Jista' l-Ministru jgħid meta se jaslu l-pilloli ISTIN u NU-SEALS li għalihom hija intitolata l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li ilha l-ġimgħat tistennihom mill-Isptar San Luqa u qed ikollha tixtrihom hi u bħala pensjonanta dan qed jikkaġunalha problemi finanzjarji serji?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pilloli Amlodipine (Istin) u Aspirin 75mg enteric coated (NU-seals) ma humiex fil-formularju iżda jinxtraw għall-pazjenti ndividwali. L-approvazzjoni għal dawn il-mediċini tintbgħat lill-pazjent id-dar bil-posta, meta l-istokk ikun inxtara għall-pazjent. L-approvazzjoni għan NU-seals ta' din il-pazjenta diġa ntbagħtitilha fis-26 ta' Jannar 1999. Dik għall-Istin ġiet approvata fl-14 ta' Jannar 1999 u tintbgħat meta jasal l-istokk.
B'riferenza għall-Memorandun of Understanding, iffirmat bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u l-Konsorzju Skanska, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-alterazzjonijiet fid-disinn li l-Gvern jixtieq jara li jseħħu u fuq liema parametri sejrin ikunu bbażati dawn l-alterazzjonijiet? Jista' l-Ministru jgħid x'sejra tkun l-ispiża għall-gvern biex isir dan id-disinn alterat kif ukoll x'sejra tkun in-nefqa biex jinbnew dawn l-alterazzjonijiet u żidiet meħtieġa, inkluż ukoll infiq fuq servizzi mekkaniċi u elettriċi, għamara u tagħmir mediku, biex jiġu akkomodati dawn l-alterazzjonijiet? Xi standards ta' disinn sejrin jiġu segwiti biex jiġi prodott id-disinn alterat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Din il-Mistoqsija fiha tlett taqsimiet:
1. Id-disinjaturi qed isegwu l-istess 'Design Brief' hekk kif imfassal mid-Dipartiment tas-Saħħa. Bħala alterazzjonijiet, ma hemmx. Id-disinjaturi għadhom fil-fażi ta' żvilupp ta' kunċett.
2. Il-mistoqsija ma tapplikax.
3. L-'Standards' ta' disinn li se jiġu segwiti huma 'standards' internazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-ministeru bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u l-31 ta' Jannar, 1999 fuq; riċevimenti, safar, petrol u diesel u f'pagi għall-impjegati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-flus li ntefqu mill-Ministeru bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-31 ta' Jannar 1999 fuq riċevimenti, safar, petrol u diesel u f'pagi għall-impjegati kien hekk:
RICEVIMENTI
Intefqu Lm1115.59 fuq riċevimenti.
SAFAR
In-nefqa fuq safar kienet ta' Lm4166.16 għal konferenza tal-WHO ġewwa Copenhagen bejn it-13 u 18 ta' Settembru 1998. Attendew 5 persuni.
PETROL U DIESEL
L-ammont li ntefaq f'petrol kien ta' Lm836.30. Ma kienx hemm konsum ta' diesel.
PAGI
L-ammont fuq pagi kien ta' Lm33,364.67.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal sit ta' qabar fiċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata f'isem il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament data 21.4.97?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li l-applikazzjoni bid-data tal-21ta' April 1997 f'isem il-persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament qiegħda fid-942 post fil-'waiting list' għall-applikazzjonijiet għall-akkwist ta' qabar fiċ-ċimiterju ta' l-Addolorata.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4097, jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji d-Dipartiment tas-Saħħa ta l-approvazzjoni tiegħu għall-proposta ta' ħażna ta' pitrolju fi Triq is-Snajja', l-Imsida li hija ta' periklu kbir għar-residenti fl-inħawi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment tas-Saħħa ta r-rimarki tiegħu lill-Awtorita ta' l-Ippjanar fl-24ta' Ġunju 1998 dwar kostruzzjoni ta' garaxx fil-livell ta' 'basement', garaxx f'livell tal-pjan terran u bini ta' dar għall-akkomodazzjoni f'livell ta' l-ewwel sular.
Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġu l-aħħar applikazzjonijiet għal Pharmacy Technicians fis-settur tas-Saħħa?
Kemm applikaw biex jidħlu fis-settur governattiv?
Min kienu?
Meta applikaw?
Meta saru l-interviews?
Meta ġew ippubblikati r-riżultati?
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ġew magħżula speċifikament il-kliniċi wżati mid-dentisti għall-ħlas ta' Lm100 fis-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minħabba li x-xogħol li jsir fil-kliniċi tad-dentisti u tal-veterinarji huwa simili għal dak li jsir fi kliniċi mediċi li fihom isiru 'day cases', ġie adottat l-istess parametru ta' ħlas ta' liċenzji. Għaldaqstant mhux korrett li jingħad li l-ħlas ta' Lm 100 għall-liċenzja gie adottat speċifikament għall-kliniċi użati mid-dentisti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx rigali lil xi individwi fl-okkażjoni tal-Milied 1998? Jekk ingħataw, jista' l-Ministru jgħid lil min ingħataw u x'kienet ir-raġuni ta' l-għażla ta' dawn l-individwi? Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tlaħħaq l-ispiża totali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fl-okkażżjoni tal-Milied 1998 ma ngħatawx rigali. Bħal ma jsir kull sena ngħataw rigali lit-tfal fil-wards ta' l-isptar San Luqa fi żmien il-Milied. Dawn ma swew xejn lid-dipartiment.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li dehru fil-ġurnal "KullĦadd" li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament mal-bidla fil-gvern ingħatat karozza tad-dipartiment tas-saħħa meta dan lanqas huwa mpjegat tal-gvern u lanqas għandu xi forma ta' kuntratt mal-gvern? Jikkonferma l-Ministru rapporti li dehru fil-ġurnali li se tinħoloq vakanza għal transport officer for the ambulance garage proprju biex tinqeda din il-persuna?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant kienet tagħti s-servizzi tagħha fil-'garage' ta' l-ambulanzi tad-Dipartiment tas-Saħħa matul l-aħħar seba' xhur ta' qabel l-elezzjoni tal-1996 u kompliet tagħmel dan għal erbgħatax il-xahar matul l-amministrazzjoni preċedenti.
Minħabba diffikultajiet li bħalissa jeżistu f'dan il-'garage' l-'Operations Manager' u l- 'Purchasing Officer' talbu transfer, ta' l-ewwel minħabba li qed jiġi kontinwament mhedded. L-'Assistant Manager' reġa' mar fid-Dipartiment tiegħu u l- 'Assistant Operations Manager' irtira mis-servizz.
F'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli, l-persuna msemmija ġiet mitluba tgħin l-amministrazzjoni ta' dan il-'garage'. Ix-xogħol rikjest minnha jeħtieġ l-użu ta' karozza u minħabba li fil-passat il-karozza ta' din il-persuna ġiet vandalizzata, id-Dipartiment flok poġġa karozza bid-'driver' għad-disposizzjoni tiegħu tah l-użu ta' karozza li jsuq hu stess. Din il-persuna mhux qed titħallas tas-servizz li qed tagħti.
Id-diviżżjoni tas-Saħħa mhu se toħloq ebda vakanza għal 'Transport Officer for the Ambulance Garage'.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji fuq kif titħaddem is-sistema tal-filing fid-diabetes clinic? Kemm hemm files irreġistrati f'din is-sezzjoni? Kemm minnhom jiġi regolarment għall-vista taz-zokkor? Kemm minnhom bdew jattendu l-klinika minn Jannar 1998? Kemm idum file biex isir defaulter? Kemm mill-ammont kollu tal-filing huma ta' dan it-tip?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba fil-Mistoqsija Parlamentari numru 4003 qiegħda tinġabar. Twegiba tingħata f'seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3778, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ewwel rapport tal-Kumitat imwaqqaf fit-2 ta' Settembru, 1998?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif ġa għidt fir-risposta li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 3778 il-ftehim milħuq fit-2 ta' Settembru 1998, huwa bbażat fuq tlett punti li huma:-
a) il-ħruġ ta' liċenzji ta' spiżeriji ġodda skond pjan nazzjonali.
b) il-kundizzjonijiet neċessarji biex l-ispiżeriji fil-komunita' jgħollu l-livell ta' servizzi farmaċewtiċi offruti fil-komunita'.
ċ) li l-ispiżeriji fil-komunita jservu l-komunita' l-mediċini disponibbli taħt l-iskema tas-Sigurta' Soċjali.
Għalkemm ġie sottomess l-ewwel abbozz, dan ma' jittrattax il-tlett punti kollha u għalhekk id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin. Ir-rapport globali jiġi ppublikat meta jitlesta.
Jista' l-Ministru jagħti t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 1693?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fil-pajjiż ilha teżisti 'awareness' kbira tal-problema tad-dijabete tant li 'test' bażiku ta' zokkor fl-urina isir anki fil-Bereġ, fiċ-Centri tas-Saħħa, fl-Isptarijiet, kif ukoll fil-kliniċi tat-tobba privati u saħansitra mill-pazjenti nfushom isiru anki testijiet taz-zokkor fid-demm.
Għaldaqstant huwa faċli ħafna li wieħed jiċċekkja meta jeżistu dawn il-faċilitajiet kollha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux riċevimenti jew ikliet mill-Ministeru tiegħu fl-okkażjoni tal-Milied 1998 u l-Ewwel tas-Sena?
Jekk saru, meta saru?
Fejn saru?
Min ipprova l-ikel u x-xorb?
Kemm ġiet tiswa l-ispiża totali?
Inġabru kwotazzjonijiet għall-imsemmija riċevimenti jew ikla?
Jekk inġabru kwotazzjonijiet, mingħand min inġabru?
Min kien mistieden għal dawn l-attivitajiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
1. Ir-riċeviment fl-okkażżjoni tal-Milied sar f'Palazzo Castellania Triq
il-Merkanti, l-Belt, fit-23ta' Diċembru 1998 konġunt mal-A/CGMO. Dan sar bi ftehim bejn il-Ministeru u A/CGMO biex inżommu n-nefqa baxxa.
2. L-ikel ġie pprovdut mill-kcina ta' l-Isptar San Luqa u x-xorb inxtara.
3. Għal din l-attivita' ġew mistiedna mpjegati tad-Dipartiment tas-Sahha
u mistiednin minn Ministeri ohra.
4. Ma nġabrux kwotazzjonijiet.
5. In-nefqa kienet - Xorb: Lm249.592
Ikel: Lm310.000
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-każi ta' overdose li ddaħħlu l-Isptar San Luqa matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm minnhom kienu xebbiet, ġuvintur u kemm minn dawn baqgħu taħt kura medika regolari? X'kordinament mal-Caritas jew organizzazzjonijiet oħra qed isir sabiex dawn il-persuni jiġu megħjuna?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur s'issa permezz tas-sistema tal-Hospita Analysis, jirriżulta li minn Jannar 1994 sa Diċembru 1998 ġew ammessi 1081 każ ta'avvelenamentfl-isptar San Luqa. It-terminu "avvelenament" jew "overdose" jinkludi dawn it-tliet kategoriji.
Kategorija A: Avvelenament inċidentali ikkawżat minn drogi, medicinali jew sustanzi bijoloġiċi (ICD-9 codes E850-E858).
Kategorija B: Attentat ta' suwiċidju ikkawżat minn avvelenament b'sustanzi solidi jew likwidi (ICD-9 code E950).
Kategorija Ċ: Avvelenament minn sustanzi solidi jew likwidi, fejn mhux magħruf jekk l-avvelenament kienx inċidentali jew premeditat (ICD-9 code E980).
Sena Kategorija Irgiel Nisa Total
------------------------------------------- ----------------------
1994 A 29 25 54
B 2 13 15
Ċ 65 104 169
--------------------------------------------------
TOTAL 96 142 238
--------------------------------------------------
1995 A 13 19 32
B 1 4 5
Ċ 54 91 145
--------------------------------------------------
TOTAL 68 114 182
--------------------------------------------------
1996 A 20 17 37
B 0 2 2
Ċ 69 114 183
--------------------------------------------------
TOTAL 89 133 222
--------------------------------------------------
1997 A 15 12 27
B 2 4 6
Ċ 63 116 179
--------------------------------------------------
TOTAL 80 132 212
--------------------------------------------------
1998 A 12 14 26
B 2 3 5
Ċ 83 113 196
--------------------------------------------------
TOTAL 97 130 227
--------------------------------------------------
F'dawn il-każijiet isir follow up mill-istaff ta' l-isptar li jinkludi wkoll il-promozzjoni ta' servizzi ta' għajnuna li joffru, Sedqa, Caritas, u organizzazjonijiet oħra. Wieħed irid japprezza illi huwa il-pazjent li fl-aħħar mill-aħħar irid ikollu r-rieda li jsegwi programmi ta' rijabilitzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li qed jistennew li ssirilhom vista fil-klinika dentali taċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Furjana? Kemm qed idumu dawn l-appuntamenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' tfal li qed jistennew biex issirilhom viżta fil-klinika dentali taċ-ċentru tas-saħħa fil-Furjana huwa mqassam hekk:
Każi Ġodda Numru ta' Tfal Appuntament li
jmiss
Check Ups 176 27ta' Jannar 1999
Orthodontics 949 25ta' Novembru 1999
Każi Follow-Up
Trattament Konservattiv 774 22ta' Marzu 1999
Tindif tas-snien 46 28ta' Jannar 1999
Trattament Orthodontics(Konsulent) 65 25ta' Marzu 1999
Trattament Orthodontics(Dentist) 476 3ta' Marzu 1999
Impressions 114 29ta' Marzu 1999
Fitting of Appliance 56 1ta'Marzu 1999
Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar x'tipi ta' dqiq jagħti b'xejn il-gvern mis-servizzi farmaċewtiċi tiegħu u għal-liema kondizzjonijiet mediċi jingħataw?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern jgħati b'xejn żewġ tipi ta' dqiq.
Dawn huma:-
- Dqiq "Gluten Free" li jintuża minn pazjenti li huma "coelic" jiġifieri ma jistgħux jiehdu l-proteina "gluten".
- Dqiq "Low Protein" li jintuża minn pazjenti li huma fuq dieta baxxa fuq proteini, per eżempju li huma morda bil-kliewi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2839, jista' l-Ministru jikkonferma li: (i) id-delegazzjoni ministerjali li attendiet Geneva bejn it-3/5/97 - 15/5/97 ħadet parti wkoll f'laqgħat tal-Grupp Ewropew tal-WHO, kif ukoll għad-49 Assemblea Internazzjonali tal-WHO; (ii) id-delegazzjoni ministerjali li attendiet għas-47 sezzjoni tal-WHO, reġjun ta' l-Ewropa bejn l-14/9/97 - 18/9/97, kellha testendi ż-żmien fit-Turkija ħalli jiġi ffirmat ftehim bilaterali fuq it-turiżmu bejn Malta u t-Turkija, minħabba li l-ministru Malti responsabbli mit-turiżmu kien indispost; u (iii) id-delegazzjoni ministerjali li attendiet Geneva għall-50 Assemblea tal-WHO bejn 8/5/98 - 12/5/98 attendiet ukoll għal-laqgħat tal-Ministri tas-Saħħa tal-Grupp Ewropew, tal-Grupp Non-Aligned u għall-Pre-Commonwealth Meeting?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-Onor. Interpellant m'għandux bzonn il-konferma tiegħi, għax kien hu stess li mexxa dawn id-delegazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-riżultati ta' l-eżami għall-postijiet ta' Assistent Principal Radiographer meta ġew ippubblikati?
Għalkemm perijodu ta' żmien kien validu dan ir-riżultat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-riżultat ta' l-intervisti għall-postijiet ta' Assistant Principal Radiographer ġie ppublikat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fil-5 ta' Settembru 1997 u kien validu għal sena.