Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel Sekondarji – attendenza ta’ tfal

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hawn tfal jattendu l-iskejjel sekondarji tal-Gvern , u possibilment jindika dan skola, skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kulleġġ St Albert The Great — rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-kamra x’passi ulterjuri ġew meħuda sabiex isir il-proġett li permezz tiegħu l-Kulleġġ St Albert the Great li qiegħed l-Belt Valletta jiġi rilokat f’post ieħor?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Hekk kif spjegat f'dokument preliminari mħejji mill-istess skola u ppreżentat fl-2010 lill-Onor. Dr. Jason Azzopardi, dak iż-żmien fil-kapaċita' tiegħu bħala Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ghall-Finanzi, Ekonomija u Investiment, il-proposta ta' rilokazzjoni tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir ilha tiġi diskussa għall-aktar minn għaxar snin. Dan wassal sabiex nhar il-25 ta' Lulju 2011, ġie ppreżentat dokument dettaljat mill-iskola lill-Kabinett biex jispeċifika l-proposta dwar ir-rilokazzjoni tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir mill-Belt Valletta għall-bini ġdid f'Ħal Għaxaq u jitlob direzzjoni politika. Nhar it-28 ta' Lulju 2011, id-Direttorati tal-Edukazzjoni formalment iddikjaraw li ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni għall-iżvilupp propost mill-iskola lill-MEPA. Għad iridu jibdew taħditiet bejn iż-żewġ naħat dwar il-proġett.

Iż-Żejtun – kindergarten — tapit

Question

Jista’ l-Ministru jara li t-tapit li hemm fil-playing area tal-kindergarten taż-Żejtun jinbidel minħabba li fi żmien amministrazzjoni ta’ qabel dan ma sarx b’konsegwenza li t-tfal żgħar jistgħu jweġġgħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol jifforma parti minn programm ta' xogħlijiet li qegħdin jiġu ppreparati għal futur qrib fi skejjel statali.

Diskors tal-baġit – skema ta’ taħriġ għall-Għawdxin

Question

B'referenza għad-diskors, tal-Ministru tal-Finanzi preċedenti, dwar il-baġit għal din is-sena, fejn f’paġna 58 kien intqal... ‘Flimkien mal-ETC se tinħoloq skema biex persuni Għawdxin li qed jirreġistraw għax-xogħol jingħataw l-opportunità ta' taħriġ f'impjieg għal perjodu definittiv' u fejn intqal ukoll li.... 'din l-iskema hi mistennija li tolqot madwar 200 persuna u se tfisser żieda netta fl-ispiża tal-Gvern ta' €1.1 miljun’, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Gvern preżenti għadux bil-ħsieb li jwettaq din il-miżura hekk kif imħabbara fid-diskors imsemmi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern talab lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ sabiex tfassal din l-iskema li minnha se jibbenefikaw 200 persuna Għawdxija.

Kulleġġ Maria Reġina Subien – Sports Day

Question

Jista’ l-Onor. Ministru jgħid kemm ħadu sehem studenti, mit-890 li jattendu fil-Kulleġġ Maria Reġina Subien tal-Mosta, għall-isports day li saret nhar il-Ġimgħa, 17 ta` Mejju 2013? Il-Kulleġġ jesiġi li l-istudenti kollha jieħdu sehem? U jekk le, għal liema raġuni l-Kulleġġ jippermetti li studenti ma jipparteċipawx f`attività relatata mal-isports u l-eżerċizzju fiżiku meta s-suġġett tal-PE huwa wieħed obbligatorju? Jista’ jgħid kemm fil-fatt kien l-ammont ta’ studenti li fil-ġurnata indikata naqsu milli jattendu l-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li 400 student ħadu sehem fl-isports day li saret nhar il-Ġimgħa, 17 ta` Mejju 2013. L-iskola tesiġi li l-istudenti kollha jieħdu sehem. Min ma attendiex, ġie mmarkat assenti mill-iskola u intbagħtet SMS kif isir is-soltu. L-għadd ta’ studenti li fil-ġurnata ndikata naqsu milli jattendu l-iskola kien ta’ 292. Minħabba raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà u minħabba l-fatt li fost id-diversi sport stations kien hemm inkluż Ø Tracking ġewwa l-Park tal-Majjistral u l-Limiti ta’ Fomm ir-Riħ, Ø Rugby u Obstacle races fil-Bajja ta' Golden Sands, Ø Abseiling ġewwa l- premises tal-Iskola, Ø Snorkling ġewwa l-Bajja ta’ Fra Ben, u Ø Stations u logħob fl-iskola stess, intbagħtet consent form lil ġenituri sabiex dawn japprovaw li uliedhom jieħdu sehem fl-attivitajiet imsemmija.

Kunsill Malti għall-Isport – sejħa għal Kap Eżekuttiv

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1302, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-applikazzjonijiet tal-kandidati kollha, kif ukoll is-CVs tagħhom? Barra minn hekk jista’ jikkonferma li l-Bord tal-Għażla m’għamilx nota ta’ ġustifikazzjoni dwar kif u għaliex għoġobhom iqassmu l-marki lil kull kandidat individwali? Jekk fil-fatt jeżisti dan id-dokument, jista’ jpoġġih ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jpoġġgi wkoll kopji tan-notamenti li uffiċjali governattiv normalment jagħmlu f’kull file u li jkunu jinsabu eżattament kif wieħed jiftaħ file governattiv? Jista’ jikkonferma li, wara li titpoġġa d-dokumentazzjoni mitluba aktar 'l fuq, m’hemmx aktar dokumenti fil-file?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Dwar it-talba sabiex jitpoġġew is-CVs tal-kandidati, ninforma lill-Onor. Interpellant li, peress li dawk jinkludu data personali estensiva, ma jidhirlix li dawn għandhom jiġu ppublikati. Din id-deċiżjoni qed tittieħed in vista ta' parir li l-Kunsill Malti għall-Isport ħa mill-Uffiċju tal-Kummissarju ċtad-Data. Fl-istess waqt ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Għażla ma għamel l-ebda nota ta' ġustifikazzjoni dwar kif u għaliex għoġobhom iqassmu l-marki lil kull kandidat individwali u ma kienx hemm notamenti kif mitluba fil-file. Għaldaqstant, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kollha fil-file dwar din is-sejħa, eskluż is-CVs tal-applikanti, diġa' tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Raħal Ġdid — pjanijiet għall-ground Pace Grasso

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkompli bil-pjan u applikazzjoni li hemm quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex il-ground ta’ Pace Grasso f’Raħal Ġdid jitwaqqa’ u minfloku ssir skola sekondarja ġdida li tieħu post dik li hemm biswit il-ground u li hi żgħira wisq għall-ħteġijiet tal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat min-naħa tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada li l-proċess tal-MEPA f'dan l-istadju għadu għaddej.

Skejjel strutturalment ikkundannati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru illi skejjel sekondarji li kienu ġew strutturalment ikkundannati se jirċievu intake ta' student ġodda mis-sena skolastika li ġejja? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid liema huma dawn l-iskejjel? Min iċċertifika li dawn l-iskejjel mhumiex aktar strutturalment ikkundanati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada ma kkundannat l-ebda skola sekondarja. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ma hu se jibgħat l-ebda student ġo skola strutturalment ikkundannata. Id-Direttorat m'għandux informazzjoni li hemm skejjel li qed jintużaw li huma kkundannati.

Youth Specialisation Studies Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid il-Youth Specialisation Studies Scheme mnedija mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport il-kemm-il edizzjoni hi? Meta ġiet imnedija għall-ewwel darba il-Youth Specialisation Studies Scheme?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Informat li l-Youth Specialisation Studies Scheme (YSSS) hija it-tielet edizzjoni li qed tamministra l-Aġenzija Żgħażagħ. Il-YSSS ilha teżisti mill-1994.

Segretarju Permanenti — Handover ta' rapporti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tas-Segretarju Permanenti li ngħata l-Ministru bħala handover f'Marzu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Peress li s-Segretarju Permanenti għaddieli diversi rapporti malli nħtart Ministru, l-Onor. Interpellant huwa mitlub ikun iżjed speċifiku fit-talba tiegħu għal liema rapport qed jirreferi.

Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — Rapport dwar il-proposti elettorali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li thejja mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti dwar il-proposti elettorali tal-Partit Laburista li jaqa' taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm ġew stmati il-proposti elettorali tal-Gvern Laburista mid-dipartimenti u mill-entitajiet li ġew konsultati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol għadu għaddej u tweġiba komprensiva għadu kmieni wisq biex tingħata.

Il-Belt Valletta — Youth Stop

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Youth Stop għaż-żgħażagħ fil-Belt Valletta imħabbar mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport huwa l-istess proġett oriġinat, ippjanat, annunzjat, mibdi u inawgurat minn Gvern preċedenti fi Frar li għadda? Jista’ jikkonferma li l-Youth Cafe f’dan il-Youth Stop kien diġà ġie inawgurat u x-xogħol biex jingħataw diversi servizzi oħra minn taħt l-istess saqaf fosthom servizzi mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, l-Awtorità tad-Djar u entitajiet oħra kien diġà beda sa minn dak iż-żmien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-Youth Stop huwa l-istess proġett li ġie inizjat mill-Gvern preċedenti. Imma l-Gvern preċedenti naqas milli jipprovdi l-istaff neċessarju biex is-servizz jibda jopera. Prova ta' dan hi li jekk bħalissa xi ħadd imur ifittex il-Youth Stop isib bieb magħluq. Dan minbarra li ma saret l-ebda kampanja biex dan is-servizz isiru jafu bih iż-żgħażagħ. Il-Youth Café hu servizz li beda jopera fi Frar mill-istess binja minn fejn se jkun qed jingħata s-servizz tal-Youth Stop, izda huwa servizz differenti għal kollox u huwa marbut mal-proġett tal-komunita AĊĊESS tal-Belt. Minħabba li c-centru tal-AĊĊESS tal-Belt huwa żgħir, għall-Youth Café kellu jintuża l-istess bini fejn fil-ġejjieni qrib se jinfetaħ il-Youth Stop.

Aġenzija Żgħażagħ — riċerka

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il riċerka ġiet ikkumissjonata jew issieħbet fiha Aġenzija Żgħażagħ mit-twaqqif tagħha? Jista’ jelenka liema huma u jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-Aġenzija Żagħżagħ ikkummissjonat u ssieħbet fi tlett riċerki li ġew ippublikati. Dawn kienu:- - Mirrors and Windows: Maltese Young People's Perception of Themselves, their Families, Communities and Society - The Participation of Maltese Young People in the Voluntary Sector - Europass Survey 2012 bis-sehem flimkien mal-Malta National Europass Centre. Kopja ta' dawn ir-riċerki qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Aġenzija Żagħżagħ issieħbet ukoll f'riċerka mal-Kummissarju tat-Tfal dwar id-divertiment taż-żgħażagħ. Din ir-riċerka għadha ma ġietx ippublikata.

Aġenzija Żgħażagħ — riċerka dwar iż-żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tiġi ppubblikata r-riċerka dwar iż-żgħażagħ u l-ħin liberu ta’ Aġenzija Żgħażagħ? Jista’ jgħid meta ġiet ikkumissjonata din ir-riċerka?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kummissarju tat-Tfal ikkummissjonaw ir-riċerka dwar id-divertiment taż-żghażagħ sena ilu. Din ir-riċerka ġiet ppreżentata nhar il-Ġimgħa 10 ta' Mejju 2013.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — membri tal-bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bordijiet tal-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Xi kwalifiki għandu kull membru? X'esperjenza jew expertise għandu kull membru relatata mas-settur fejn ġie ingaġġat bħala membru ta’ bord? F'każ li m'għandhom l-ebda esperjenza relatata, x'kienu l-kriterji li fuqhom intgħażlu dawn il-membri?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1379.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — membri tal-bordijiet - remunerazzjoni u benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-onorarja, allowances u perks oħra li għandu kull membru tal-bord u chairperson fl-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1380.

Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport — Membri tal-Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bordijiet tal-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segreatrju Parlamentari tiegħu? Xi kwalifiki għandu kull membru? X'esperjenza jew expertise għandu kull membru relatata mas-settur fejn ġie ingaġġat bħala membru ta’ bord? F'każ li m'għandhom l-ebda esperjenza relatata, x'kienu l-kriterji li fuqhom intgħażlu dawn il-membri?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1379.

Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport — membri tal-bordijiet - remunerazzjoni u benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-onorarja, allowances u perks oħra li għandu kull membru tal-bord u chairperson fl-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari tiegħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1380.

Kunsilli Lokali – Ħaddiema mill-IPSL u l-ETC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema jaħdmu mal-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex taħt l-iskemi tal-Industrial Projects and Services Limited (IPSL) u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) sad-9 ta’ Marzu 2013? Jekk żdiedu wara din id-data, b’kemm żdiedu ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fid-09 ta' Marzu 2013 kien hemm 374 persuna fl-Iskema ta' Xogħol fil-Komunità filwaqt li kien hemm 384 persuna f'din l-iskema fis-17 ta' Mejju 2013. L-Iskema ta' Xogħol fil-Komunità hija mmexxija mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.

Università ta’ Malta — Każ dwar Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk is-sinjur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kellux il-kuntratt tax-xogħol tiegħu mġedded mill-Università ta' Malta? Jekk fin-negattiv jista’ jgħid ta' min kienet id-deċiżjoni li tali kuntratt ma jiġġeddidx u x'wassal biex dan ma sarx? Meta se tittieħed l-azzjoni neċessarja biex tali kuntratt fil-fatt jiġġedded?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant għandu kuntratt definit bħala laboratory officer mal-Università ta' Malta li beda fl-14 ta' Marzu 2012 u kien estiż sat-30 ta' Ġunju 2013.