820, 21597 u 21618.
Minn meta ingħataw dawn it-tweġibiet sal-lum ma kien hemm ebda ingaġġ jew tibdil fir-responsabilita` ta' l-impjegati.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 22884, jista' l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar dak li qal fit-tweġiba tiegħu?
Jista' jgħid wkoll kemm ipparteċipaw żgħażagħ li huma illitterati u bla snajja' jew inkella semi-skilled jew li għandhom livell ta' edukazzjoni medja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-programm Leonardo l-ewwel grupp hu maħsub li jmur fuq Mobility Project lejn April 2001. L-Onor. Membru jifhem li min hu illiterat u, allura, bla ebda taħriġ f'lingwi barranin, ikun diffiċli għalih li jibbenefika minn Mobility Projects. F'dan il-każ fejn hemm illiteriżmu u/jew nuqqas ta' ħila f'xi snajja qed jiġi propost proġett ma' l-ETC biex numru ta' ħaddiema bla xogħol jieħdu sehem fil-Mobility Project ta' Leonardo.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm xi kawżi pendenti jew claims pendenti mal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija li kien jaħdem fil-pixxina nazzjonali?
X'inhuma dawn il-kawżi jew claims pendenti fil-każ li r-risposta hija fil-pożittiv.
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-claim pendenti huwa ta' numru ta' siegħat ta' allegat overtime liema claim qed jiġi kkontestat mill-Bord tal-Pixxina Nazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid minn Ottubru 1998 sal-lum kemm ġew ikkummisjonati rapporti dwar l-oqsma taż-żgħażagħ u sport?
Fuqxiex kienu u min talabhom?
Min għamel dawn ir-rapporti u kemm tħallsu?
Jista' jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul il-perjodu Ottubru 1998 sal-lum ġew ppubblikati dawn ir-rapporti dwar żgħażagħ u sport:
KPMG Ltd
Rapport li jipprovdi proposti għall-iżvilupp tal-kumpless sportiv tal-Pixxina Nazzjonali, Tal-Qroqq. Dan ġie jiswa Lm2300. Peress li dan jinkludi informazzjoni li tista' tintuża f'tenders fil-futur ma' jistax jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Mr John E. R. Stevens
"The Development of Sports Coaching in Malta"
Dan ġie jiswa Lm330.00. Ser ngħaddi kopja lill-Onor. Membru għall-informazzjoni tiegħu.
Mr. Al. Guy
Rapport dwar: Marsa Track Matthew Micallef St John
L-ispejjeż involuti huma: Hospitality - Lm100.75
Accomodation - Lm88,65
Air ticket - Lm309.08
Ma jistax jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra peress li dan jinkludi informazzjoni li tintuża f'tenders fil-futur.
Dr Anthony Azzopardi
Vulnerable youth : perspectives on vulnerability in education, employment and leisure. Ser ngħaddi kopja lill-Onor. Membru għall-informazzjoni tiegħu.
Motor Sports ad hoc Committee
Re: Motor Sport in Malta: A Strategic Direction
Dan sar mingħajr ħlas.
Peress li dan jinkludi informazzjoi li tista' tintuża f'tenders fil-futur ma jistax jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ad hoc Committee
Rapport dwar 3 Sport Complexes.
Diġa' tpoġġiet kopja fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn saru b'xejn.
Josef Buttigieg
Rapport re: Youth Net 2000
Dan sar mingħajr ħlas.
Dept. Youth & Sport
Youthnet Info 2001 A guide to youth organisations
Għadu qed jiġi stampat. Id-disinjar, impaġnar u l-istampar ser jiġi jiswa Lm2435.
Dr A. Abela
Sociological Analysis on Participation of young adults in youth organisations.
Għadu qed jiġi stampat u ser jiġi jiswa Lm1090
Sport Section
Rapport Finali tal-Konferenza ta' l-Isport.
Ġew ippublikati ħames mitt kopja ta' rapporti u x-xogħol sar mill-Government Printing Press, Marsa għall-ammont ta' Lm900. Ser ngħaddi kopja lill-Onor. Membru għall-informazzjoni tiegħu.
Ad Hoc Committee:
Rapport dwar 'Specialized School for Sport'
Dan sar mingħajr ħlas u għadu qed jiġi finalizzat.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser titwaqqaf il-kumpannija bejn l-Universita' u l-Gvern dwar it-tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali?
X'inhi r-raġuni dwar dan id-dewmien?
Min huma d-diretturi ta' din il-kumpannija, jekk ġew magħżula?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumpanija ser titwaqqaf skond il-Memorandum and Articles ta' l-1995 għalkemm dan sarulu xi tibdiliet mis-Segretarju Parlamentari. Rigward id-Diretturi tal-Kumpanija dawn ser ikunu imħabbra hekk kif ikunu ffinalizzati l-Operations Agreement.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il federazzjoni/assoċjazzjoni sportiva nazzjonali lokali tagħmel anti-doping tests b'mod regolari? Kemm hemm assoċjazzjonijiet/federazzjonijiet sportivi nazzjonali b'kollox f'pajjiżna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li Anti-doping tests b'mod regolari jsir minn dawn l-assoċjazzjonijiet:
* Malta Football Association
* National Regatta Association
* Malta Amateur Bodybuilding Association
* Amateur Swimming Association
L-Assoċjazzjonijiet/Fedeerazzjonijiet Sportivi Nazzjonali f'pajjiżna jammontaw għal 48. Ta' min jgħid li dawn it-48 Assoċjazzjoni/Federazzjoni huma rikonoxxuti kemm mill-Kunsill Malti għall-Isport u kemm mill-Kumitat Olimpiku Malti.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għad-differenza fil-mod kif jitħallsu l-librara fl-impjieg tal-Gvern (Lm 0.60 is-siegħa) għal dawk imqabbda mil-kunsill lokali (Lm 1.54 is-siegħa)?
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-possibilita', in vista taż-żieda li kienet ġiet approvata, li l-ħaddiema librara tal-gvern jibdew jibbenefikaw minnha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-differenza fir-rata ta' kif jitħallsu l-librara fil-Branch Libraries inħolqot wara diskussjonijiet ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Kienintlaħaq qbil u nkisbu l-permessi meħtieġa biex is-siegħat miżjuda lil-librara fil-Branch Libraries ta' lokalitajiet fejn il-Kunsill Lokali tagħhom iffirma l-Cooperation Agreements mad-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji, jitħallsu mill-istess Kunsill Lokali rata fis-siegħa għola minn dik imħallsa mid-Dipartiment lill-istess librara għas-siegħat li huma jaħdmu u li għalihom hu responsabbli id-Dipartiment, jiġifieri 4 siegħat fil-ġimgħa.
Qed isiru arranġamenti biex minn Marzu 2001, il-librara kollha fil-Branch Libraries, jibdew jitħallsu l-istess rata għal kull siegħa ta' xogħol, sew jekk din tkun parti mill-4 siegħat fil-ġimgħa normali u sew jekk tkun parti mill-ħin miżjud u li għalih hu responsabbli l-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikanti li wieġbu għas-sejħa on call emergency helpers mid-Dipartimenti ta' l-Edukazzjoni?
Meta se jsiru l-interviews u kemm huwa n-numru ta' persuni li jridu jiġu impjegati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li applikanti għas-sejħa ta' 'On Call Special Needs Emergency Helpers' fid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni kien hemm 94.
L-interviews qed isiru bħal issa u ma nistgħux ngħidu kemm ser jiġu impjegati peress li dawn ser ikunu jaħdmu skond il-ħtieġa f'każ ta' emerġenza.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfajliet li ma marrux skola s-sena l-oħra minħabba tqala? Kemm kien in-numru kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' tfajliet li ġew fl-iSchoolgirl Mothers' Unit u li ma baqgħux jattendu skola minħabba tqala huwa:
Sena skolastika Settembru 1995 sa Lulju 1996 - 19
Sena skolastika Settembru 1996 sa Lulju 1997 - 16
Sena skolastika Settembru 1997 sa Lulju 1998 - 28
Sena skolastika Settembru 1998 sa Lulju 1999 - 20
Sena skolastika Settembru 1999 sa Lulju 2000 - 28.
Jista' l-Ministru jgħid fejn qed jitpoġġew id-desks u s-siġġijiet ta' l-iskola Abram Gatt, Bighi? Jista' jgħid jekk il-mod kif qed jinħażnu jkunx possibbli li jerġgħu jintużaw mingħajr ma jsofru ħsarat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-'desks' u s-siġġijiet li qabel kienu l-Iskola Abram Gatt, illum Malta Centre for Restoration qegħdin jiġu temporanjament storjati fil-forti Ricasoli.
Bil-mod kif qegħdin jiġu storjati, dawk id-'desks' u siġġijiet li għadhom tajbin jistgħu jiġu wżati mingħajr ma jkunu sofrew xi ħsarat.
Jista' l-Ministru jagħti statistika u dettalji dwar:
(a) il-perċentwali ta' studenti fi skejjel sekondarji li huma ikkunsidrati illiterati;
(b) li għalkemm literati huma ikkunsidrati li ma għandhomx command aċċettabli tal-lingwa Ingliża;
(c) Kemm hemm studenti fi skejjel sekondarji li qed jieħdu studji fl-I.T. (teorija u prattika)
Kemm hija l-popolazjoni ta' studenti f'kull skola sekondarja?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi progress x'jirrapporta mindu wieġeb mistoqsija parlamentari nru. 17251 fis-26 ta' Ġunju, 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-Ispot għadu għaddej bil-proċess amministrattiv. Għad fadal xi risposti dwar 'clearance' pendenti. Fil-ġranet li ġejjin għandha ssir laqgħa oħra ma' uffiċjali tal-Malta Playing Fields Association.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika s'issa u mindu ħarġet iċ-ċirkulari relevanti f'Ġunju 2000, kemm kien hemm staff akkademiku u mhux li ntalab jitlaq mill-impjieg full-time għax għalaq 61 sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-perjodu msemmi, kien hemm persuna waħda akkademika impjegata full-time, li għalqet il-61 sena, u li l-impjieg tagħha ma ġiex imġedded wara t-tmiem tas-sena akkademika li għaddiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx studenti universitarji li għadhom ma ħadux stipendju tul din is-sena akkademika s'issa? X'inhija r-raġuni? Kemm hemm studenti li baqgħu bla stipendju? Meta se jingħataw l-istipendju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li la l-bord għall-Għotjiet ta' Manteniment lill-Istudenti u anqas l-Uffiċċju fl-Universita` li hu nkarigat minn dawn l-għotjiet ma' rċieva ilmenti minn xi studenti li huma ntitolati għall-għotja, li kien hemm fosthom li ma rċivewx dak li hu dovut lilhom.
Informat ukoll li hemm anqas minn għaxar studenti li għandhom aktar minn 30 sena li applikaw għal dawn l-għotjiet u t-talba tagħhom għadha qed tkun proċessata. Dan ġara għax billi l-għotja lil dawn l-istudenti m'hix awtomatika, iżda jridu jippruvaw li għandhom ċirkostanzi ta' tbatija partikolari, uħud minnhom ma pprovdewx id-dokumenti meħtieġa ma' l-applikazzjoni u allura ma setgħux ikunu proċessati qabel.
Jekk dawn l-studenti jikkwalifikaw għall-Għotja ta' Manteniment skond il-kriterji stabbiliti mill-Bord, l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu proċessati.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-films li ntwerew s'issa f'St James Cavalier minn mindu nfetah? Liema ntwerew lill-pubbliku wara li ġie avżat? Liema intwerew mingħajr avviż lill-pubbliku in ġenerali, u għal liema raġuni ma sarux avviżi pubbliċi? Kemm ħallset l-udjenza għal kull film li ntwera?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Nirriferi għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 22548 u speċifikament għal dak li jingħad f'para 6 tal-kuntratti tal-tuck shops. Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-paragrafu?
Fil-każ tat-tuck shops fl-iskejjel tal-Knisja u indipendenti, hemm xi regolamenti dwar dak li għandu jinbiegħ?
Kemm-il darba matul din is-sena skolastika (2000/01) id-dipartiment ta' l-edukazzjoni talab lill-ispetturi tas-saħħa jżuru tuck shops? Dawn kienu kollha fl-iskejjel ta' l-Istat?
Jista' jgħid fejn saru, jiġifieri f'liema skejjel? Meta? Instab xi ksur tar-regolamenti dwar x' għandu jinbiegħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Kopja ta' para 6tal-kuntratt tat-Tuckshop qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni m'għandhiex responsabbilta` għat-Tuckshops fl-iskejjel tal-Knisja u tal-Privat.
Fil-bidu ta' kull sena skolastika, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni titlob lid-Dipartiment tas-Saħħa biex jagħmel tliet spezzjonijiet fl-iskejjel kollha statali fejn hemm tuckshop. Dawn l-ispezzjonijiet isiru f'perjodi differenti u għall-għarrieda.
F'Ottubru 2000 id-Dipartiment tas-Saħħa għamel l-ewwel spezzjonijiet fit-Tuckshops fl-iskejjel statali. Ittra bid-data tat-30 ta' Ottubru 2000, li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, turi rapport maħruġ mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Minn meta bdiet is-sena skolastika 2000/2001 sal-lum, id-diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma rċeviet ebda rapport dwar xi ksur tar-regolamenti dwar x'għandu jinbiegħ.
Jista' l-Ministru jelenka l-ismijiet ta' l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż u d-date ta' meta ingħataw il-liċenzja biex jibdew joperaw?
Kif kull skola se tintlaqat mit-taxxa ġdida imposta mill-Ministeru tat-Turiżmu biex jgħin il-budget ta' l-Awtorita' għat-Turiżmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista bl-ismijiet ta' l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż u meta ingħatatilhom il-Liċenzja qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22275?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni dwar l-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija, il-Kumitati huma dawk kif jipprovdu r-regoli finanzjarji.