Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il proposta ta’ residents' parking schemes wasslet għand Transport Malta, bejn Jannar 2013 u llum, minn kunsilli lokali, jew individwi, għal dak li jikkonċerna l-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali? Meta saru dawn it-talbiet u minn min? Wara li kkunsidrat il-proposti li rċeviet x'passi ħadet Transport Malta biex twettaq dawn il-proposti? ,
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li Transport Malta rċeviet żewġ talbiet li saru mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fis-17 ta' Ġunju 2013 u mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar li saret fis-17 ta' Frar 2014. Dawn il-proposti se jiġu evalwati fl-isfond tal-polza l-ġdida dwar il-parkeġġ.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz tat-trasport pubbliku għadux jingħata fil-lokalità tal-Mellieħa fiż-żoni tal-Kortin, Santa Maria Estate u l-Għoljiet tal-Mellieħa, liema servizzi kienu jingħataw mill-kumpanija preċedenti Arriva?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda tibdil fir rotot li jservu ż-żoni tal-Kortin, Santa Maria Estate u l-Għoljiet ġewwa il-Mellieħa. Dawn iż-żoni huma servuti permezz tar-rotot 101 u 102.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tat-traffiku għal Triq l-Antinni, Mosta, wara l-petizzjoni li dawn l-istess residenti ġabru u preżentaw lil diversi entitajiet?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Awtorità tat-Trasport irċieviet talba mill-Kunsill Lokali tal-Mosta sabiex Triq Waqqafa issir f'direzzjonji waħda tat-traffiku. Din it-talba ġiet approvata għal żmien temporanju ta' prova fid-direzzjoni tar-rotta tal-linja. Sussegwentament, għal raġunijiet ta' ċirkolazzjoni tat-traffiku fiż-żona magħrufa bħala ta' Mlit, il-kunsill lokali talab sabiex Triq Antinni issir ukoll f'direzzjoni waħda tat-traffiku iżda fid-direzzjoni opposta ta' Triq Waqqafa. Din it-talba ġiet approvata għal żmien temporanju ta' prova bil-kundizzjoni li l-kunsill ikkonsulta mar-residenti. Meta l-Awtorità ġiet infurmata bil-petizzjoni tar-residenti ta' Triq Antinni, saret laqgħa fuq il-post mal-kunsill lokali. Wara din il-laqgħa l-Awtorità għamlet xi proposti lill-kunsill lokali fit-2 ta' Lulju 2014. L- Awtorità qed tistenna risposta mingħand il-kunsill fejn jistgħu jiġu diskussi u maqbula miżuri alternattivi għal din it-triq.
Jista’ l-Ministru jagħti parir lill-kunsilli lokali biex qabel ma jkunu se jagħmlu xi tibdiliet li jafettwaw lir-residenti, bħal tibdil fid-direzzjoni tat-traffiku, l-istess residenti jiġu kkonsultati?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li kull approvazzjoni li taffettwa lir-residenti għandha kundizzjoni speċifika li l-kunsill għandu jikkonsulta lir-residenti u li jilħaq qbil magħhom. Dawn it-tipi ta' approvazzjonijiet joħorġu wkoll fuq talba tal-kunsill lokali rispettiv u jkunu fuq perijodu ta' prova fejn ir-residenti jistgħu jgħaddu l-kummenti tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-traffic management tal-housing estate ta’ Mlit, il-Mosta, hux se jinbidel u jekk dan se jsir, meta?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-uniċi toroq fil-Qasam tad-Djar ta' Mlit li kien hemm talbiet dwarhom u diskussjonijiet fuqhom mal-Kunsill Lokali tal-Mosta kienu Triq Waqqafa u Triq Antinni u dan dwar il-bdil fid-direzzjoni tat-traffiku.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitwaħħlu l-bus stops fil-housing estate Ta’ Mlit, il-Mosta, wara li dawn inqalgħu xi ġranet ilu, peress li għalkemm il-karozzi tal-linja jgħaddu minn din iż-żona, ma jgħabbu lil ħadd għax m’hemmx bus stops?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li wara li nqalgħu il-bus stops mill-housing estate Ta’ Mlit ġewwa l-Mosta minħabba tibdil fl-immaniġġar tat-traffiku fl-inħawi, il-post fejn se jitwaħħal il-bus stop il-ġdid ġie identifikat u dan se jitwaħħal fil-ġranet li ġejjin.
Transport Malta – parteċipazzjoni f’konferenzi/seminars
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9034, jista’ l-Ministru jgħid min tah il-parir li d-data protection b’xi mod taffettwa l-informazzjoni mitluba fl-interess pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġuni li l-informazzjoni mitluba, u ċjoè l-ismijiet tal-individwi ma ngħatawx, hija propju biex tipproteġi l-interess tal-impjegati kkonċernati.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-utilization rates (ċjoè kemm qed jinġarru passiġġieri xahar b’xahar) ta’ kull rotta li hemm fin-network tat-trasport pubbliku minn meta ħadet over il-Malta Public Transport Services Ltd sal-lum? Jista’ jgħid kemm saru tibdiliet fl-istess rotot fl-istess perijodu u jgħid min approvahom? Jista’ jgħid ukoll kemm qed jitħallsu is-sub-contractors kull xahar rotta b’rotta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba cioe l-Utilization Rates ta’ kull rotta xahar b’xahar mhix disponibbli u dan minħabba illi biljett wieħed jistgħa jintuża għal aktar minn vjaġġ wieħed fuq rotot diversi.
Infurmat ukoll illi l-uniku bidla li saret fl-istess perjodu kienet fuq ir-rotta 205 u din seħħet minħabba tibdil li sar fl-immaneġġjar tat-traffiku fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Mlit ġewwa il-Mosta.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8588, jista’ l-Ministru jagħti din l-informazzjoni għall-perijodu mid-9 ta’ Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-garaxx tal-Marsa ngħataw 30 promozzjoni fil-perijodu imsemmi. Dan biex jimtlew il-postijiet li kien hemm vakanti kif ukoll sabiex jissewew ftit mill-inġustizzji li saru fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.
servizz tat-trasport pubbliku – reklutaġġ ta’ impjegati
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8663, jista’ l-Ministru jgħid jekk minn Marzu ta’ din is-sena sal-lum ġewx impjegati ħaddiema ġodda mal-Malta Public Transport? Jekk fl-affermattiv, f’liema gradi ġew impjegati u kif sar u minn min sar il-proċess ta’ reklutaġġ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu tal-2014 sat-30 ta’ Ġunju 2014, il-kumpanija Malta Public Transport impjegat 25 xufier, 1 ticket seller u 1 receptionist. Dawn ġew impjegati wara li bagħtu curriculum vitae lill-kumpanija u jinkludu 18-il persuna li kienu diġà impjegati mal-kumpanija qabel l-2014 u rritornaw mal-kumpanija. Il-proċess ta’ reklutaġġ sar mid-dipartiment tar-riżorsi umani tal-kumpanija.
Transport Malta – taxxa tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi — rifużjoni ta’ VAT
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet applikazzjonijiet Transport Malta għar-rifużjoni ta’ VAT fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi fl-iskema li ħareġ ftit xhur ilu l-Gvern? Jista’ jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew aċċettati, kemm ġew miċħuda u jekk kienx hemm applikazzjonijiet li ġew aċċettati wara li oriġinarjament kienu ġew miċħuda? Jista’ jgħid jekk kienx hemm applikazzjonijiet li ddaħlu wara d-data tal-għeluq tal-iskema u kemm minn dawn ġew aċċettati xorta waħda?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta rċeviet 33,261 applikazzjoni għal ħotja ta’ darba għal vetturi reġistrati u liċenzjati għall-użu personali bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2008.
Dawn l-applikazzjonijiet kienu kollha verifikati u rriżulta li minnhom kien hemm 29,126 applikazzjonijiet eliġibbli għall-iskema, filwaqt li 4,135 m'humiex eliġibbli u dan skont il-kriterji stabbiliti fil-gazzetta tal-Gvern.
Rigward l-applikazzjonijiet li ġew miċħuda, il-Gvern ħatar Bord ta’ Appell bil-għan li jilqa’ u jivverifika l-applikazzjonjiet li jiġu appellati. Dan il-proċess għadu ma ġiex konkluż.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-persuna inkarigata biex tieħu d-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ rotot tat-trasport pubbliku mħaddma minn kuntratturi privati, u speċifikament fl-għażla tar-rotot u jekk rotot partikolari jibqgħux jitħaddmu jew le, kif ukoll fuq il-frekwenza tal-istess rotot imħaddma mill-kuntratturi privati? X’kontrolli għandha Transport Malta biex tassigura li r-rotot li qed jitħaddmu mill-kuntratturi privati humiex kollha bżonnjużi, qegħdin irendu finanzjarjament u qegħdin isiru, u jekk il-fuel li jsir ħlas għalih ikunx verament intuża? Jista’ jgħid min hu responsabbli biex isiru taħditiet u negozjati mal-kuntratturi privati fuq dawn ir-rotot?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjonijiet kollha fir-rigward tas-servizzi u r-rotot li jiġu mħaddma minn sub-contrators tal-kumpanija Malta Public Transport jittieħdu mill-istess management tal-kumpanija skont l-eżiġenzi tas-servizz. In-negozjati mal-istess sub-contractors isiru wkoll mal-management tal-kumpanija.
Transport Malta qiegħdha fil-proċess li tevalwa is-sottomissjonijiet li rċeviet għall-Espressjoni t’Interess li ħarget aktar kmieni din is-sena. Din l-Espressjoni t’Interess tieħu in konsiderazzjoni reviżjoni dettaljata li saret fuq in-network tat-trasport pubbliku, wara li sar eżerċizzju ta’ konsultazzjoni is-sena li għaddiet.
Kif jien ċert li jifhem u japprezza l-Onor. Interpellant, it-trasport pubbliku f’ Malta ma jistax irendi finanzjarjament mingħajr sussidji. Kieku l-Gvern ikollu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq jekk rotta hiex finanzjarjament vijabbli jew le u jopera biss dawk ir-rotot li jrendu, in-network żgur ma jkunx qed jipprovdi servizz li jaqdi l-bżonnijiet tal-passiġġieri.
Infurmat ukoll li l-operatur tat-trasport iżomm logs tal-vjaġġi li jsiru permezz ta’ sub-contractors. Meta jkun hemm dubju jekk vjaġġ ikunx sar jew le, l-operatur jitlob lis-Sub-contractor sabiex jipprovdi l-informazzjoni permezz ta’ Tracking Devices illi hemm fuq kull vettura sub-contracted sabiex ikun jista jivverifika jekk rotta saritx jew le. Fir-rigward ta’ ħlas lis-sub-contractors, ir-rata li titħallas ta’ kuljum għall-kirja ta’ coach tinkludi magħha l-ispejjeż tal-fjuwil u għaldaqstant huwa kompitu tas-sub-contractor li jżomm kontroll fuq il-fjuwil li jintuża.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jipprovdi faċilitajiet neċessarji biex turisti li jittieħdu Kemmuna jkunu jistgħu jinżlu minn fuq id-dgħajjes tat-turisti kif wkoll faċilitajiet biex d-dgħajjes tat-turisti jkollhom fejn jorbtu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant fil-preżent hemm faċilitajiet ġewwa Kemmuna sabiex passiġġieri jkunu jistgħu jitniżżlu minn fuq d-dgħajjes kif ukoll faċilitajiet biex d-dgħajjes ikollhom fejn jorbtu. Madankollu, Transport Malta qed tevalwa l-possibiltà biex din iż-żona tiġi organizzata aħjar, u dan b’konsultazzjoni mal-entitajiet kollha kkonċernati.
Transport Malta – kumpens għall-ħsarat fil-vetturi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet, minn individwi li kellhom ħsara fil-vettura tagħhom u li talbu li jiġu kkompensati għad-danni li sofrew minħabba dawn il-ħsarat mit-toroq Maltin, kull sena, bejn l-2012 u llum, liema talbiet saru direttament lill-Transport Malta? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema minn dawn it-talbiet ġew aċċettati u liema għadhom pendenti quddiem l-istess Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
Sena
Numru ta’ Talbiet
Talbiet Milqugħa
Talbiet Miċħuda
Talbiet Kumpensati minn Terzi
Każijiet il-Qorti
Pendenti
2012
141
50
64
6
3
18
2013
75
20
40
3
0
12
2014*
44
8
12
0
2
22
*Informazzjoni sal-aħħar ta’ Ġunju
B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 9562, peress li l-mistoqsija parlamentari li għamilt jien m'għandha x'taqsam xejn mal-mistoqsija parlamentari li kien għamel l-Onor. Ministru lill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, l-Onor. Eddie Fenech Adami, u fid-dawl li f'pajjiżi demokratiċi hija normali li l-Gvern jippubblika lista ta' bidders għal liċenzji ta' tħaffir taż-żejt, bħal ma għamlu ftit xhur ilu l-Gvern ta' Ċipru fejn ippubblika lista ta' bidders għal-liċenzji għat-tħaffir taż-żejt fl-offshore ta' Ċipru u dan minkejja li hemm theddida għal dan il-pajjiż minn pajjiżi ġirien, jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta' kumpaniji taż-żejt li huma bidders għal liċenzji ta' tħaffir taż-żejt fil-blata kontinentali Maltija? Jista’ jiġġustifika għalfejn ma jridx jagħti l-lista ta' kumpaniji taż-żejt li qed jibbidjaw għal-liċenzji ta' tħaffir taż-żejt fl-ibħra Maltin?
Response (MIZZI, JOE)
Jiddispjaċini li l-Onor. Interpellant għadu ma fehemx, tant li għadu ma ndunax li r-referenza hi għall-istess informazzjoni. Nerġa intenni li din l-informazzjoni hi ta’ natura kummerċjali u ma tistax tingħata. Tapprezza li s-sitwazzjoni f’Ċipru hi wahda differenti fejn il-Gvern ħareġ licensing round u għalhekk wara d-data tal-għeluq ebda kumpanija ma tkun tista’ titfa applikazzjoni jew offerti. Filfatt il-proċess hu simili għal dak ta’ tender. Il-proċess ta’ liċenzjar li Malta għandha bħalissa hu wieħed ta’ ‘open door’ jiġifieri li kumpanija tista’ titfa applikazzjoni x’ħin trid għax m’hemmx data ta’ għeluq. Dan il-proċess hu maħsub taħt il-liġi tal-Unjoni Ewropea u dan il-proċess intuża matul is-snin mill-Gvern Malti. Filfatt l-aħħar ‘licensing round’ sar fit-2011 u dak iż-żmien l-Gvern ukoll ħass li ma kellux jippublika l-ismijiet tal-kumpaniji li tefgħu applikazzjoni avolja kien ‘licensing round’. Nispera li tapprezza li kumpanija li tkun tefgħet applikazzjoni fi proċess open door ma tkunx trid li isimha jiġi ppubblikat minħabba li dan jista’ jippreġudika in-negozzjati. Nista naċċertak li ġaladarba l-Gvern jilħaq ftehim, toħroġ press release mill-Gvern sabiex tinnotifika l-aħbar.
B'referenza għall-press release PR141391 dwar ftehim li ġie ffirmat mat-TGS, jista’ l-Ministru jgħid kemm inbiegħet seismic data tat-TGS tal-blata kontinentali Maltija mill-2001 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk ma nbiegħet l-ebda seismic data mit-TGS, kemm qiegħed jipprevedi li se tinbiegħ issa li sar ir-reprocessing tas-seismic data u kemm qed jistenna li jdaħħal flus minn dan il-bejgħ il-Gvern Malti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mbiegħet b’kollox mit-TGS informazzjoni siżmika (li kienet miġbura mit-TGS permezz tal-ftehim multiclient tat-2001) b’valur ta’ 1.8 miljun US$ mill-2001 sal-lum. Il-Gvern ma daħħal ebda flus minn dan il-bejgħ minħabba li fil-kuntratt tal-2001 il-Gvern ma kienx jieħu flus mill-bejgħ qabel mal-kuntrattur (TGS) jirkupra l-ispejjeż tal-investiment li jkun għamel jiġifieri l-investiment li jkun għamel biex jiġbor l-informazzjoni siżmika.
Bis-saħħa ta’ l-agreement li ġie iffirmat il-Gvern ser jibda jibbenifika mill-ewwel minn kull bejgħ li jsir mit-TGS billi jieħu sehem ta’ tletin fil mija fil-każ ta’ bejgħ ta’ reprocessed seismic data, u sehem ta’ ħamsin fil-mija fil-każ ta’ bejgħ ta’ informazzjoni siżmika mhux reprocessed. Dejjem qiegħed nirreferi għal data li nġabret mit-TGS fuq bażi multiclient permezz tal-ftehim tat-2001. B’hekk il-Gvern ser jibbenifika minn kull bejgħ.
Huwa diffiċli li wieħed jipprevedi kemm jistenna li jdaħħal flus l-Gvern mill-bejgħ tar-reprocessed seismic data u ta’ data mhux reprocessed minħabba li dan jiddependi minn diversi fatturi. Tajjeb niċċara li l-Gvern mhux ser joħroġ flus għal dan ix-xogħol ta’ reprocessing. L-iskop prinċipali tal-Gvern iżda mhux li jidħlu l-flus mill-bejgħ ta’ din l-informazzjoni iżda li permezz ta’ din l-informazzjoni l-ġdida, kumpaniji taż-żejt jitħajru jesploraw fl-ibħra Maltin.
B’ referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8559, jista’ l-Ministru jgħid x’kien id-dħul min-nollijiet għal Malta Transport Services Ltd għax-xhur ta’ Marzu u April ta’ din is-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar id-dħul min-nollijiet kif provduta mill-Operatur tat-Trasport Publiku għal Marzu u April ta’ din is-sena huwa hekk kif ġej:
Marzu 2014 €1,578,505
April 2014 €1,690,319
B'referenza għat-tweġiba li ngħatat f'mistoqsija parlamentari 8560, jista' l-Ministru jispjega dak li qalu diversi kumpaniji barranin bħal dawk li qed nagħti isimhom separatament, li dan il-Gvern huwa Gvern ta ħabi u li ma tistax taħdem miegħu u dan fid-dawl tal-fatt li minn 15-il kumpanija li wrew interess, tliet kumpaniji biss tefgħu t-tender għas-servizz tat-trasport pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif naħseb jifhem, mhux f’pożizzjoni li nirrispondi fuq l-opinjoni espresssa minn ħaddieħor. Inżid biss li ma naqbilx ma’ din il-fehma li dawn esprimew anki minħabba l-fatt li tliet kumpaniji tefgħu t-tender juri interess sodisfaċenti għal din is-sejħa.
Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura — press calls – procurement
Question
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 8719, jista’ l-Ministru jagħti breakdown tal-ispejjeż li ntefqu għal kull press call? Jista’ jgħid xi procurement procedure intużat biex ingħata l-kuntratt tal-armar tal-press calls?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8719.