Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorita' dwar it-trasport — Reserved parking spaces

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk l-awtorita' dwar it-trasport waħedha tagħtix jew tneħħix reserved parking spaces jew huwiex il-kunsill lokali tal-post li jikteb biex dawn jitneħħew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Meta l-awtorita' dwar it-trasport ta' Malta tirċievi rakkomandazzjoni minn xi kunsill lokali jew minn individwi rigward xi abbużi tas-servizzi tar-reserved parking, il-bord għar-reserved parking għall-persuni b'diżabilita' jevalwa dawn ir-rakkomandazzjonijiet u tittieħed l-azzjoni meħtieġa.

Ħal Qormi — Culvert

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4060, jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar culvert li għaddej minn taħt il-bini ta' toroq l-20 ta' Jannar, Ġorġ Borg u Mifsud Ellul, f'Ħal Qormi? Hemm xi rimedji proposti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi d-dipartiment tat-toroq għamel l-ispezzjonijiet meħtieġa u hemm diversi proposti li qed jiġu evalwati.

Isla — Moll li hemm fix-xatt

Question

Jista' il-Ministru jagħti tagħrif dwar il-passi li qed jittieħdu biex jiġu rranġati l-ħsarat strutturali li ġarrab il-moll fix-Xatt ta' l-Isla? Jista' jagħti indikazzjoni meta se jibda dan ix-xogħol u meta beħsiebu jitlesta issa li ġej is-sajf, u dan meta dan il-post huwa l-uniku post ta' sfog għaċ-ċittadini tal-Kottonera?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirriferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Mellieħa — Triq Għar u Casa

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir Triq Għar u Casa fil-Mellieħa għax bħalissa tassew hi għarukaża għal min jgħix hemmhekk?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Kumitat li jiġġudika t-tenders — Protokoll ma l-Italja

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn min hu iffurmat il-kumitat li qiegħed jaġġudika t-tendersgħal xogħol ta' toroq li se jsir skond il-protokoll ma l-Italja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi l-kumitat hu ffurmat minn: Mr. Anthony Pavia - Chairman Dr. Marc Bonello - Member Mr. Anton Spiteri - Member Mr. Carmel Zammit - Member Mr. Angelo Mallia - Secretary

Protokoll Taljan — Bini ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-aġġudikazzjoni ta' l-offerti għal bini ta' toroq li se jiġu ffinanzjati mill-Protokoll Taljan? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-parti tal-Protokoll Taljan li tirrigwardja t-toroq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi l-kumitat lesta rapport ta' l-evalwazzjoni teknika u finanzjarja ta' l-offerti għal dan ix-xogħol. Hu ppjanat li dawn it-tenders jiġu aġġudikati sa l-aħħar ta' dan ix-xahar.

Raħal Ġdid — Triq Cospicua - bozoz

Question

Jista' il-Ministru jara li l-bozoz li twaħħlu fi Triq Cospicua Raħal Ġdid jinżebgħu peress li huma kollha msadda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jgħaddi din il-mistoqsija lill-ministru konċernat.

Laboratorju għall-ittestjar tax-xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala l-laboratorju għall-ittestjar tax-xogħlijiet fit-toroq fi ħdan id-direttorat tat-toroq li twaqqaf xi snin ilu bi spiża konsiderevoli, sal-lum għadu mhux jitħaddem b'mod regolari?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi l-awtorita' dwar it-trasport, li llum hi responsabbli għad-direttorat tat-toroq, ħadet il-passi neċessarji għall-impjieg ta' nies kwalifikati biex jaħdmu bħala laboratory technicians f'dan il-laboratorju. Dawn il-laboratory technicians se jkunu mpjegati fil-futur qarib.

Reġistrazzjoni ta' vetturi ġodda

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4334 dwar reġistrazzjoni ta' vetturi reġistrati ġodda, jista' il-Ministru jirrispondini għax-xahar ta' Frar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi n-numru ta' vetturi reġistrati ġodda għax xahar ta' Frar 2004 huwa ta' 556.

San Pawl il-Baħar Bypass

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4412, jista' il-Ministru jikkonsidra li l-ħitan li jinbnew taħt it-triq isiru bis-sistema tal-gabjun li ntużat fiċ-Chadwick Lakes ħalli jsir inqas impatt fuq l-ekoloġija u s-sistema idioloġika ta' l-inħawi li jikkawża l-konkos u l-ġebel tal-franka?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Għaddejt l-ideja mressqa mill-Onor. Interpellant lill-Awtorita' dwar it-Trasport biex din tkun tista tiġi kkunsidrata meta l-proposti għal dan ix-xogħol ikunu qedgħin jitfasslu.

Design Resources — Periti

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 25920 tal-15.05.01 li kienet ġiet imwieġba nhar it-30/05/01, jista’ il-Ministru jgħid min huma l-periti li joperaw id-ditta Design Resources?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, u t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Mellieħa — Pelican lights

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsiru l-pelican lights fit-triq ewlenija tal-Mellieħa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li hemm 3 Pelican Lights li qed isir xogħol fuqhom fil-Mellieha u fil-preżent għaddej ix-xogħol fuq tnejn minn dawn, dik ta' Main Street u l-oħra fil-Bajja tal-Mellieha. Dan ix-xogħol qed isir mill-Electronics Section tad-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Servizzi tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet fuq inkarigi separati ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali.

Bini ta' toroq ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid ma' liema kunsilli lokali d-dipartiment tat-toroq għandu l-ħsieb li jidħol bi sħab u b'finanzjament komuni għal-bini ta' toroq ġodda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi diversi kunsilli qegħdin fil-proċess li jagħmlu l-proposti tagħhom biex jiġu nklużi f'dan il-program ta' ftehim. L-Awtorita` dwar it-Trasport għandha ħsieb tidħol f'dawn il-kuntratti ma' dawk il-kunsilli li jaslu biex jiffinalizzaw proposti għal dan il-għan.

Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura — Kiri ta' vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għall-kirjiet ta' karozzi, vannijiet u vetturi oħra matul Jannar u Frar ta' din is-sena tal-ministeru preċedenti taż-Żgħażagħ u Kultura u d-dekasteri li kienu jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-istess nefqa s-sena l-oħra, 2003?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.

Ħ'Attard — Skola Thai Lakin - immaniġjar tat-traffiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk għandux talbiet biex tiġi rranġata s-sitwazzjoni tat-traffiku li jkun hemm waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal ta' l-iskola tat-Thai Lakin f'Ħ'Attard? Jista' jgħid x'inhuma dawn it-talbiet u jekk l-awtorita' dwar it-trasport taqbilx magħhom? Jekk fil-pożittiv, meta se jitwettqu u jekk fin-negattiv, x'inhuma l-proposti ta' l-esperti ta' l-awtorita'? Jaf il-Ministru li r-resdienti tat-toroq ta' madwar l-iskola qed ikollhom diversi problemi u l-ġenituri tat-tfal li jwasslu l-uliedhom l-iskola mhux qed ikollhom fejn jipparkjaw biex iwasslu l-uliedhom l-iskola?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta irceviet diversi talbiet dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku li qed jirreferi ghaliha l-Onor. Interpellant, fosthom li tingħalaq it-triq fil-ħinijiet tad-dħul u ħruġ ta' l-iskola. Peress li Triq Żebbuġ hija triq distributorja, l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta ma setgħatx tilqa' din it-talba, għax m'hiex il-policy ta' l-Awtorita' li jingħalqu toroq arterji u distributorji għal dan il-għan. Madankollu l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta ħadet diversi miżuri biex tittaffa is-sitwazzjoni u ttejjeb is-sigurta' tat-tfal ta' l-iskola fosthom, l-implimentazzjoni tal-pelican crossing, it-tpoġġija ta' guard rails u l-irranġar tas-sinjali tal-parkeġġ quddiem l-iskola.

Ħ'Attard — Triq Santa Katerina - pelican light

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 227, jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' twaħħil ta' pelican light fi Triq Santa Katerina, Ħ'Attard kenitx inkluża f'tender biex issir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi fil-ġranet li ġejjin mistennija toħroġ it-tender sabiex tkun tista’ issir l-istallazzjoni tal-pelican crossing imsemmija mill-Onor. Interpellant.

Direttorat għall-Immanigjar tat-Traffiku — Ħ'Attard

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Direttorat għall-Immanigjar tat-Traffiku għadu ma awtoriżżax post riservat għall-użu tal-minibus li twassal lit-tfal għad-duttrina fi Triq Ħal Warda f'Ħ'Attard? Jista' l-Ministru jitlob lid-Diretorat biex malajr kemm jista jkun, minħabba l-fatt li Triq Ħal Warda hi triq perikoluża u traffikuża u jkun hemm parking matul it-Triq kollha u li jagħmilha difficli jekk mhux impossibbli li l-minibus iwassal u jwaqqaf lit-tfal viċin ta’ Dar it-Tagħlim Nisrani, jordna li jsir dan il-post riservat? Ma jaħsibx il-Ministru li parking temporanju għall-minibus fil-ħin tad-duttrina jagħmel dan l-ambjent għat-tfal aktar san u sikur?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Awtorita dwar it-Trasport ta' Malta qed tagħmel evalwazzjoni tal-permessi li nħarġu u qed tinvestiga każijiet ta' reserved parking illegali - fosthom fiż-żona li semma l-Onor. Interpellant. L-Awtorita tikkonsidra kull talba li taqa' taħt l-ambitu tal-linji ta' gwida tagħha. Irrid inżid ukoll illi l-Awtorita dwar it-Trasport ta' Malta qed tara kif tista' toħloq rotot aktar sikuri għat-tfal li jattendu l-iskejjel, kemm akkademiċi u kemm dawk reliġjużi. Sadanittant tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għall-immaniġġjar tat-Traffiku biex jevalwa din il-proposta.

Triq is-Siġġiewi — Irranġar ta' toroq

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2541 jista' l-Ministru jikkonferma li Triq is-Siġġiewi, li minn Ħaż-Żebbuġ twassal għas-Siġġiewi, ser tiġi rranġata mill-fondi tal-Ħames protokoll finanzjarju ma' l-Italja? Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu ppjanat li tiġi l-ispiza u meta se jibda x-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi s-sejħa għall-offerti biex jitwettqu x-xogħlijiet taħt il-Ħames Protokoll Taljan kienet tinkludi x-xogħol li hu meħtieġ fi Triq is-Siġġiewi. Peress li l-offerti li ntefgħu għadhom qegħdin jiġu evalwati, għadu mhux possibli li tingħata l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari.

Dipartiment tat-toroq — RD85/2000

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2460 jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-ħlas dovut fil-każ RD85/2000?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita dwar it-Transport qiegħda mixja bil-każ biex ikun iffinalizzat malajr kemm jista jkun.

Programm ta' ħidma — Żvilupp Urban

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi il-politika u il-programm ta' ħidma għas-sena 2004 fil-qasam ta' Żvilupp Urban?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-politika u il-programm ta' ħidma għas-sena 2004 fil-qasam ta' Żvillup Urban jikkonsisti fi tkomplija ta' proġetti li kienu diġa nbdew. Fost dawn il-proġetti hemm il-proġett tal-Kottonera, il-proġett ta' Manoel Island u Tigne', il-proġett tal-Cruise Passenger Terminal u l-proġett tal-lift tal-Barrakka. Wieħed irid iħares ukoll lejn iż-żoni l-aktar kritiċi, speċjalment il-Belt Valletta u il-Kottonera. Dan il-programm qiegħed jiġi mfassal u hekk kif jiġi żvillupat inkunu nistgħu nagħtu iktar dettalji.