Legislature:
Category:
Reset
Active:

Roads Directorate — Ilment bir-Ref No: 44/0124/04

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn wasal l-ilment (Ref No: 44/0124/04) li sar mal-MTC - Roads Directorate?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat li wara li l-awtorita’ dwar it-trasport investigat il-każ, instab illi l-persuna konċernata għadha m’għamlitx il-claim neċessarja mal-kuntrattur u l-kumpannija ta’ l-insurance tagħha u għalhekk għalissa ma jista’ isir xejn dwar din it-talba għall-kumpens.

PTA — Postijiet vakanti għal periti

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4926 u cioe' jista' jgħid jekk hemmx postijiet vakanti għal periti ma' l-awtorita' dwar it-trasport? Jekk fl-affermattiv, kemm hu n -numru ta' postijiet vakanti u kif se jiġu mpjegati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita dwar it-Trasport għandha tlett postijiet vakanti għal periti. Il-proċess tal-għażla huwa li l-ewwel toħroġ sejħa interna, u jekk ma jintażilx xi ħadd mill-Awtorita, issir talba lill-MIMCOL. Jekk jibqa' ma jkunx hemm xi kandidat li jikkwalifika, allura issir talba lil ETC. Dan il-proċess għadu kif ġie finalizzat u l-ewwel perit diġa beda jaħdem ma l-Awtorita. Iż-żewġ periti l-ohrajn li ġew magħżula mill-bord tal-Awtorita, ser jiġu impjegati fil-ġranet li ġejjien.

Gżira — Rue D'Argens - xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tax-xogħlijiet li se jsiru f'Rue D'Argens, Gżira skond tender LT 68/2004?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li qed jirriferi għaliha l-Onor. Interpellant.

Marsaxlokk — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinfetaħ il-parti żgħira minn Triq Bartholomew Marsaxlokk li hija essenzjali sabiex tissolva l-problema tat-traffiku ta' kull nhar ta' Ħadd? Jekk fin-negattiv, jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi biex din it-triq tkun tista’ tinfetaħ trid tittieħed biċċa art mhux żviluppata kantuniera ma Triq iż-Żejtun. Fil-mument l-awtorita’ dwar it-trasport għaddejja bi preparamenti meħtieġa biex din l-art tkun tista’ tiġi esproprjata sabiex it-triq tkun tista’ tinfetaħ.

Sidien ta' karozzini — ġarr ta' turisti

Question

Jista’ il-Ministru jgħid hux se jagħti ċans lil sidien ta’ karozzini (li jġorru t-turisti) li għandhom xi karozzini bil-liċenzja mhux imħallsa li jħallsuha biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom? X’inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar każijiet fejn it-tfal ta’ dawn is-sidien jixtiequ jibqgħu armati b’dan ix-xogħol iżda qed jistennew iċ-ċans li jkunu jistgħu jħallsu l-liċenzji li għandhom b’lura jew iġeddu permessi antiki ħalli jiġu regolari mal-liġi? Billi taħt il-ministru preċedenti kienu qed isiru sforzi biex dawn jingħataw iċ-ċans li jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom, jista’ jgħid jekk hux beħsiebu jkompli miexi fuq dawn il-passi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-karozzini li l-awtorita taf bihom huma kollha bil-liċenzji u bil-permessi mħallsa. Ma jirriżultax li hawn xi karozzini li m’għandhomx liċenzji u permessi mħallsin. Fil-każ ta’ tfal ta’ sidien ta’ karozzini bil-liċenzja u bil-permess, kemm il-liċenzja u anke il-permess jista’ jiġi trasferit bla ebda ħlas.

Sidien ta' karozzini — Ġarr ta' turisti

Question

Jista’ il-Ministru jgħid mill-1990 sa din is-sena, sena b’sena, kemm kien hawn karozzini li jġorru t-turisti reġistrati u b’liċenzji mħallsa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Bejn l-1990 u l-2002 il-liċenzji tal-kaorzzini u permessi kienu taħt ir-responsabbilta’ tal-pulizija. Minn Frar ta’ l-2003, l-awtorita’ dwar it-trasport ta’ Malta ingħatat ir-responsabbilta’ tal-liċenzji u permessi tal-karozzini fejn imxejna fuq il-lista li ġiet mogħtija lilna mingħand il-pulizija. L-ammont ta’ karozzini kemm ilhom fir-responsabbilta’ tagħna jammontaw għal 114.

Ħaż Żabbar — Triq Santa Tereża

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4323, jista' il-Ministru jara li l-awtoritajiet konċernati mill-immaniġjar tat-traffiku jidħlu ftit fil-każ u jaraw kif dan jistax jiġi solvut fl-interess ta’ kulħadd minħabba li b’dak li sar inħolqot problema ta’ parking?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li d-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku eżamina l-każ u ħa l-passi neċessarji billi nforma lil Kunsill Lokali Żabbar sabiex ineħħi t-tabelli li twaħħlu mingħajr l-approvazzjoni ta' L-Awtorita'. Sadanittant id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku ser imur fuq il-post biex jgħaddi l-pariri li hemm bżonn.

Rabat — Triq Sammy Abela - reserved parking

Question

Jista' il-Ministru jgħid min awtorizza li jitneħħa s-servizz tar-reserved parking li jinsab quddiem 2, New York Flat, Triq Sammy Abela, Rabat, meta skond it-traffic management directorate il-permess ġie approvat (Ref No: 197) għall-perijodu ta' sena mit-8 ta' Jannar 2004?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-każ ġie evalwat fis-27 ta' Frar 2004 wara investigazzjoni li għamlet l-Awtorita' għat-Trasport ta' Malta fejn ġie stabbilit li l-persuna li għaliha inħareġ il-permess tista timxi mingħajr diffikulta. L-Awtorita' bħalissa għaddejja bi proċess ta' evalwazzjoni tal-permessi kollha u kull fejn jirriżulta li l-permess mhux bżonjuż qed jitneħħa.

Sta. Venera — Triq Dun Frans Camilleri - asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kienx hemm xi żvilupp għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2369 u cioe' minħabba l-istat li tinsab fih u l-inkonvenjenza li qed toħloq lir-residenti, meta hemm il-ħsieb li Triq Dun Frans Camilleri (n/s in Carini Str), St. Venera tingħata t-tarmac?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

M'għandi xejn xi nżid ma' r-risposta mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2369.

Mina bejn Ħal Qormi u Sta. Venera — Tindif/manutenzjoni

Question

Jista' il-Ministru jassigura li jsir it-tindif u manutenzjoni regolari fil-mina li hemm bejn Ħal Qormi u Santa Venera billi din hi wżata ħafna, minħabba l-perikli li hemm fil-bypass?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport tisspezjona din is-subway regolarment u meta jkun hemm bżonn tindif tinforma d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet biex isir it-tindif meħtieġ.

MTA — Traffic management

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-abbozz ta' regoli li saru mill-awtorità ta' Malta dwar it-trasport dwar traffic management, liema abbozz kien ippreżentat lill-kunsilli lokali f'Lulju li għadda, kienx finalizzat u jekk fl-affermattiv, meta se jkun ippubblikat?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-abbozz ta' regoli qed jiġu mplimentati għall-fini ta' Traffic Management iżda hemm xi sezzjonijiet oħra li fihom qed isirilhom xi tibdil b'konsultazzjoni ma' l-Kunsill Lokali, l-Kummissjoni Nazzjoni Persuni b'Diżabilita' u l-Malta Environment and Planning Authority.

Gudja — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jindaga jekk wasalx iż-żmien li jingħata wiċċ xieraq lil Triq Bettina, Gudja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li fil-preżent għadu kif sar ftehim bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali tal-Gudja sabiex isiru toroq il-Barunessa, Ix-Xlejli, H.Pigot, Żogħżija, Dorell kif ukoll Triq il-Markiża. Fir-rigward ta' toroq oħra fil-lokalita', dawn ikunu jistgħu isiru aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.

PTA — Vacancies għal periti

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx postijiet vakanti għal periti ma' l-awtorita' dwar it-trasport? Jekk fl-affermattiv, kemm hu n -numru ta' postijiet vakanti u kif se jiġu mpjegati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba tingħata f'seduta oħra.