Legislature:
Category:
Reset
Active:

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuni li jbatu bil-marda ta' l-iskizofrenija jistgħux jieħdu xi tip ta' benefiċċju soċjali peress li huwa diffiċli għalihom li jsibu xogħol? X'tip ta' benefiċċju huma ntitolati għalih?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuni li jbatu bil-marda ta' l-iskiżofrenija u jissodisfaw it-test tal-meżżi relatat, jistgħu jikkwalifikaw għall-Għajnuna għal Mard. Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jħallas diversi benefiċċji, kemm kontributorji u kemm mhux kontributorji, li l-persuna kkonċernata tista' tkun intitolata għalihom jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta magħhom. Huwa għalhekk issuġġerit li l-persuna tirrikorri għand l-Uffiċċjal Distrettwali tad-Dipartiment inkarigat mill-Customer Care jew fl-Uffiċċju Distrettwali tal-lokal tagħha fejn tinghata parir dwar liema benefiċċji jistgħu japplikaw fil-każ tagħha..

SVPR — Anzjana

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jsir assessment tal-każ ġenwien ta' anzjana li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, sabiex tidħol l-SVPR peress li qiegħda tgħix waħedha u bla support u għandha dementia?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-applikazzjoni tal-persuna msemmija waslet fir-Residenza ta' San Vinċenz fit-12 ta' Diċembru 2000. Il-każ ġie ttrattat mill-Admission Board u ġiet imqiegħda fil-lista skond il-priorita' li jimmeritha.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li ssir ġustizzja mal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija li twaqqfitlu l-għajnuna soċjali u l-SKA meta din il-persuna għandu familja ta' ħamsa u qiegħed jirċievi biss Lm127.00? Tista' l-familja tingħata spjegazzjoni bil-miktub?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Djar — Sussidji

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-Awtorita' tad-Djar se toħroġ l-Lm40.74ċ sussidju (Skema J) għas-sena 2000 fuq il-kera tal-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond l-Iskema J, il-ħlas tas-sussidju fuq il-kera jsir kull sitt xhur b'lura mid-data ta' l-applikazzjoni wara li l-applikant jipproduċi kopja ta' l-irċevuta tal-ħlas tal-kera. Ninsab infurmat li, bi svista, fil-11 ta' Diċembru 1998 l-Awtorita' tad-Djar ħallset lill-persuna ndikata s-sussidju għal perijodu bejn Settembru 1998 u Awissu 1999, u fl-14 ta' Jannar 2000 l-Awtorita' ħallset is-sussidju għall-perijodu bejn Settembru 1999 u Awissu 2000. Biex l-Awtorita' tad-Djar tiġi konformi mal-kundizzjonijiet ta' l-imsemmija Skema, il-pagament li jmiss ser isir fl-1 ta' Marzu 2001 u dan ikun ikopri l-perijodu bejn Settembru 2000 u Frar 2001.

Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fid-dawl tal-mistoqsija parlamentari nru. 21738, huwiex possibbli li l-ETC jew xi dipartiment ieħor tal-Ministeru jagħti l-informazzjoni dwar in-numru ta' ħaddiema involuti fil-materja tal-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa għidt fit-Tweġiba Numru 21738, l-informazzjoni mitluba tista' tingħata mid-dipartiment tat-Taxxi Interni u għalhekk din id-domanda għandha tiġi magħmula lill-Ministru kkonċernat.

Ċens fuq raba'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk iħossx li l-policy tal-Gvern fejn f'ċerti każi u ċirkostanzi jgħolli l-ħlas taċ-ċens tar-raba tal-bdiewa, bħal fil-każ ta' l-inħawi tal-Qammieħ, l-Mellieħa, minn Lm 1.00 t-tomna għal Lm 125 t-tomna hija inġusta? Jista' jara li dan il-ħlas li qed jintalab mill-bdiewa ta' l-inħawi tal-Mellieħa jiġi rivedut?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Servizz Ċivili — Principal Officer

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmana bl-iżviluppi ta' mistoqsija parlamentari nru. 21564?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata kienet trasferita għal Dipartiment ieħor f'Jannar 1996 u r-rekords tagħha mxew magħha. Peress li d-Dipartiment fejn ġiet trasferita ma jaqgħax taħt ir-responsabbilita' tal-Ministeru tiegħi nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Working Permits — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema barranin li talbu l-working permit u m'ngħatalhomx matul dawn l-aħħar sentejn, 1999 u din is-sena? X'sengħa kellhom u minn liema pajjiżi kienu ġejjien dawn l-applikanti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Lukanda Verdala — Permess tax-Xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid l-20 ħaddiema barranin li qed jaħdmu fuq il-proġett tal-lukanda Verdala humiex koperti mill-permess tax-xogħol f'pajjiżna? Meta saret l-aħħar spezzjoni mill-ETC fuq dan il-post u kemm huwa n-numru ta' ħaddiema Maltin li qed jaħdmu fuq dan il-proġett barra l-ħaddiema tat-trakkijiet? Għal kemm żmien se jdumu jaħdmu dawn il-ħaddiema barranin fuq il-proġett tal-lukanda Verdala u x'inhija s-sengħa tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Waqt spezzjoni li saret riċentament fuq is-sit tal-proġett tal-lukanda Verdala kien hemm total ta' 17-il ħaddiem fuq il-post tax-xogħol. Ħamsa minn dawn il-ħaddiema huma barranin u huma koperti minn permess tax-xogħol. Is-sengħa ta' dawn il-ħaddiema huwa kif ġej: Iron Bender 1 Shutterers 5 General Duties 4 Drivers 3 Steel Fixer 1 Builders 2 Carpenter 1 Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ mhix responsabbli għall-ħruġ ta' permessi tax-xogħol lill-barranin.

Social Welfare — Minority Report

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li r-rapport tal-kummissjoni dwar is-social welfare li kellu jiġi ppubblikat sa tmiem is-sena l-oħra għadu ma ġiex ippubblikat? Kien hemm qbil dwar il-konkluzjonijiet tiegħu? Ser jkun hemm xi minority reports?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Welfare Reform, li kien mistenni jitlesta sa l-aħħar tas-sena 2000, għadu mhux finaliżżat u għalhekk mhux il-każ li wieħed jispekula dwar il-konklużjonijiet tiegħu.

Bolla ta' l-NI — Ħlas

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li fil-mument qed iħallsu l-bolla ta' l-NI għaliex d-dħul tagħhom jaqbeż t-Lm390 f'imgħaxijiet jew dħul ieħor fis-sena, iżda m'humiex ħaddiema full-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm il-ġbir, kif ukoll l-infurzar tal-ħlas, tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali kien għadda f'idejn il-Kummissarju tat-Taxxi Interni fl-1998. Għaldaqstant din l-informazzjoni għandha tintalab mingħand il-Ministru kkonċernat.

Tfal — Trawma, Ansjeta' u Depression

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li batew minn trawma, minn ansjeta', jew minn depression matul dawn l-aħħar 10 snin, sena b'sena u skond l-etajiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika, mid-dipartimenti jew entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, kif mitluba mill-Onor. Intepellanti.

Impjiegi — Ftehim Kollettiv

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari nru. 22082 li oriġinarjament kienet saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe’ rigward il-ftehim kollettiv il-ġdid taċ-Ċivil, jista' jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull skala?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Mpjiegi — Part-Time

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħolqu mpjiegi part-time ta' rġiel u nisa (separati) matul is-snin 1990, 1991, 1992, 1993, 1994, 1995, 1996, 1997, 1998, 1999 u sa l-aħħar ta' Settembru 2000? Jekk hu possibli jagħti informazzjoni f'liema settur ekonomiku nħolqu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba għall-perijodu bejn Diċembru 1999 u Settembru 2000, skond is-setturi ekonomiċi. Din l-informazzjoni ma kenitx tinġabar b'dan il-mod qabel l-1999.

Djar — Kunsill Lokali

Question

B'referenza għad-domanda parlamentari nru. 11598, jista' l-Viċi Prim Ministru jindika s-servizz previst li jingħata mill-Awtorita' tad-Djar fil-Kunsilli Lokali ta' Bormla, l-Birgu, Senglea u Kalkara tul is-sena 2001?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Impjiegi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' nies li bħalissa qed jaħdmu xogħol part-time bħala x-xogħol prinċipali tagħhom? X'inhu in-numru ta' nies li minbarra ix-xogħol fulltime qed jagħmlu xogħol part-time wkoll? F'kull każ liema huwa x-xogħol prinċipali li qegħdin jagħmlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li f'Novembru kellhom xogħol part-time bħala x-xogħol prinċipali kien 18,598, filwaqt li n-numru ta' dawk li kellhom xogħol kemm part-time u full-time kien ta' 17,758. Tajjeb li nfakkar lill-Onor. Interpellant li dawk li għandhom xogħol part-time bħala x-xogħol prinċipali ma jidħlux fil-kalkolu tal-Gainfully Occupied Population (GOP). Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.

Persuni b'diżabilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 22027?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni b'diżabilita' li kienu qiegħdin jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Novembru 2000 kien ta' 299 li minnhom 44 kienu nisa u 255 kienu rġiel. Il-kumplament ta' l-informazzjoni jiġifieri l-eta', minn liema lokalita' u t-tip ta' xogħol li għalih qiegħdin jirreġistraw jidher fit-tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tas-Sigurta' — Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm instabu każijiet mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ta' persuni li tħallsu benefiċċji soċjali iżjed milli kienu ntitolati minħabba żbalji min-naħa tad-dipartiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika bl-informazzjoni mitluba.