Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq reati konnessi ma' moħqrija fuq annimali? X'kien ir-reat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena ma kienx hemm persuni li ġew imressqa quddiem il-Qorti mill-Pulizija fuq reati konnessi ma' moħqrija fuq annimali.
Bormla — Inkurunazzjoni tal-Kwadru ta' l-Immakulata Kunċizzjoni
Question
Peress li s-sena d-dieħla f'Bormla se jkun imfakkar iċ-ċentinarju ta' l-inkurunazzjoni tal-kwadru ta' l-Immakulata Kunċizzjoni, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra bis-serjeta' li triq fiċ-ċentru ta' Bormla tissemma għal dan l-avveniment storiku?
Response (BORG, TONIO)
Proposta ta' tismija jew bdil fl-isem ta' triq, skond l-Avviż Legali Nru. 176 ta' l-1995, trid toriġina mill-Kunsill Lokali konċernat, u trid tiġi sottomessa għall-konsiderazzjoni tal-Kumitat għat-Tismija tat-Toroq li jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Pulizija. Dan il-Kumitat diġa' irċieva proposta simili mingħand il-Kunsill Lokali ta' Bormla u qiegħed jikkonsidraha.
Dipartiment ta' l-artijiet — Sidien ta' proprjeta'
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex possibbli, permezz ta' xi dipartiment li jaqa' fid-dekasteru tiegħu jew tal-land registry, li permezz tat-tagħrif ta' l-indirizz sħiħ ta' proprjeta' wieħed jasal biex ikun jaf min hu s-sid?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni kollha pertinenti għar-Reġistru ta' l-Artijiet hija miżmuma u pproċessata fuq programm ta' kompjuter magħmul speċifikament għal dan l-iskop. Dan huwa l-Land Registry Certification System (LRCS). Dan il-programm jippermetti li klijent jagħmel talba għal informazzjoni fuq proprjeta': inkluż informazzjoni dwar min hu s-sid. L-uffiċjal tar-Reġistru imbagħad ifittex il-lokalita' u t-triq tal-proprjeta' in kwistjoni, din tiġi identifikata fuq pjanta elettronika u minn hemm tinkiseb l-informazzjoni mitluba. Il-programm huwa "Mapbased" u ma għandux il-fakulta' li jagħti informazzjoni fuq proprjeta' billi wieħed sempliċiment iforni ndirizz, imma wieħed irid jasal sar-Reġistru ta' l-Artijiet sabiex flimkien ma' l-Uffiċjal tad-Dipartiment, tiġu studjata pjanta ta' l-inħawi tal-proprjeta' sakemm din tiġi lokalizzata bl-eżatt.
Barra minn hekk, irid jiġi nnotat ukoll illi r-Reġistru ta' l-Artijiet huwa responsabbli għar-reġistrazzjoni tat-titoli ta' proprjeta' li tinsab f'arei dikjarati bħala arei ta' reġistrazzjoni. U għalhekk talbiet għal informazzjoni jistgħu jiġu limitati biss għal proprjetajiet li jaqgħu f'dawn l-arei: sintendi il-proprjetajiet li dwarhom qed tintalab informazzjoni jridu jkunu reġistrati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' anzjani li kienu vittma ta' reat din is-sena? X'kien ir-reat?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5752, ninsab infurmat illi bejn Ġunju u Ottubru ta' l-2004 ġew irrapurtati lill-Pulizija 32 każ ta' feriti fuq il-persuna ta' anzjan, uħud minnhom riżultat ta' vjolenza domestika.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni li llum qegħdin taħt sentenza ta' ħabs sospiża? X'inhu r-reat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li qegħdin taħt sentenza ta' ħabs sospiża huwa ta' 717. L-akkużi rispettivi u t-total ta' numru ta' kull akkuża huma kif jidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew mibgħuta nies il-ħabs din is-sena? X'kien ir-reat li tiegħu nstabu ħatja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-14 ta’ Ottubru 2004, ingħataw mitejn u erba u erbgħin (244) sentenza karċeraraja. Dawn kienu mifruxa bejn mitejn u sbatax (217) –il persuna.
Ir-reati li għalihom ġew kundannati dawn il-persuni kienu kif turi t-tabella segwenti:-
Aċċetta oġġetti misruqa
2
Ħrib minn post ta’ kustodja
1
Serq
50
Attentat omiċidju/omiċidju
10
Ksur tar-regolamenti ta’ l-immigrazzjoni
6
Naqsu li jħallsu multa
60
Ħsarat volontarji
10
Disprezz lejn il-Qorti
5
Inċendju volontarju
1
Reati konnessi ma’ drogi
39
Ġrieħi ta’ natura gravi
2
Theddid
3
Ksur/kundizzjonijiet tal-
bail
3
Ġurament falz
2
Tibdil ta’ multa f’ħabs
12
Frodi/Falsifikazzjoni
6
Naqsu li jmantnu lill- mara tagħhom
18
Ħasil ta’ flus
1
Pussess ta’ oġġetti pprojbiti
1
Ksur tal-paċi pubbliku
1
Pussess ta’ passaport falz
1
Evażjoni ta’ dazju
1
Feriti ħfief
2
Stupru ta’ minorenni
2
Logħob tal-azzard
2
Traffiku
2
Prostituzzjoni
1
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn armi tan-nar liċenzjati llum? Kemm minn dawn ġew liċenzjati din is-sena? X'tip kienu? Jista' jagħti breakdown ta' x'tip ta' armi hawn reġistrati?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 7681 u Nru. 7682.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għalqu ħwienet jew stabilimenti oħra din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-liċenzji tan-negozju m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerilu biex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu tfal taħt is-16-il sena f'postijiet ta' divertiment? Kemm tressqu persuni l-qorti fuq dan ir-reat? X'weħlu f'kull każ din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena instabu 78 persuna taħt is-sittax-il sena f'postijiet ta' divertiment. B'konsegwenza ta' dan il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 17-il persuna responsabbli minn dawn l-istabbilimenti, liema każi għadhom pendenti quddiem il-Qorti, ħlief għal tnejn li ngħataw twiddiba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern dwar il-bini llegali li hemm ħdejn ix-xtajtiet tal-baħar, bħal per eżempju l-Armier?
Response (BORG, TONIO)
Din hija problema li ilha s-snin. Fil-każ tal-istrutturi fl-Armier - fejn hemm l-iktar konċentrazzjoni il-Gvern fl-2000 waqqa' diversi strutturi mibnija wara l-1992 u oħrajn twaqqgħu mis-sidien. Fit-tieni lok, saru diskussjonijiet mal-Assoċjazzjoni tas-Sidien dwar possibilita' li jaqgħu l-istrutturi mibnija qabel l-1992, u jinbnew strutturi ġodda skond il-permessi basta dawn ma jinbnewx fuq art raba' saqwi jew fejn illum hemm stabbilimenti kummerċjali u/jew entitajiet pubbliċi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li kaċċa li tkun saret legalment fl-Istati Uniti ta' l-Amerka minn Maltin titħalla li tiddaħħal f'Malta bħalma qed jiġri meta ssir l-istess tip ta' kaċċa fl-Eġittu?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli għall-Ambjent.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li ssir proċedura speċjali għal dawk il-Maltin li jgħixu barra u partikolarment dawk fl-Istati Uniti li fuq talba tagħhom jingħataw liċenzja temporanja għall-kaċċa u nsib meta jiġu Malta fuq prova li huma diġa' huma kaċċaturi jew nassaba fil-pajjiż tar-residenza tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli għall-Ambjent.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li f'Malta jitħallew jidħlu annimali bbalzmati maqbuda fil-pajjiż ta' l-oriġinu skond il-liġijiet ta' dak il-pajjiż minn Maltin li jkunu residenti barra u li jkunu qed idaħħlu l-annimali huma stess f'Malta jew jimportawhom f'container f'isimhom stess?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli għall-Ambjent.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid kemm hemm ħaddiema tal-gvern attached ma' kull kunsill lokali fil-preżent u jekk hemmx xi talbiet pendenti minn xi kunsilli lokali għal ħaddiema tal-gvern?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 99 ħaddiema tal-Ministeru tar-Riżorsi u l-Infrastruttura assenjati mal-Kunsilli Lokali imqassmin fil-Kunsilli Lokali kif indikat fit-tabella mehmuża.
Mhux qed isir l-ebda assenjar ta' ħaddiema oħra tal-Gvern ma' Kunsilli Lokali.
Ta' min isemmi wkoll, li minbarra dawn il-ħaddiema, hemm ukoll 155 ex-ħaddiema tat-tarznari assenjati mal-Kunsilli Lokali li wkoll huma elenkati fl-istess tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet din is-sena mill-gwardjani lokali u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa mill-bidu tas-sena sa l-aħħar ta’ Awissu 2004, il-Gwardjani Lokali taw 202,369 ċitazzjoni.
Qiegħed nindika fit-tabella t’hawn taħt ir-raġuni għall-ħruġ ta' dawn il-kontravvenzjonijiet kif ukoll in-numru maħruġa.
Total
Deskrizzjoni tal-Kontravvenzjoni
25,399
Liċenza mhux imwaħħla kif suppost fuq il-vettura/mal-
windscreen
18,275
Kontravvenzjoni tal-marki tal-kareġġjata (
No stopping – Double Yellow Line
)
10,129
Ipparkjar f’distanza sa 5 metri mill-kantuniera
9,503
Xufier mhux liebes iċ-ċintorin tas-sigurta’
8,883
Ipparkjar f’area riservata mingħajr permess
8,251
Kontravvenzjoni ta’ Sinjal tat-Traffiku (
No entry from this side
)
7,169
Kontravvenzjoni ta’ Sinjal tat-Traffiku (
No parking
)
6,777
Ipparkjar fuq il-bankina
107,933
Kontravvenzjonjiet varji (ez. Xufier liebes il-
headphones
jew apparat ieħor simili, li jtellef is-smiegħ jew li jista’ jtellfu mis-smiegħ; sewqan ta’ vettura ttowjata mingħajr dawl xieraq; sewqan mingħajr l-attenzjoni xierqa jew mingħajr ma jitteħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa f’
junctions
; sewqan bi ħsejjes eċċessivi (
ineffective silencer
); duħħan eċċessiv mill-
exhaust pipe
; naqas li jagħmel sinjali tat-trafiku kif indikat mill-Kunsill Lokali fl-applikazzjoni għall-permess.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' vetturi tal-pulizija involuti f'inċidenti tat-traffiku din is-sena? Kemm swiet it-tiswija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm 108 vettura tal-Pulizija involuta f'inċidenti tat-traffiku, li 64 każ minnhom irriżulta li t-tort ma kienx tal-Pulizija. It-total tat-tiswija fil-każijiet l-oħra kien jammonta għal Lm9,700.91.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu pulizija fuq ix-xogħol din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm 11-il persuna li weġgħu waqt il-qadi ta' dmirhom f'arresti ta' persuni jew waqt kontroll ta' ġemgħa.
Kien hemm 37 każ ieħor fejn Pulizija weġgħu f'inċidenti tat-traffiku; jew f'inċidenti żgħar oħra li ma kienux involuti terzi.