Legislature:
Category:
Reset
Active:

OPM — Infiq ta' flus fuq kiri ta' karozzi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm intnefaq fuq kiri ta' karozzi mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u mill-entitajiet pubbliċi li huwa responsabbli għalihom u li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fis-snin 2002, 2003 u 2004 s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru l-informazzjoni mitluba.

Dipartiment tat-taxxi interni — Każ dwar kont tat-taxxa

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qed tiġi mitluba tħallas lid-dipartiment tat-taxxi interni Lm384 meta din ilha ma taħdem għal aktar minn sentejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jinforma lill-persuna kkonċernata li għandha tmur it-Taxpayer Service tad-Dipartiment fi Blokk 8, il-Floriana, biex tkun informata x’għandha tagħmel biex tirregolarizza l-pożizzjoni tagħha.

Taxxa tad-dħul — Dipartiment tat-taxxi nterni

Question

Kemm daħħal taxxa tad-dħul extra il-Gvern minn mindu tneħħiet il-priskrizzjoni fuq il-kontijiet pendenti mad-dipartiment tat-Taxxi Interni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistax tinġabar.

Dipartiment tad-Dwana — Każi ta' kuntrabandu

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każi ta' kuntrabandu reġistrati mid-dipartiment tad-dwana fil-portijiet, eċċ. matul l-ewwel ħames xhur tas-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ każi ta’ kuntrabandu reġistrati mid-Dipartiment tad-Dwana fil-portijiet, eċċ matul l-ewwel ħames xhur tas-snin 2000 sa l-2004, huma kif ġejjin: Sena 2004 66 każ Sena 2003 33 każ Sena 2002 64 każ Sena 2001 65 każ Sena 2000 75 każ

Servizz Ċivili — Tiġdid ta' leave minn sena għal oħra

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk impjegat tal-gvern li ma jkunx ħa l-leave tas-sena l-oħra kollu, jintirietx għal din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li paragrafu 4.2.4. tal-Public Service Management Code jawtorizza lil Kap tad-Dipartiment jagħti permess lil impjegat tal-Gvern biex jgħaddi vacation leave mhux użat matul is-sena għas-sena ta’ wara. Għalkemm dan il-paragrafu ma jagħmilx limitu fuq kemm ġranet mill-vacation leave jistgħu jintirtu minn sena għall-oħra, wieħed irid jara l-bżonnijiet tas-servizz, u ċ-ċirkustanzi tal-każ parikulari.

Servizz Pubbliku

Question

Fid-dawl li l-Unjoni Ewropea għandha kodiċi ta' etika maħruġ mill-Ombudsman ta' l-Unjoni Ewropea għall-istituzzjonijiet ta' l-istess Unjoni, jaqbel il-Prim Ministru li l-Ombudsman jista' jiġi mitlub jagħmel draft lill-Parlament Malti dwar kif il-membri tas-servizz ċivili għandhom iġibu ruħhom mal-pubbliku sew meta jkollhom inkontru personali kif ukoll meta jkunu qed jittrattaw u/jew iwieġbu korrispondenza?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Diġà jeżistu struzzjonijiet dwar kif uffiċjali pubbliċi għandhom iġibu ruħhom mal-pubbliku. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant lejn il-Kodiċi ta’ l-Etika għall-Impjegati fis-Settur Pubbliku, li nħareġ fl-1994. Il-Kodiċi huwa riprodott bħala skeda fl-abbozz ta’ l-Att dwar is-Servizz Pubbliku li ġie ppublikat bħala white paper f’Ottubru ta’ l-2003. Istruzzjonijiet iżjed dettaljati jinsabu fiċ-Ċirkulari nru 3/2001 maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fit-22 ta’ Jannar 2001. Din iċ-ċirkulari tirriproduċi wkoll linji gwida li nħarġu mill-Ombudsman dwar kif għandu jingħata servizz b’mod sew, ġust u mparzjali.

Taxxi Interni — Kontijiet tat-taxxa ta' l-income

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li issa qed jintbagħtu kontijiet tat-taxxa ta’ l-income għas-snin 1995/96/97? Kemm-il kont intbagħat? X'inhi s-somma totali li trid tinġabar għal dawn is-snin separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kontijiet tat-taxxa fuq l-income għas-snin imsemmija fl-Interpellanza u għal snin oħra preċedenti jibqgħu jintbagħtu sakemm ikunu pproċessati kollha dawk il-formoli li għandhom ma ntbagħtux u oħrajn li qegħdin jinħadmu. Mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena ħarġu 3,839 kont għas-snin ta’ qabel l-1998. Minħabba li s-sistema tal-year by year accounting għal dawn is-snin ma kienitx għadha introdotta, l-ammont attwali ta’ taxxa għal dawn il-kontijiet ma jistax ikun iddeterminat.

AFM — Staff Sergeant

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'tip ta' investigazzjonijiet qed isiru fuq staff sergeant li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Dwar xiex qegħdin isiru? Fejn waslu dawn l-investigazzjonijiet? X'konklużjonijiet irriżulta minnhom? X'passi se jittieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-Forzi Armati qed jinvestigaw allegazzjoni li dehret f’ġurnal lokali xi ġranet ilu. L-investigazzjoni għadha sejra.

Dipartiment tat-taxxi interni — Employers li waqgħu lura fil-ħlas ta' bolla

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawn azjendi kummerċjali li waqgħu lura fil-ħlasijiet tal-bolla ta' l-impjegati tagħhom u jagħti breakdown ta' kemm dawn jimpjegaw ħaddiema kull wieħed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella mehmuża.

Internal Audit Investigative Directorate — Uffiċjali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid xi vjaġġi f'pajjiżi oħra għamlu matul din is-sena l-uffiċjali li jaħdmu mal-Internal Audit Investigative Directorate li jaqa' taħtu? Liema uffiċjali siefru, kemm siefru u fejn marru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Irrid ngħid li naħseb li la huwa xieraq u lanqas huwa meħtieġ li nipprovdi wkoll informazzjoni dwar l-ismijiet ta’ dawk l-uffiċjali li kienu nvoluti f’dawn il-vjaġġi. Inżid ukoll li l-parti l-kbira ta’ l-ispiża għal dan is-safar uffiċjali ġiet iffinanzjata minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea.

Prodotti ta' ikel u xorb f'kontenituri tal-ħġieġ — Ħlas ta' taxxa

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fuq liema prodotti ta' ikel u xorb f'kontenituri tal-ħġieġ impurtati mill-pajjiżi l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea hemm il-ħsieb li tidħol taxxa fuq il-ħġieġ? B'liema rata se tkun din it-taxxa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 5957 f’din is-seduta.

Kuntratturi Taljani — Użu mill-protokoll Taljan

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 5834, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk f'każ ta' offerti pubblikati qabel l-1 ta' Mejju, 2004 iżda li se jagħlqu wara din id-data, jistgħux japplikaw għalihom kuntratturi minn kull pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ ta’ offerti pubbliċi li s-sejħa għalihom saret fil-Gazzetta tal-Gvern u/jew fl-Official Journal ta’ l-Unjoni Ewropea qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li jagħlqu wara din id-data, jista’ jikkompeti kull offerent interessat minn kull pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dwana — Outside Broadcasting Unit

Question

Jikkonferma l-Prim Ministru li l-Outside Broadcasting Unit (OBU) miġbur mid-dwana jinsab mitluq fil-miftuħ bil-konsegwenza li dan wisq probabbli ġratlu ħafna ħsara? Jista' jgħid jekk dan l-OBU għandux fil-fatt ħsara jew inkella jekk għadux funzjonabbli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninstab infurmat illi l-Outside Broadcasting Unit ġie mpurtat f’Malta taħt il-proċedura ta’ importazzjoni temporanja u jinsab fil-kustodja u l-kontroll ta’ l-importatur li offra garanzija personali bħala sigurtà lid-Dwana.

Dwana — Outside Broadcasting Unit

Question

Kemm-il darba dan l-equipment għandu l-ħsara, jista' il-Prim Ministru jgħid xi pretensjonijiet jista' jagħmel sidu kontra d-dwana peress li dan l-OBU kien fil-kustodja tad-Dwana għal żmien twil? L-isem tas-sid tal-Outside Broadcasting Unit (OBU) in kwestjoni qed jintbagħat separatament.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 5997 fl-istess seduta ta’ llum.

Servizz Ċivili — Ħaddiema Għawdxin

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm Għawdxin ħaddiema fiċ-ċivil fil-grad ta' principal li preżentement qed jaħdmu f'Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li preżentement hemm seba’ uffiċjali pubbliċi Għawdxin fil-grad ta’ Principal li qed jaħdmu xogħol ta’ Principal f’Malta.

Rapport dwar ir-riformi fil-pensjonijiet

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġie jiswa r-rapport dwar ir-riformi fil-pensjonijiet li ħejja l-bank dinji għall-Gvern Malti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf l-Onorevoli Interpellant li s’issa għadna ma rċevejna l-ebda invoice mill-World Bank għall-ħlas tas-servizzi mgħotija fuq dan l-assignment.

Fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann — Ħaddiema

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5589 u 5830 dwar l-istess suġġett, jista' il-Prim Ministru jgħid kif intgħażlu l-ħaddiema mill-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann li jdawru t-turisti? Kif intgħażlu l-periti u l-konsulenti l-oħra? Qatt saret sejħa pubblika qabel ma saret l-għażla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M’hemm l-ebda ħaddiema tal-Fondazzjoni li jdawru t-turisti fil-Konkatidral. F’Ġunju 2002 saret sejħa għal part time casual custodians, filwaqt li l-impjegati tal-Kapitlu għaddew mal-Fondazzjoni kif kien ġie stabbilit bil-ftehim bejn il-Gvern u l-Kapitlu. Il-Fondazzjoni m’għandhiex periti u konsulenti mpjegati magħha jew li jagħtu servizz lilha direttament. Fuq proġetti tal-VRP intużaw periti tal-Gvern (Restoration Unit). Meta l-Fondazzjoni kellha bżonn esperti f’oqsma differenti li għandhom x’jaqsmu mar-restawr u l-konservazzjoni tal-post (Konkatidral) dan dejjem sar bl-approvazzjoni tal-Kunsill u fuq pariri ta’ min jifhem f’dan il-qasam.

Fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann — Direct orders

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5588 u 5831 dwar l-istess suġġett, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huma d-direct orders u x'kien il-valur tagħhom li ngħataw mill-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann? Min jawtorizza l-ħlasijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta’ Direct Orders li ħarġet il-Fondazzjoni għal dawn l-aħħar tlett snin jammonta għal 138 li l-valur tagħhom huwa ta’ MTL 39,240.19. In-nefqa ta’ dawn il-proġetti tiġi diskussa u approvata fil-Kunsill tal-Fondazzjoni.

Fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5590 u 5832 dwar l-istess suġġett, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kellha dħul il-fondazzjoni tal-Konkatidral ta' San Ġwann minn meta twaqqfet sal-lum? Kemm hu d-dħul tal-fondazzjoni mill-kirjiet tal-ħwienet li hemm fil-blokk? Kif intużat l-għotja ta' Lm300,000 li saret mill-gvern lill-korporazzjoni? Min jivverifika l-kotba ta' l-accounts tal-fondazzjoni? Dawn isiru indipendentement minn dawk tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-dħul (mhux inkluż l-għotja tal-Gvern) tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann minn meta twaqqfet sa llum huwa ta’ Lm589,975.86. Id-dħul tal-Fondazzjoni mill-kirjiet tal-ħwienet li hemm fil-blokk huwa ta’ Lm8,371.50 però dan għadu m’għaddhiex lill-Fondazzjoni u għaldaqstant mhux inkluż fiċ-ċifra ta’ fuq. L-għotja tal-Gvern lill-Fondazzjoni ta’ Lm300,000 hija fuq medda ta’ ħames snin u tħallset f’rata ta’ Lm100,000 fl-ewwel tlett snin. Dan l-ammont jifforma parti mid-dħul tal-Fondazzjoni u jintuża bħal kull dħul ieħor jiġifieri biex jaqta’ mill-ispejjeż li saru u li jista’ jkun hemm. Il-kotba ta’ l-accounts tal-Fondazzjoni jiġu verifikati mill-Price Waterhouse Coopers u dawn isiru indipendentement minn dawk tal-Gvern.