Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel ta' l-Istat — Letteratura Ingliża

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Letteratura Ingliża huwiex suġġett obbligatorju fl-iskejjel ta' l-Istat? Kemm kien hemm studenti subien u bniet li qagħdu għall-eżami f'dan is-suġġett fis-SEC f'Mejju li għadda?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-Letteratura Ingliża huwa suġġett obligatorju fl-iskejjel ta' l-Istat. Dan japplika għall-Junior Lyceums kif ukoll għall-Area Secondaries. Fil-każ tal-Junior Lyceums l-istudenti jagħmlu l-eżami tal-Letteratura tas-SEC waqt li fil-każ ta' l-Area Secondaries dawn għandhom sillabu differenti fejn is-suġġett tal-letteratura huwa obbligatorju wkoll iżda l-livell tiegħu huwa aċċessibli għall-istudenti ta' dawn l-iskejjel. Informat ukoll li fil-Forms 1 - 3 tal-Junior Lyceum u fil-Forms 1 - 5 tal-Area Secondary il-Letteratura Ingliża tkun parti integrali mill-lezzjonijiet kif ukoll mill-eżami tal-lingwa Ingliża. Ninsab informat ukoll li F'Mejju 2004 kien hemm 1137 subien u 1637 bniet li qagħdu għall-eżami fil-Letteratura fil-Livell tas-Sec.

Skejjel ta' l-Istat — Tagħlim tal-lingwa Ingliża lill-barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel ta' l-Istat li se jintużaw minn organizzazzjonijiet biex jiġi mgħallem l-Ingliż lill-barranin f'dan is-sajf? F'kull każ, kemm hu l-ħlas li ntalab u x'kondizzjonijiet oħra jridu jitħarsu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Skejjel tal-Knisja/Skejjel indipendenti — Kapijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx kapijiet ta' l-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti li m'għandhomx ir-rekwiżiti rikjesti mil-liġi biex ikollhom din il-kariga? Jekk iva, jista' jelenka l-iskejjel konċernati u jgħid għaliex dawn in-nies ġew mogħtija din il-kariga? Jista' jgħid ukoll jekk warrant temporanju huwiex suffiċjenti għal kariga ta' kap jew deputat kap ta' skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Sa fejn jirriżultali t-tweġiba għall-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija hi fin-negattiv. Warrant Temporanju mhuwiex meqjuż suffiċjenti għal-kariga ta' kap jew assistent kap ta' skola.

Skejjel — Bejgħ ta' ikel mit-tuck shops

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6302 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' u cioe' peress li qed ikolli diversi lmenti minn ġenituri li jibagħtu lit-tfal tagħhom fid-diversi skejjel ta' l-istat, privati u tal-knisja, fejn dawn jilmentaw minn ikel u xorb li jevitaw id-dar, iżda li jinbiegħ f'tuck shops u canteens ta' l-iskejjel, jista’ jgħid għaliex minflok linji gwida ma toħroġx ordni biex ċerti ikel, xorb u ħelu ma jkunux jistgħu jinbiegħu? Ma jaħsibx li dan jgħin bil-kbir biex jevita l-obesita' fit-tfal u b'hekk jgħin inaqqas l-ispiża fil-kura?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Ħlas pendenti lill-kuntratturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu jagħti flus f'xogħol li għamlu l-kuntratturi u li għadhom ma tħallsux u kemm tammonta l-ispiża għal kull kuntrattur sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob lill-Onorevoli Membru ikun iktar speċifiku u jiċċara għal liema tip ta' kuntratti qed jirreferi.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi — Biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, kumpanniji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament? F'kull każ, kemm kien l-ammont totali involut u jekk intalbux kwotazzjonijiet mingħand aġenti oħra? Jekk intalbu kwotazzjonijiet, liema kienu l-aġenti l-oħra li mingħandhom intalbu l-kwotazzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tweġiba hi fin-Negattiv. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija naħseb li la jkun prudenti u lanqas prattiku li nipprovdi l-ismijiet kollha ta' dawk l-agenziji/kumpaniji li minn għandhom intalbu kwotazzjonijiet f'dawn l-aħħar ħames snin.

ETC — Persuni ta' nazzjonalita' barranin li applikaw biex jaħdmu f'pajjiżna

Question

Jista' il-Ministru jindika n-numru ta' persuni jew ħaddiema barranin li applikaw mal-ETC biex jibdew jaħdmu f'Malta mill-1 ta' Mejju li għadda sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma' wasalx, tagħrif jingħata f'xi Seduta oħra.

Skejjel — Tipjip fost l-istudenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'għandha ppreparat id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni għas-sena skolastika li jmiss biex tkompli jnaqqas il-ħajra għat-tipjip fost l-istudenti fl-iskejjel? Dan japplika wkoll għall-iskejjel mhux statali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dwar it-Tipjip, "Il-Politika dwar -Imġieba tajba u d-dixxiplina għall-Iskejjel" tgħid li "L-istudenti huma assolutament ipprojbiti milli jpejpu" u "taħt l-ebda ċirkostanza m'għandhom in-nies fl-iskola jpejpu quddiem l-istudenti"(pg17). Dwar it-tipjip, isiru lezzjonijiet u diskussjonijiet fil-P.S.D. (Personal and Social Development) u l-istudenti jsiru jafu il-ħsara li t-tipjip jagħmel għas-saħħa. Dawn ilhom isiru għal aktar minn għaxar (10) snin, u s-suġġett ikopri l-istudenti mill-Form 1 sa' Form 5. Id-Dipartiment tas-Servizzi għall-Istudenti qiegħed f'kuntratt mal-Health Promotion Unit biex minn Ottubru naħdmu biex dawk l-istudenti li jixtiequ jaqtgħu dan il-vizzju jiġu mgħejjuna permezz ta' counselling u mezzi oħra.

Skejjel — Studenti li jixorbu l-alkoħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid huwiex aċċettabbli li qed ikun hemm numru dejjem akbar ta' żgħażagħ ta' l-eta' ta' l-iskola li qed jixorbu l-alkoħol? X'beħsiebha tagħmel id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex tipprova tikkontrolla u tnaqqas it-tehid ta' alkoħol fost l-istudenti fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-"Politika dwar l-imġieba tajba u d-dixxiplina għall-iskejjel" tgħid li "L-istudenti huma assolutament ipprojbiti milli jixorbu l-alkohol". "Taħt l-ebda ċirkostanza m'għandhom in-nies fl-iskola jieħdu alkohol quddiem l-istudenti" (pg 17). Jekk jinqabdu, hemm sanzjoni mill-ewwel sat-tielet livell marbutin na' kemm hi serja l-offiża. Għalhekk hu fatt magħruf li m'huwiex aċċettabli li qed ikun hemm numru dejjem akbar ta' żgħażagħ ta' l-eta ta' l-iskola li qed jixorbu l-alkohol. F'dawn l-aħħar għaxar snin isiru lezzjonijiet u diskussjonijiet fil-lezzjonijiet tal-P.S.D.(Personal and Social Development) u l-istudenti jsiru jafu fuq il-ħsara li x-xorb jagħmel lil saħħithom. Dawn il-lezzjonijiet isiru lill-istudenti mall-Form 1 sa' Form 5 u hemm servizzi oħra minn N.G.O's fl-iskejjel Primarji. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ilha li bdiet bil-programmi tagħha biex tipprova tikkontrolla u tnaqqas it-tehid ta' l-alkohol fost l-istudenti u se tkompli bil-programmi li hemm. Dwar studenti fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti, l-informazzjoni tinkiseb min-NonState Schools Section fid-Dipartiment tal-Further Studies and Adult Education.

Drama Unit

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-involviment tas-Sur Mario Azzopardi fid-Drama Unit? Jista' jgħid jekk hemmx xi persuni oħra minbarra l-persuna imsemmija? Jekk iva, jista' jgħid x'inhu x-xogħol li qed jagħmlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li is-Sur Mario Azzopardi huwa inkarigat mit-tmexxija ta' l-iskola tad-Drama li torganizza korsijiet ta' filgħaxija. Fit-Taqsima tad-Drama ( Drama Unit ) hemm Uffiċjal Edukattiv, s-Sur John Suda, li jmexxi t-Taqsima, kif ukoll dsatax-il għalliem Peripatetiku u Koordinatur tas-Suġġett. Hemm ukoll żewġ għalliema tad-Drama f'Għawdex. Ix-xogħol tagħhom huwa fl-iskejjel kif ukoll fil-produzzjoni ta' " Theatre In Education" , li huma rappreżentazzjonijiet b'suġġett edukattiv.

Fondazzjoni għas-servizzi edukattivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'rapporti saru s'issa mill-fondazzjoni għas-servizzi edukattivi biex jevalwaw ix-xogħol tagħha? Min għamel dawn ir-rapporti? Kemm sewa kull rapport? Jista' ipoġġi kopja tar-rapporti kollha fuq il-mejda tal-Kamra? X'passi prattiċi ttieħdu dwar dawn ir-rapporti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwel nixtieq nirreferi lill-Onor. Evarist Bartolo għall-Mistoqsija Parlamentari numru 988 dwar l-istess suġġett li twieġbet fis-Seduta Nru 21 tas-7 ta' Lulju 2003 . Fl-2002, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi ikkummissjonat evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ġenituri fl-attivitajiet ta' Klabb Ħilti. Din l-evalwazzjoni ġiet ikkumissjonata 4 xhur biss mill-ftuħ ta' l-ewwel sitt ċentri ħilti sabiex jiġu identifikati, fil-fażi bikrija ħafna, dawk l-elementi li jinħtieġu tisħiħ jew bidla. L-evalwazzjoni saret fiċ-Ċentri l-aktar vulnerabbli sabiex setgħet tittieħed azzjoni korrettiva immedjatament. L-evalwazzjoni twettqet minn Dr. Carmel Borġ u Dott. Denise Chircop. Qed inpoġġi kopja tas-Suċċint ta' l-evalwazzjoni minħabba li r-rapport jagħmilha faċli li jiġu identifikati skejjel u persuni. L-evalwazzjoni qamet Lm984. Il-Fondazzjoni qiegħda fil-proċess li tevalwa żewġ servizzi: (a) Il-Programm Nwar u (b) wieħed mill-programmi marbuta mal-Proġett PEFAL (Parent Emplowerment for Family Literacy). Ir-rapport ta' dawn iż-żewġ evalwazzjonjiet għandhom ikunu lesti f'Settembru 2004. Barra minn dawn, internament, il-Fondazzjoni kontinwament tevalwa ħidmiet bl-użu ta' diversi għodod. L-evalwazzjoni interna hi parteċipativa u tinvolvi ġenituri, ħaddiema ta' l-FES, l-għalliema u Kapijiet ta' skejjel. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokument "Evaluation of the Id f'Id f'Hilti Programme".

Riforma fl-arkivji u l-libreriji

Question

Jista’il-Ministru jinforma lill-Kamra meta se titwettaq ir-riforma fl-Arkivji u l-Libreriji msemmija minnu diversi drabi, bħal ngħidu aħna f' The Times, tat-3 ta’ Awissu 1999, kif ukoll fid-diskors tal-President fil-bidu ta’ din il-leġislatura?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija numru 5725 ta' l-istess Onor. Membru.

Naxxar — Skola Giovanni Curmi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fl-iskola Għolja Giovanni Curmi tan-Naxxar fis-sena skolastika li jmiss hux se jkun hemm problema sabiex l-istudenti kollha li juru interess li jattendu f'din l-iskola, ikunu jistgħu jidħlu fiha? Jista' jgħid x'xogħol sar matul dawn l-aħħar sentejn sabiex din l-iskola titkabbar ħalli jkollha aktar klassijiet? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jiddaħħal xi numerus clausus sabiex jiġu magħżula l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskola Sekondarja Għolja Giovanni Curmi tan-Naxxar twaqqfet biex jingħata ċans ieħor lil studenti li ma jkunux ġabu is-suġetti kollha meħtieġa (SEC) biex jidħlu l-Junior College u jibdew il-kors tal-Matsec (livell avvanzat u intermedjarju). Ma jidher li hemm ebda problema biex fis-sena skolastika li ġejja l-iskola tilqa' lil dawn l-istudenti. Informat ukoll li f'dawn l-aħħar sentejn sar xogħol preparatorju inklużi pjanti ta' iżjed lecture rooms u tfassil ta' tenders.

FTS — Kuntratti għal xogħlijiet fl-iskejjel

Question

Il-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada kemm tat kuntratti għal xogħlijiet fl-iskejjel tul is-sena skolastika li għadha kemm intemmet? X'kienet in-natura tax-xogħol li sar f'kull skola? F'kull każ, x'kien il-valur tax-xogħlijiet u kemm tħallas minnhom għax-xogħol li sar? Min kienu l-kuntratturi li għamlu u li tħallsu tax-xogħlijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Universita' — Kors tal-Liġi

Question

Jikkonferma l-Ministru li mis-sena akkademika li jmiss ma jkunx għadu rekwiżit l-Ingliż fil-livell avvanzat għad-dħul fil-kors tal-Ligi? Meta ttieħdet din id-deċiżjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ir-rekwiżiti preżenti, applikabbbli minn Ottubru 2004 kienu ppublikati b'Avviż Legali 36 ta' l-2002 u jistabilixxi li biex student jidħol fl-ewwel kors tal-Liġi - Baccelerat fil-Liġi - jrid "jgħaddi f'żewġt suġġetti fil-Livell Avvanzat bi grad C jew aħjar magħżula mill-Gruppi 1,2,3 jew fil-Computing/Information Technology (Gruppp 4) ta' l-Eżami għaċ-Ċertifikat tal-Matrikola". Dan sar biex jippermetti li l-istudenti jkollhom aktar għażla wiesgħa ta' suġġetti li jistgħu jistudjaw flimkien mal-liġi fil-kors. Informat ukoll li għad-dħul fit-tieni kors tal-Liġi (LL.D) l-istudenti irid ikollhom ukoll ċertifikat li għaddew fl-Ingliż u fil-Livell Intermedjarju jew ogħla.

Eżami tas-SEC tal-lingwa Ingliża

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk fl-eżami tas-SEC ta' l-Ingliż f'Paper A, il-komponiment tnaqqas għal bejn 320 u 350 kelma waqt li dik ta' Paper B tnaqqsu għal bejn 180 u 200 kelma? Ma jaħsibx li dan ibaxxi l-livell ta' l-Ingliż? X' kien l-iskop wara din id-deċiżjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sena skolastika 2004-2005

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk ġiex deċiż in-numru ta' ġranet (jew sigħat) ta' skola għas-sena skolastika li jmiss u meta se jkun hemm il-vaganzi tal-mid-term?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' ġranet ta' skola għas-sena skolastika li jmiss huwa ta' 173 ġurnata u n-numru ta' sigħat hu 902.00. Informat ukoll li l-vaganzi tal-mid-term huma mill-1 ta' Novembru 2004 sat-3 ta' Novembru 2004.

Ċittadini minn pajjiżi tal-UE — Impjieg f'Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ċittadini ta' pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea bħalissa huma reġistrati li qed jaħdmu hawn Malta? Jista' jagħti dettalji b'mod li jindika pajjiż pajjiż?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma jkollhix din l-informazzjoni peress li l-permessi ta' xogħol lil barranin joħorġu mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u Barranin fil-Ministeru ta' l-Intern u l-Ġustizzja.