Jista' il-Ministru jgħid jekk il-lifts tal-kumpless sportiv tal-Kottonera ġewx iċċertifikati li huma safe? Meta l-aħħar li ġew ittestjati? Dawn qegħdin jiġu ttestjati regolarment?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li l-lifts tal-Kumpless huma iċċertifikati bħala safe u qegħdin jiġu ittestjati taħt "maintenance agreement" fuq bażi regolari.
L-aħħar darba li ġew iċċertifikati kien f'Jannar.
Jista’ il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jingħata ċ-ċertifikat tas-sena skolastika 2003 lill-istudenti tal-MCAST fil-kors ta’ l-Art and Design?
X'se jsir biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ċ-ċertifikati li joħroġ il-Kuleġġ jingħataw f'ċerimonja ta' gradwazzjoni li d-dati tagħha jitħabbru aktar tard.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk jafx li diversi lezzjonjiet ta’ l-Art and Design fl-MCAST Mosta fix-xhur sħan tas-sajf qed isiru barra minħabba li fil-workshops ma jeżistux fans jew air-condition?
X'se jsir biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kien rappurtat l-ebda każ li lezzjonijiet fl-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn saru barra minħabba li fil-workshops ma jeżistux fans jew airconditioners.
Jista’ il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-istudenti fil-kors ta’ l-Art and Design fl-MCAST Mosta jispiċċaw is-sena skolastika wara l-iskejjel l-oħra? Peress li minħabba f'hekk dawn l-istudenti qed jiġu affettwati negattivament meta jiġu biex isibu xogħol għax-xhur tas-sajf, jista’ jgħid x'se jsir biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti ta' korsijiet organizzati mill-MCAST jispiċċaw is-sena skolastika ma' studenti f'Istituti oħra. Għalhekk total ta' erbgħa u sittin (64) student waqfu fit-2 ta' Lulju bħal ħaddieħor.
Studenti fuq korsijiet tal-BTEC jispiċċaw meta l-external examiner, li jiġi Malta apposta, ikun żar l-Istitut u eżamina x-xogħol. L-eżaminatur, li din is-sena ġie Malta fil-5 ta' Lulju u baqa' hawn sas-7 ta' Lulju, għandu dritt jagħżel li jkellem lill-istudenti, kif għamel din is-sena. Xi studenti waqfu jattendu fis-6 ta' Lulju u oħrajn fis-7 ta' Lulju 2004.
Il-kalendarju tal-Kuleġġ għas-sena 2003-2004 beda fl-1 ta' Settembru u spiċċa fid-9 ta' Lulju 2004.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk jafx li fl-Art and Design Course fl-MCAST Mosta hemm madwar 300 student meta l-iskola tiflaħ ferm inqas studenti? Peress li filwaqt li suppost f'kull klassi għandu jkun hemm 16-il student, fil-fatt dan in-numru huwa ferm ikbar?
X'se jsir biex din is-sitwazzjoni tigi rimedjata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti fl-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn illum huwa 190 mhux 300. L-Istitut fil-fatt jiflah numru akbar ta' studenti.
In-numru sittax jirrigwarda biss il-workshops u mhux il-klassijiet għal raġunijiet ta' sigurta' u saħħa.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk jafx li studenti TAS u studenti ASTS fil-kors ta’ l-Art and Design fl-MCAST Mosta qed jiġu trattati b'mod differenti?
Jista’ jgħid għaliex dan qed isir u jekk huwiex se jibqa’ jsir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskema ta' l-External Skills Training Scheme (ESTS) u dik tat-Technician Apprenticeship Scheme (TAS) m'humiex l-istess. Għalhekk, per eżempju, issib li l-entry requirements għall-korsijiet huma differenti, għaliex il-kwalita' ta' studju u ta' taħriġ jitlob hekk. Ngħidu aħna, studenti tal-ESTS jingħatawlhom lezzjonijet bażiċi fil-Lingwa Ingliża u fil-Malti, bil-ħsieb li jtejbu l-livell akkademiku. Dawk tat-TAS ma jkollhomx bżonn taħriġ bħal dan.
Sadanittant student fuq iż-żewġ naħat jieħdu taħriġ li għandu parita' ta' stima kif riflessfiċ-ċertifikazzjoni tal-BTEC fil-livelli tlieta (BTEC Nationals) u erbgħa (BTEC Higher Nationals), l-ogħla livell li jista' jintlaħaq fl-MCAST s'issa.
Fil-passat l-istudenti tal-ESTS kienu jitħarrġu biss fl-artiġjanat ripettitiv. Illum, bis-saħħa tal-korsijiet il-ġodda, dawn jitħarrġu fl-artiġjanat kreattiv, dak li jeduka l-moħħ daqskemm jitħarrġu l-idejn.
Sadanittant, bl-iżviluppi li saru minn mindu nfetah l-MCAST, m'hemm xejn li jżomm student tal-ESTS u tat-TAS li jaslu sal-quċċata ta' l-istudji, li sal-lum laħqet ir-raba livell.
Jista’ il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-istudenti ta’ l-MCAST li jattendu l-Mosta qed tinqatgħalhom ġurnata sħiħa mill-istipendju anke jekk sempliċement jaslu ħames minuti tard?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkonsidrax dan l-atteġġjament bħala wieħed inġust ma’ l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li studenti li ripetutament jaslu tard għal-lezzjonijiet ifixklu, u fil-każ ta' xogħol fuq makni jistgħu joħolqu periklu.
Informat ukoll li qatt ma nqata' stipendju meta student ifalli żewġ lezzjonijiet. Din hija l-policy ta' l-Istitut.
Jista’ il-Ministru jara li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex l-istudenti ta’ l-MCAST li jattendu l-Mosta ma jibqgħux isibu diffikultajiet meta jiġu biex jagħmlu użu mill-ismart card f'ċerti stabbilimenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kien hemm ebda rapport li juri li studenti fil-Mosta sabu xi diffikulta jużaw l-smart card.
Jista’ il-Ministru jispjega eżattament x'inhu l-iskop u fejn se jwassal lill-istudenti l-kors ta’ l-Art and Design li qed jiġi mgħallem fl-MCAST tal-Mosta?
Response (GALEA, LOUIS)
Kuntrarju għal dak li jaħsbu ħafna, il-kors tal-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn, m'huwiex kors fil-pittura jew l-iskultura - m'huwiex għaldaqstant kors fil-belle arti.
L-istudenti ta' Tarġa Gap jitħarrġu fid-disinn u l-manifattura ta' xogħol artiġjanali f'diversi materjali u fid-disinn għall-prodott li jista' jinħadem fuq skala ikbar, ngħidu aħna, fl-industrija tal-manifattura. Mhux biss. L-istudenti li tinteressahom l-edukazzjoni vokazzjonali llum jitħarrġu f'ħafna kompetenzi, per eżempju, l-ICT, il-komunikazzjoni, il-krejativita u l-innovazzjoni, l-ispirtu intraprenditorjali bil-għan ta' self-employment...
Il-kors tal-Grafika, per eżempju, iwassal biex student jitħarreġ fis-sengħa tad-disinn u l-esekuzzjoni ta' xogħol għall-istampa: biss, jekk wieħed iħares lejn il-volum ta' magazines, li qed jiġu ippublikati Malta - anki jekk tiffoka fuq dawk li tingħata b'xejn mal-gazzetti ta' nhar ta' Ħadd - tifhem kemm xogħol jiġi ġenerat f'dan il-qasam. Id-disinn ta' kull riklam li hemm fil-magażin sar minn xi ħadd, dawk li biegħu l-Ispazju, il-fotografi li ħadu r-ritratti, dawk li bil-kompjuter immanipulaw l-immaaġni, dawk li ssettjaw it-text, dawk li ħadmu fuq l-artwork, dawk tal-kompjuter, dawk li stampaw ix-xogħol, dawk li twewh u ttrimjawh, eċċ... Dan kollu jsir f'Tarġa Gap.
Imbagħad hemm studenti li jagħżlu studenti li jagħżlu li jaħdmu fil-workshops tal-materjali biex jitgħallmu s-snajja' relatati ma' l-injam, il-metalli, il-ġojjellerija, il-ġebla u t-tessuti.
Bl-emfasi li qiegħda ssir fuq it-taħriġ vokazzjonali f'pajjiżna u fuq l-importanza li għandna nagħtu li jiġġenera spiru ta' intrapriża, wieħed m'għandux isib diffikulta' biex jifhemli, anki fil-qasam ta' l-artiġanat, is-suċċess kollu li jiddependi fuq il-kwalita'. Jekk m'għandniex prodotti ta' kwalita', allura mhux se ssib min jixtri u l-attivita' artiġanali fil-pajjiż tmur lura. Ma jkollok xejn x'tippromwovi u bħala riżultat skop għall-intrapriża, il-marketing, u l-bqija.
Sfortunatament f'Malta għad għandna opinjoni storta ta' l-importanza tad-disinn u l-atitudni ta' ħafna minna tistona għax ilkoll kemm aħna għandna attitudni pożitiva u ta' meravilja għall- importanza li tingħata lid-disinn f'pajjiżna barranin - ngħidu aħna l-Italja jew l-Iskandinavja. Anki f'pajjiżna inqas kwotati, ngħidu aħna t-Tuneżija, fejn hemm industrija kbira ta' artiġjanat ta' kwalita' li tgawdi s-support ta' kull min iħobb il-kultura ta' pajjiżu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm jammonta n-numru ta' ħaddiema mill-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea li mill-1 ta' Mejju 2004 ġew jaħdmu f'Malta? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalita' huma u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu? Jista' jgħid x'inhi l-eta' medja ta' dawn il-ħaddiema?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli fl-uffiċju fil-ħin meħtieġ, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li ġie rranġat il-ground tar-ramel tal-kumpless sportiv tal-Marsa? Kemm-il metru kubu ta' ramel intefgħu? Kemm kienet l-ispiża totali nvoluta u fiex kienet tikkonsisti?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li hemm il-ħsieb illi dan il-ground jingħata servizz lejn l-aħħar tas-sena.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-ħaddiema li kienu mad-dipartiment ta' l-isports se jitħallsu ta' l-overtime li ħadmu f'Ġunju ta' l-2002 waqt il-logħob tal-FISEC?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li infurmat li l-Kunsill Malti Għall-Isports m'għandux informazzjoni meħtieġa, ser inkompli ninvestiga biex nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
Impjiegi — Ħaddiema minn barra l-pajjiżi membri tal-UE
Question
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema minn barra l-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea li mill-1 ta' Mejju 2004 ġew jaħdmu f'Malta?
Jista’ jgħid ta' liema nazzjonalita’ huma u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?
Jista’ jgħid x'inhi l-eta' medja ta' dawn il-ħaddiema?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli fl-uffiċju fil-ħin meħtieġ, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid jafx u x'inhi r-raġuni li filwaqt li fil-Prospectus għall-kors ta’ l-Art and Design għall-istudenti li jattendu l-MCAST tal-Mosta kien hemm speċifikament imniżżel li se jkun hemm is-suġġetti tal-Fashion Design u l-Interior Design, sal-lum dawn is-suġġetti għadhom mhux qed jiġu mgħallma?
Jaf li lanqas biss hemm għalliema għal dawn is-suġġetti?
Peress li kien hemm studenti li daħlu għal dan il-kors speċifikament minħabba dawn iż-żewġ suġġetti u eventwalment kellhom jabbandunaw il-kors, jista' jgħid x'tip ta' rimedju se jingħataw dawn l-istudenti u jekk is-sitwazzjoni hux se tiġi rimedjata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li il-kors ta' l-
Interior Design
jeżisti u ilu hemm sa mill-bidu. Jismu
3D Design (Spatial)
u jingħata fl-iżjed livell għoli, jiġifieri, l-
HND
.
Il-kors magħruf bħala 3D Design (disinn bi tliet dimensjonijiet) ma jeskludix li studenti jaħdmu bħala Fashion Designers. Tant hu hekk li għandna studenti li jaħdmu esklusivament fuq it-tessuti u fuq proġetti tal-moda.
Dwar il-Fashion Design, informat li d-domanda qatt ma kienet kbira biżżejjed biex jinfetah kors speċifiku. Biss min għażel li jaħdem fil-materjali tipiċi u fil-proċess assoċjati mas-suġġett, seta' jagħmel hekk u għadu jagħmel hekk sal-lum. L-esperjenza ta' l-għalliema preżenti fis-suġġett hija tali li fir-rapport tiegħu l-eżaminatur ta' l-Edexcel BTEC kiteb hekk:
"The variety of ideas and quality evidence presented ...was remarkable. Fantasy costumes, masks, waistcoasts were popular outcomes with a splendid theatrical torso costume ... proving to be the star exhibit both in terms of ideas and professional finish..."
Ma jirriżultalix li xi ħadd telaq minn xi kors għar-raġunijiet li ingħataw.
Jista' il-Ministru jgħid jekk persuna li huwa instructor u m'għamilx kors fil-pedagoġija jkunx intitolat għall-increments fil-paga tiegħu?
Kemm hemm instructors li m'għamlux dan il-kors fil-pedagoġija?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li l-Grad ta' Instructor, bħal gradi oħrajn, hu marbut ma' skala ta' paga b'minimu u massimu fuq bażi inkrementali.
L-"Interim Measures Agreement" iffirmat fl-20 ta' Mejju 1993, dwar il-Gradi ta' l-Instructor, jirrikjedu li Instructor I jiġi promoss għall-Instructor II jekk ikun għamel b'suċċess il-kors tal-pedagoġija kif rikonoxxut mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Il-"Classification, Regarding and Assimilation Agreement" ta' l-Instructors (iffirmat fit-3 t'Ottubru 1996), jirrestrinġi d-dħul fil-grad ta' Instructor għal min jippossjedi ċ-ċertifikat tal-pedagoġija maħruġ mid-Diviżjoni jew ċertifikat ekwivalenti. Naturalment, dan apparti kwalifiki oħra.
Jidher li għad hemm 15 Instructors li qatt ma' temmew b'suċċess xi wieħed mill-korsijiet tal-pedagoġija organizzat mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm studenti għamlu l-eżamijiet tal-MATSEC, livell ordinarju din is-sena skond kull suġġett? Jista' jgħid kemm minn dawn l-istudenti għaddew u kemm m'għaddewx minn dawn l-eżamijiet skond kull suġġett? Jista' jaqsam l-informazzjoni fi studenti bniet u studenti subien?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta' studenti li għamlu l-eżamijiet fil-livell tas-Sec skond kull suġġett u kemm minnhom għaddew bi gradi 1 sa 5, jew bi gradi 1-7 u kemm ma għaddewx jidhru fit-Tabella1. Tabella 2 turi l-istess informazzjoni maqsuma bejn bniet u subien. It-tabelli qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-riċerki għat-teżijiet ta' l-istudenti tal-Fakulta' ta' l-Inġinerija Elettrika hux se jiġu ffinanzjati mill-Universita' ta' Malta, bħas-snin ta' qabel, jew hux se jiġu imposti fuq l-istudenti stess?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli fil-ħin, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.