Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhija r-raġuni għaliex s-Supervisor fid-Day Centre ta' Tas-Sliema laħqet wara biss tlett xhur meta hemm CSA li ilhom hemm is-snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-CSA li qiegħda tmexxi d-Day Centre ta' tas-Sliema ntgħażlet fuq il-merti personali tagħha kif ukoll għax kienet diġa' qiegħda taħdem fuq id-distrett ta' dik il-lokalita'.
Jaf l-Viċi Prim Ministru li CSA li ġiet impjegata madwar sentejn ilu fid-Day Centre ta' Tas-Sliema qed tagħmel xogħol għal APAN waqt il-ħin tax-xogħol?
Jekk jaf x'passi ttieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani jiċħad kategorikament l-allegazzjoni li CSA li taħdem fid-Day Centre ta' tas-Sliema tagħmel xogħol għal APAN waqt il-ħin tax-xogħol.
B'referenza għad-dar tal-anzjani tal-Gzira li għalqet għat-tiswijiet billi r-residenti intbagħtu il-Grosvenor Hotel, jista' l-Viċi Prim Ministru jindika meta dawn mistennija lura fid-dar?
Kemm mistenni jittieħed żmien biex din id-dar titwaqqa' u titranġa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Deċiżjoni finali dwar x'ser jiġri mid-dar ta' l-anzjani tal-Gżira għad trid tittieħed wara konsiderazzjoni tar-rapporti ta' l-esperti nvoluti f'dan il-każ.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jistax jikkonferma xi tnaqqis ġdid li ser jibda jsir mid-dħul ta' l-anzjani residenti f'St Vincent De Paule u xi provvedimenti hemm għal dan id-dħul addizzjonali fl-estimi ġenerali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-uniku tnaqqis li qiegħed isir mid-dħul ta' l-anzjani fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule huwa kif stipulat fl-Avviż Legali 60/2000. Il-kontribuzzjonijiet hekk miġbura jiġu mgħoddija lill-Kumitat tal-Welfare.
Billi part-timer suppost jaħdem massimu ta' 20 siegħa fil-ġimgħa, kif qed jiġu kklassifikati ħaddiema li jaħdmu part-time fuq bażi ta' ġimgħa ta' 25 siegħa?
Bħala fulltime jew part-time?
Huwa minnu li dan ħafna drabi qed jiddependi fuq l-engagement form li tkun imliet il-kumpannija li jaħdmu magħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mhux il-każ li part-timers huma dawk li jaħdmu massimu ta' 20 siegħa fil-ġimgħa. Il-ħin massimu li jistgħu jaħdmu part-timers hu dak stabbilit mill-Ordni tal-Kunsill tal-Pagi li jirregolaw il-kategorija speċifika tax-xogħol tagħhom. Dawn il-ħinijiet ivarjaw bejn 20 u 30 siegħa fil-ġimgħa.
Impjegati part-time li mhumiex regolati minn Ordni tal-Kunsill tal-Pagi, u li skond il-ftehim jew kuntratt ta' xogħol li jkollhom, jaħdmu iktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa, ikunu ntitolati għall-leave fuq bażi pro rata ta' dawk l-impjegati full-time.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: (a) Kemm huwa n-numru ta' ħaddiema barranin jaħdmu f'pajjiżna? (b) Mil-liema pajjiżi ġejjien? (ċ) Ma' liema kumpanniji jew xorta oħra qed jaħdmu?(d) Xi professjoni jew sengħa qed jipprattikaw fil-ħidma tagħhom? u (e) Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata b'din l-informazzjoni kif ukoll bl-ismijiet ta' dawn il-ħaddiema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li r-requisition order 36736 jitneħħa peress li m'għadx baqa' raġunijiet (la skond il-liġi u lanqas fil-fatt) li jibqa' jissussisti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li peress li l-fond, li fuqu hemm l-Ordni ta' Rekwiżizzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, jinstab vojt, l-imsemmija Ordni ma tistax titneħħa f'dan l-istadju.
Ninsab infurmat ukoll li fl-10 ta' Novembru li għadda, is-sid ġie mitlub jipprovdi xi nformazzjoni lid-Dipartiment konċernat, liema nformazzjoni għada ma ġietx provduta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm (a) kien hemm nisa u rġiel jaħdmu full-time fil-31 ta' Diċembru ta' kull sena mill-1975 sal-lum? (b) kien hemm nisa u rġiel irreġistrati bħala ħaddiema part-time fil-31 ta' Diċembru ta' kull sena mill-1975 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għall-pubblikazzjoni 'A Window On The World of Work' ippubblikat mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika fejn issib l-informazzjoni mitluba.
Iċ-ċifri ta' kemm hemm nisa u rġiel jaħdmu full-time mill-1994 - 1999 issibhom f'paġni 6 u 7 filwaqt li ċifri ta' kemm hemm nisa u rġiel jaħdmu part-time mill-1994 - 1999 issibha f'paġna 26.
Iċ-ċifri ta' qabel l-1994 ma hijiex komparabbli peress li kienet seħħet ir-reviżjoni ta' l-istatistika.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dawn il-figuri: (a) il-male activity rate għal kull sena mill-1975 sal-lum? (b) il-female activity rate għal kull sena mill-1975 sal-lum?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ir-revisjoni li kienet saret dwar kemm hawn nies jaħdmu bi qliegħ f'Malta u Għawdex affetwatx il-male activity rate u l-female activity rate rispettivament għal dawk is-snin li għalihom saret ir-reviżjoni? Jekk dawn ġew affettwati, kif ġew affetwati?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm nisa u rġiel rispettivament jaħdmu fis-setturi ekonomiċi kif soltu jiġu ppublikati mill-ETC f'kull 31 ta' Diċembru ta' kull sena mill-1975 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għan-News Releases li jiġu ppubblikati miċ-Ċentru tal-Istatistika jew għall-website http://www.magnet.mt/home/cos.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm irġiel u nisa rispettivament jirreġistraw għax-xogħol f'kategoriji ta' etajiet (16-19, 20-24, 25-34, 35-44, 45-54 u 55-65) fl-aħħar ta' Diċembru tas-snin 1975, 1980, 1985, 1990, 1995 u 30 ta' Settembru 2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħolqu mpjieġi full-time ta' rġiel u nisa rispettivament matul is-snin 1990, 1991, 1992, 1993, 1994, 1995, 1996, 1997, 1998, 1999 sa l-aħħar ta' Settembru 2000? Jekk hu possibli agħtini informazzjoni f'liema settur ekonomiku nħolqu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba għall-perijodu bejn Diċembru 1994 u Settembru 2000.
Ninsab infurmat li ċ-ċifri ta' qabel l-1994 mhumiex kumparabbli peress li kienet seħħet reviżjoni ta' l-istatistika.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu l-massimu ta' l-income li fuqu trid titħallas il-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali?
Kemm hu l-massimu ta' kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali li persuna tista' tħallas kull sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali l-artikoli tal-liġi li jirregolaw klassi u ammont tal-kontribuzzjonijiet huma, b'effett mill-1998, responsabilita' tal-Kummissarju tat-Taxxi Interni. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant huwa mitlub jindirizza din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani kemm kienet l-ispiża tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-Ministeri u d-Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-Ministru għas-snin 1997, 1998 u 1999 sena b'sena separatament?
Kemm min dawn il-kontijiet tħallsu u kemm għadhom pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba kellha tiġi sospiża il-Kamra minħabba nuqqas ta' quorum waqt din il-leġislatura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul din il-Leġislatura il-Kamra ġiet aġġornata 7 darbiet minħabba nuqqas ta' quorum.
Fl-istess perjodu saru 155 sejħa għal quorum. Dan ifisser li bħala medja l-Oppożizzjoni ressqet talba għal quorum kull tlett seduti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li ġew abbużati minn vjolenza fiżika u psikoloġika u minn sess matul dawn l-aħħar 10 snin?
X'kienu l-etajiet tat-tfal?
Kategorija, kategorija? X'passi ttieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' tfal li ġew irrapportati b'neglect matul dawn l-aħħar 10 snin? Sena b'sena u skond l-etajiet? X'passi ttieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.