Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tnax-il Distrett Elettorali — Xogħlijiet fuq toroq residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu x-xogħlijiet fuq it-toroq residenzjali fit-12-il distrett elettorali li tlestew matul l-aħħar 18-il xahar? Meta nbeda x-xogħol fuq dawn l-istess toroq? Kemm kienet l-ispiża involuta? Kemm għad fadal isir xogħol ieħor f’dawn l-istess lokalitajiet? Meta mistenni li jinbeda u jitlesta dan ix-xogħol li hemm ippjanat?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista ta’ xogħlijiet li saru fuq toroq residenzjali fit-12-il distrett elettorali matul l-aħħar 18-il xahar, ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal f’numru ta’ distretti oħra, għad fadal numru ta’ toroq residenzjali li jridu jsiru fit-12-il distrett. Dawn it-toroq isiru skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Proġett tas-Salini — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet għad fadal isiru biex jitlesta l-proġett tar-restawr tas-Salini mis-Salina? Jista' jgħid meta dan il-proġett se jkun lest?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10156.

Uffiċċju dwar ir-Regolamenti tal-Bini — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx impjegati nies ġodda mal-Uffiċċju dwar ir-Regolamenti tal-Bini minn April 2013 sal-lum? Jekk iva min huma u kemm huma dawn il-persuni? Xi gradi għandhom dawn il-persuni?

Response (MIZZI, JOE)

Infurmat li mid-data msemmija sal-lum fl-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini ġew impjegati Kap, Senior Architect and Civil Engineer, Works Manager, Instructor, Lecturer,żewġ Senior Clerks, Driver, Officer Skala 8 u Officer Skala 18. Nippreċiża li minn dawn impiegi, wieħed biss kien minn barra is-Settur Pubbliku. L-individwi l-oħra ngħaqdu mal-istess Uffiċċju minn Dipartimenti oħra fis-Serviżż Ċivili jew Entitajiet oħra fis-Settur Pubbliku.

Ir-Rabat – Triq Ħaż-Żebbuġ – xogħlijiet ta’ tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet ta’ tiswija li saru fi Triq Żebbuġ, limiti tar-Rabat, sarux minn Transport Malta jew mill-kunsilli lokali? Jekk saru minn Transport Malta, għalfejn intgħażlu żoni partikolari fit-triq u mhux kull fejn kien hemm bżonn tiswija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija ma taqax taħt ir-responsabiltà ta’ Transport Malta.

Kunsill Lokali tar-Rabat – pjanijiet għar-roundabout ta’ ħdejn in-Nigret

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet għar-roundabout (il-kbira) li tinsab fin-Nigret, ir-Rabat (Malta), skont proposti li kienu saru waqt laqgħa li l-Ministru kellu mal-Kunsill Lokali tar-Rabat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent ma hemmx pjani ta’ xogħol fuq din il-junction.

Bulebel – id-daħla tal-Qasam Industrijali

Question

Jista’ l-Ministru jintervjeni sabiex is-central strip li tagħti għad-daħla tal-Industrial Estate ta’ Bulebel li tinsab fi Triq id-Dejma, tiġi mtejba, peress li qed jiġu rrapurtati numru ta’ inċidenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ikun apprezzat li l-Onor. Interpellant jikkjarifika għal-liema aċċess qed jirreferi minħabba li hemm aktar minn aċċess wieħed għaż-Żona Industrijali ta' Bulebel minn Triq id-Dejma.

Dipartiment tal-Kuntratti — Sejħa għall-offerti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’wassal biex sejħa għall-offerti ntitolata 'Provision of a Call Centre Facility and Related Services for the Malta Transport Authority' li kellha tiġi ppublikata fl-2009 permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti qatt ma ġiet ippublikata filwaqt li jgħid x’miżuri alteranattivi ħadet l-istess Awtorità biex ipprokurat dawn is-servizzi identiċi jew simili mingħajr ebda sejħa għall-offerti? Jista' jagħti breakdown dettaljat tal-ispiża nvoluta għal tali servizzi kemm infieq inizjali u nfieq rikorrenti mil-istess sena msemmija sal-lum?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-amministrazzjoni preċedenti daħlet f’kuntratt mal-World Aviation Group għal servizzi ta’ call centre mingħajr sejħa pubblika abbażi tal-fatt li l-Gvern kellu sehem sostanzjali fil-kumpanija msemmija. L-ispiża inizjali kienet ta’ €10,000 + VAT, filwaqt li l-ispiża rikorrenti hija hekk kif ġej: 2011 - € 50,397* 2012 - € 271,164 2013 - € 278,220 2014 - € 104,430** *Novembru u Diċembru biss ** sal-lum Dawn l-ispejjeż ikopru tmien service representatives, software relatat, taħriġ kontinwu u l-formulazzjoni ta’ service manual li jkopri ‘l fuq minn 300 servizz li toffri l-Awtorità.

Transport Malta — sponsorship

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk Transport Malta tatx sponsorship lill-produzzjoni tar-rock opera Ġensa? Jista' jgħid kemm kien jammonta dan l-isponsorship u jekk ġiex approvat mill-Bord ta’ Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Trasport Malta tagħmel kampanji edukattivi u waqt il-produzzjoni li qed jagħmel referenza għaliha l-Onor. Interpellant, li attirat eluf ta’ nies, saru spots edukattivi bħala parti minn kampanja li kienet għaddejja dak iż-żmien.

Transport Malta — bus shelter approvati

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji neċessarji dwar liema huma l-bus shelters li Transport Malta approvat li għandhom jiġu stallati? Kemm minn dawn il-bus shelters intalab permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex ikunu jistgħu jitpoġġew f'posthom? Kemm minnhom għandhom tali permess iżda għadhom ma tpoġġewx? Għal kull wieħed minn dawn il-każijiet ta' bus shelters approvati li jiġu stallati minn Transport Malta, jista' jagħti d-dettalji ta' fejn jinsabu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi Transport Malta approvat 47 bus shelters għat-twaħħil, li d-dettalji taghhom qegħdin jiġu impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn dawn il-bus shelters ġew mitluba 43 permess mingħand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar illi minnhom diġà ġew approvati 42 bus shelter. Dawn ix-shelters għad iridu jiġu installati. Wara illi ltaqgħet ma’ diversi kunsilli lokali, Transport Malta qegħda fi stadju li tevalwa numru ta’ talbiet oħra għal twaħħil ta’ bus shelters.

Triq il-Kosta — studju fuq it-traffiku

Question

Billi riċentement kienet approvata bidla fil-pjanta tat-Triq il-Kosta fejn din l-istess triq tgħaqqad mad-dħul/ħruġ mill-Magħtab għal Triq il-Kosta, jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar jekk sarux studji dwar it-traffiku, dwar kif din il-bidla se taffettwa partijiet oħra tat-traffiku matul il-Kosta, u b'mod partikulari kif din l-istess bidla fil-pjanta se taffettwa t-traffiku li minn u lejn in-Naxxar jikser ħdejn is-Salina (il-junction li tgħaqqad Triq il-Kosta mad-direzzjoni tat-traffiku lejn in-Naxxar)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-permess tat-twessiegħ tas-Salina Coast Road il-junction ta’ Qalet Marku kienet waħda mir-reserved matters tal-Mepa minħabba li l-istess Mepa nfurmat lit-Transport Malta illi din hija żona ambjentalment sensittiva ħafna. Għalhekk għandu jkun hemm revizjoni tad-disinn biex tittieħed inqas art mill-madwar tal-istess junction in- kwistjoni. Wara diversi diskussjonijiet mal-Mepa u riferenza mal-istandards tat-toroq, id-disinn li ġie aċċettat mill-Mepa kien wieħed ta’ T-junction li jippermetti dħul u ħruġ tat-traffiku għal fuq il-karreġġjata li tagħti għal San Pawl il-Baħar. Minħabba li din il-junction qiegħda wkoll f’ kurva, biex tiġi mħarsa s-sigurta’ tat-traffiku li juża l-istess junction is-central strip li tisseppara ż-żewġ karreggjati hemm bżonn li tibqa kontinwa fit-tul tal-istess triq. Għalhekk id-dħul u l-ħruġ minn u għall-karreġġjata li tagħti għal San Ġiljan ser ikun permezz tal-użu ta’ żewġ roundabouts, u cioe’ r-roundabout li ser tkun l-aċċess il-ġdid għas-sit tal-Wasteserv u r-roundabout ta’ Baħar iċ-Ċagħaq.

Transport Malta — Bypass ta' San Pawl il-Baħar - talbiet għall-parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta irċevitx talbiet partikolari biex matul il-bypass ta' San Pawl il-Baħar jibdew jiġu pparkjati vetturi jew trailers? Jekk iva minn min saret u meta? Jista' jagħti tagħrif dwar x'pożizzjoni ħadet Transport Malta dwar dan is-suġġett?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li, minn riċerka li saret fl-arkivji tal-Awtorità tat-Trasport, irriżulta li ma kien hemm l-ebda talba għall-ipparkjar ta' vetturi kbar fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar.

Tibdil fl-iskeda tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif inhi differenti, din is-sena l-iskeda tat-trasport pubbliku li qiegħda titlaq minn xi venda fil-limiti tal-Mellieħa, biex tkun tista' twassal passiġġieri li jridu jieqfu x'imkien f'San Pawl il-Baħar u viċi versa? Kif ittieħdu d-deċiżjonijiet li jkun hemm dawn il-bidliet, u x'tip ta' diskussjoni kien hemm mal-kunsilli lokali rispettivi biex dawn il-bidliet setgħu jseħħu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskeda tas-servizz tat-trasport pubbliku tinbidel għall-perjodu tas-sajf, fejn tiżdied il-frekwenza fuq ċertu rotot. Għalkemm l-iskeda tas-Sajf għadha ma daħlitx fis-seħħ, xorta waħda kien hemm żieda fil-frekwenza fuq ir-rotot biex jaqdu il-lokalitajiet imsemmija.

San Pawl il-Baħar – Bus Shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjonijiet li f’San Pawl il-Baħar fiż-żona tal-ground tas-Sirens FC, minflok bus shelter normali tpoġġew kanen b’hard board fuqhom fuq il-bankina li qegħdin jikkawżaw periklu u nuqqas ta’ passaġġ adegwat għall-pubbliku in ġenerali, l-aktar għall-persuni bi bżonnijiet speċjali u ġenituri li jkunu għaddejjin minn fuq l-istess bankina bil-pushchairs? Jista’ jara li dan il-perikolu jitneħħa b’mod immedjat u jitpoġġa bus shelter li jirispetta lill-pubbliku in ġenerali (Maltin u turisti) li jagħmlu użu minn dan il-bus stop?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li talbiet fuq diversi il-bus shelters f’ dawn l-inħawi turistiċi saru sa mill-2010 permezz ta’ Mistoqsijiet Parlamentari u talbiet oħra mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Minn investigazzjoni li ikkummisjonat Transport Malta fuq dawn l-istrutturi li twaħħlu preżentament irriżulta li għalkemm dawn ma naqqsux mill-aċċessibiltà fuq l-istess bankina, jirriżulta li l-standards kif stipulati fil-policy ta’ Transport Malta f’dan ir-rigward ma ġewx osservati. Fit-30 ta‘ Ottubru 2013 Transport Malta għamlet sight visit biex tara il-possibbilta’ illi jiġi installat bus shelter fl-istess inħawi, però minħabba li m’hemmx spazju biżżejjed fuq il-bankina kif ukoll minħabba li l-layout tat-triq ma tippermettix, ma kienx possibbli li jiġi installat bus shelter. Transport Malta qegħda tesplora possibilitajiet oħra f’dan ir-rigward.

Rotta X7

Question

Filwaqt li napprezza li x-xogħol li sar fuq ir-rotta X7, jista' l-Ministru jara li r-rotta X7 tieqaf ukoll quddiem il-ħabs ta' Raħal Ġdid fejn diġà jeżisti stage?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9926.

Dipartiment tal-Cleansing — ħaddiema ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' ħaddiema li huma ngaġġati fit-tindif (Dipartiment tal-Cleansing) li ġew mogħtija xogħol fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Dawn l-istess ħaddiema jista' jagħti tagħrif dwar jekk għandhom makkinarju li qed juża waqt it-twettiq ta' xogħlhom? X'tip ta' makkinarju qed jużaw? Minbarra hekk jista' jagħti tagħrif dwar f'liema toroq qed iwettqu xogħol dawn l-istess ħaddiema?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema assenjati fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar huma kif ġej : 2 ħaddiema li se jaħdmu minn 12.00pm ‘l quddiem li jiġbru l-iskart kollu li jkun depożitat kif ukoll jitbattlu kontenituri tal-iskart; 6 ħaddiema li se jaħdmu minn 12.00pm ‘l quddiem li jagħmlu xogħol ta’ knis manwalment; 2 ħaddiema li se jaħdmu minn 7.00pm ‘l quddiem li jiġbru l-iskart kollu li jkun depożitat kif ukoll jitbattlu kontenituri tal-iskart; 4 ħaddiema li se jaħdmu mis-7.00pm ‘l quddiem li jagħmlu xogħol ta’ knis manwalment; Apparti dan, il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar qiegħda tibbenifika wkoll minn programm ta’ ħasil ta’ toroq li jinbeda mis-1.30am ‘l quddiem. Il-makkinarju li qiegħed jintuża huma vetturi li jiġbru l-iskart kif ukoll vannijiet. Jintuża wkoll bowser tal-ilma. Ix-xogħol qiegħed isir fit-toroq u fiż-żoni li ġejjin: Il-promenade kollha ta’ San Pawl il-Baħar , Buġibba u Qawra (minn ħdejn l-iskola sa’ ħdejn il-lukanda Suncrest) Pjazza ta’ Buġibba u żona pedonali madwar il-pjazza Triq il-Pijunieri Triq it-Turisti Żona tal-Bus Terminus – Buġibba

Transport Malta — Customer Care Office / Executive

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 9537, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija u jgħid x'inhi r-remunerazzjoni inkluż allowances u perkaċċi oħra li qed tieħu din il-persuna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn iktar x’inżid mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 9537.

Transport Malta — monitoraġġ

Question

B’referenza għat-tweġibiet li ngħataw f’mistoqsijiet parlamentari 8540 u 9526, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-kuntratt ma ġiex estiż fid-dawl li kien hemm provvediment li dan seta jiġi mġedded u Transport Malta xorta qed tagħmel użu mis-servizzi ta’ din il-kumpanija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt imsemmi ma kienx ġie estiż mill-ewwel minħabba l-fatt li Transport Malta kienet qiegħda tevalwa l-ħtiġijiet li għandha fir-rigward ta’ moniteraġġ fuq it-trasport pubbliku. Infurmat ukoll li fil-frattemp dan l-istess kuntratt ġie estiż sa’ Novembru 2014.

Raħal Ġdid — Problema ta' traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament f'isem ir-residenti ta' Paola Hill Paola, minħabba l-problema tat-traffic lights li qed joħolqu inkonvenjent?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li uffiċċjali mill-Awtorità tat-Trasport għamlu kuntatt mar-residenta u rriżulta li hemm problema ta' ilma tax-xita u għaldaqstant l-Awtorità qed tinvestiga x'jista' jsir.

Vetturi tas-servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid preżentement kemm hu n-numru ta' vetturi li qed jagħtu servizz ta' trasport pubbliku bi skeda? Kemm minn dawn il-vetturi huma mgħammra b'ticketing machines u kemm vetturi għandhom sistema ta' arja kkundizzjonata li qed taħdem?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li fil-ħinijiet peak tal-ġurnata qed ikun hemm bejn 297 u 307 vetturi sabiex jipprovdu servizz tat-trasport pubbliku bi skeda. L-ammont ta’ vetturi li jkun hemm jiġi determinat skont id-domanda li jkun hemm għas-servizz. Infurmat ukoll li l-vetturi li huma proprjetà tal-Malta Public Transport, inklużi dawk li ġew mikrija minn barra minn Malta mill-istess kumpanija, huma mgħammra b’ticketing machines. Mill-banda l-oħra l-vetturi li huma subcontracted m’humiex qegħdin jużaw ticketing machines u minflok fuq dawn il-vetturi qed jinbiegħu biljetti tat-tip Scratch Cards, kemm ta’ ġurnata kif ukoll ta’ sebat ijiem. Il-vetturi kollha li qegħdin jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku huma mgħammra b’sistema ta’ arja kkundizzjonata li qiegħda taħdem.

Parkeġġ – policy nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-pjanijiet biex ikun hawn policy nazzjonali dwar il-parking, issa li għaddew diversi xhur minn mindu ssemmiet mill-istess Ministru? Jista’ jagħti tagħrif dwar min fassal din l-istess policy, u meta hu mistenni li din il-policy tiġi ppublikata, u iktar importanti tibda tiġi mħaddma? Minn liema lokalitajiet hu mistenni li tibda titħaddem din l-istess policy, u kemm hu mistenni li jinħolqu spazji b'riżultat tagħha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet dwar it-tfassil tal-polza l-ġdida dwar il-parkeġġ waslu fl-aħħar parti tal-konsultazzjonijiet esterni mal-entitajiet ikkonċernati. Din il-polza ġiet imfassla mid-Direttur tal-Immaniġġjar tat-Traffiku fuq bażi ta' konsultazzjonijiet interni u esterni. Il-polza għandha tiġi mnedija fil-ġimgħat li ġejjin u suċċessivament tiġi mħaddma. Il-polza hija waħda ġenerali li tkopri l-irħula kollha ta' Malta u għalhekk ma hemmx prijorità ta' lokalitajiet. Il-polza mhux qed tiffoka fuq in-numri ta' parkeġġi iżda tiffoka fuq il-massimizazzjoni tal-użu tal-parkeġġi eżistenti u tipprimwovi l-użu ta' mezzi alternattivi ta' trasport.