Transport Malta – taxxa tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi — rifużjoni ta’ VAT
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10130, jista’ l-Ministru jirrispondi l-aħħar parti tal-mistoqsija u jikkonferma jekk fil-fatt daħlux talbiet wara d-data tal-għeluq tal-iskema tar-rifużjoni ta’ VAT fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi u jekk dawn ġewx aċċettati xorta waħda? Jista’ jgħid min fi Transport Malta laqa` dawn it-talbiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm numru żgħir ta’ applikazzjonijiet li ġew aċċettati minn Transport Malta wara l-għeluq ta’ din l-iskema. Dawn ġew milqugħa għall-proċess ta’ evalwazzjoni mid-dipartiment kkonċernat responsabbli minn din l-iskema.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10138, jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-fatt l-utilization rates ma jistgħux jingħataw kif kienu jingħataw qabel peress li qed jintużaw diversi karozzi li mhumiex mgħammra bil-passenger counters? Jista’ jgħid allura kif l-istess Ministru jew Transport Malta, mingħajr ma jkunu jafu l-utilization rates, jiddeċiedu liema rotot għandhom jinżammu jew jinbidlu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema ta’ passenger counter units li hemm installata fuq ix-xarabanks kollha li hemm fuq is-servizz, bl-eċċezzjoni ta’ dawk sub-contracted hija
l-istess sistema li kienet installata fiż-żmien l-operatur preċedenti, jiġifieri l-Arriva Malta Ltd.
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, din is-sistema ma tipprovdix informazzjoni konsistenti li tista’ tintuża biex wieħed ikun jaf kemm qed jinġarru nies fuq kull rotta. Il-kumpanija tal-Gvern qegħda bħalissa tara x’ jista’ jsir fis-sistema biex l-informazzjoni tkun aktar konsistenti.
In-network il-ġdid huwa ibbażat fuq konsultazzjoni wiegħsa li għamel dan il-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid minn liema lokalità huma l-ħaddiema li daħlu jaħdmu mal-Public Cleansing Department fi ħdan il-Ministeru tiegħu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema li daħlu mal-Public Cleansing Department huma minn firxa ta’ lokalitajiet minn madwar Malta, fosthom Għargħur, Birgu , Fgura , Bormla, Luqa, Isla, Marsa, Kalkara, M’Scala, Paola, Qormi, Xgħajra, Rabat, Żejtun, Żabbar, San Pawl il-Baħar, Żurrieq, Valletta, Santa Venera u Siġġiewi. Dan wara li saret sejħa mill-ETC għal dan l-impjieg.
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 10103 fejn intqal li t-temperatura fix-xarabank għandha tkun bejn l-20 u l-24 grad u b’referenza għall-artiklu li deher f’The Times of Malta nhar l-Erbgħa, 2 ta' Lulju 2014, fejn intqal li t-temperatura fix-xarabanks mikrija mill-kumpanija tal-Gvern qed titla’ saħansitra sa 31 grad, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-ogħla temperatura li nstabet fuq dawn ix-xarabanks waqt l-ispezzjonijiet li tagħmel Transport Malta? Jista’ jipprovdi lista ta’ kemm saru spezzjonijiet fuq ix-xarabanks mikrija mill-kumpanija tal-Gvern u t-temperatura li tkejjlet f’kull spezzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda biex infakkar lill-Onor. Interpellant li l-artiklu imsemmi ta’ The Times of Malta intqal ukoll illi żdiedet is-seat capacity, speċjalment fil-perjodu tas-Sajf, ittejjbet is-sigurta’ kif ukoll żdiedet l-aċċessibilita’ lill dawk kollha li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku. Dan jikkuntrasta bil-kbir għal dak li jgħid l-Onorevoli Interpellant.
Nixtieq ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant illi bejn it-8 ta’ Ġunju u t-13 ta’ Lulju 2014 saru (46) sitta u erbgħin spezzjoni ta’ rutina fuq ix-xarabanks mikrija mill-kumpanija tal-Gvern.
Infurmat ukoll li t-temperatura medja li ġiet imkejla kienet ta’ 28.9 grad celsius, filwaqt li l-għola temperatura kienet dik ta’ 34.7 grad celsius. F’ għaxra minn dawn l-ispezzjonijiet instabet temperatura skont kif rikjesta fil-kuntratt, jiġifieri bejn l-20 u l-24 grad celcius. L-operatur tat-trasport flimkien ma’ min ipprovda dawn il-vetturi qegħdin jaħdmu sabiex jindirizzaw din il-problema.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jindika d-dettal tal-ispezzjonijiet li saru u it-temperatura mkejla f’ kull spezzjoni
B'referenza għall-mistqosija parlamentari 4218, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol kollu li kellu jsir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tlestiex u meta se jkun qed jibda x-xogħol ta' asfaltar fi Triq Joe Gasan, il-Ħamrun?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħolijiet tal-ilma fit-triq imsemmija bdew, filwaqt li x-xogħol fuq it-triq jitkompla hekk kif ix-xogħol tal-ilma jitlesta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm toroq residenzjali ġew asfaltati fil-lokalità tal-Ħamrun minn Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid liema huma dawn it-toroq u kemm ġew jiswew triq triq? Jista' jgħid jekk hemmx toroq oħra residenzjali li se jkun qed isir xogħol fuqhom sal-aħħar tas-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern kompla fuq il-programm ta’ toroq residenzjali li kien hemm minn Gvern preċedenti. Madankollu, fil-listi tal-2013, ma kien hemm inkluż ebda xogħol fil-Ħamrun.
L-uniku xogħol li jidher li kien ippjanat, huwa r-rikostruzzjoni ta’ Triq Joe Gasan, li kien inħareġ tender għaliha u Transport Malta qed tkompli bix-xogħol kif kien ippjanat.
Inżid ngħid li Transport Malta se tkun qed taħdem fuq toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbilta tagħha skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jgħid kemm toroq residenzjali ġew asfaltati fil-lokalità tal-Marsa minn Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid liema huma dawn it-toroq u kemm ġew jiswew triq triq? Jista' jgħid jekk hemmx toroq oħra residenzjali li se jkun qed isir xogħol fuqhom sal-aħħar tas-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Marsa ġiet asfaltata Triq Garrick, li hija stmata li tiswa EUR 92, 462.
Inżid ukoll li Transport Malta ser tkun qed taħdem fuq toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilta’ tagħha, skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kien ix-xogħol li sar f'isem Transport Malta f'Imdina Road Ħal Qormi, matul l-aħħar xhur? Jista' jagħti tagrif dwar x'serva dan it-tip ta' xogħol? X'tip ta' konsultazzjoni wettqet Transport Malta mal-Kunsill Lokali involut biex ġie maqbul li x-xogħol f'din it-triq isir? X'tip ta' studju/studji partikolari wettqet Transport Malta qabel sar dan ix-xogħol? Meta saru l-aħħar traffic counts f'dawn in-naħat u kif jitqabblu man-numri ta' qabel?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li x-xogħol li sar fi Triq Mdina k/m Triq Manuel Dimech kien li jiġi magħluq id-dħul li jagħti mir-roundabout għal ġo Triq Mdina n-naħa tal-Marsa. Id-disinn tar-roundabout fil-parti ta’ bejn Triq Manuel Dimech u Triq Mdina (Marsa) ma kienx skont l-istandards stabbiliti għad-disinn ta’ tali tip ta’ inkroċju. Minħabba li d-disinn ma kienx wieħed aċċettabbli, fil-fatt kienu spiss iseħħu kolliżjonijiet f’tali inkroċju, liema kollużjonijiet kienu qed jikkawżaw konġestjoni tat-traffiku u kienu ta’ periklu għas-saħħa u sigurtà tas-sewwieqa u passiġġieri f’dan l-inkroċju. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi kien talab diversi drabi lill- Awtorità tat-Trasport sabiex tindirizza din il-problema ta’ sigurta fl-inkroċju. L-Awtorità tat-Trasport għamlet studju tan-numru ta’ vetturi li jgħaddu minn dan l-inkroċju u kif it-traffiku jiġi distribwit fit-toroq biswit, saru ukoll queue and delay surveys u ġew investigati disinji alternattivi iżda minħabba l-angolu akut ta’ bejn Triq Manuel Dimech u Triq Mdina (Marsa) ma kienx hemm alternattivi sodisfaċenti li jindirizzaw il-problema skont standards stabbiliti. L-aħħar traffic counts saru waqt il-proċess tad-disinn ta’ dan l-inkroċju lejn l-aħħar tas-sena l-oħra. Id-distribuzzjoni tat-traffiku illum bid-disinn il-ġdid, meta mqabbel mat-traffic counts li saru, juri li t-traffiku li ġie distribwit kien ta’ massimu ta’ 7.5% fil-peak hour ta’ filgħodu, liema traffiku inqasam bejn vetturi lejn Triq Luqa u Triq Manuel Dimech.
Imrieħel — xogħlijiet fuq il-pedestrian crossing fil-bypass
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq il-pedestrian crossing fil-bypass tal-Imrieħel?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li kif kien ġie speċifikat fir-risposta parlamentari 7146, fir-rigward tax-xogħlijiet fuq il-pedestrian crossing fil- bypass tal-Imrieħel, wara li nħareġ il-permess mill- MEPA, inbeda il-proċess ta’ Expression of Interest.
Jista’ l-Ministru jara li l-għexieren ta’ bozoz maqtugħa fuq il-festun tul il-promenad tal-Għadira jinbidlu (liema bozoz huma responsabilità tal-istess Ministeru u mhux tal-Kunsill Lokali u lanqas tal-Enemalta)?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-bozoz kollha maqtugħa fuq il-festun imsemmi ġew kollha mibdula.
Il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar –rotot tat-trasport pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif dwar ir-rotot tas-sajf bil-ħinijiet għal-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 10315 fejn ġie spjegat li l-iskedi tas-sajf ma daħlux fis-seħħ, madanakollu qed isiru vjaġġi addizzjonali sabiex tintlaħaq id-domanda għas-servizz.
Transport Malta – Sms Alert fuq karozzi li jdaħħnu
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti fuq l-sms alert ta' Transport Malta fejn wieħed jinforma lill-Awtorità dwar karozzi li jdaħħnu, matul l-ewwel sitt xhur tal-2014? Jista' jgħid kemm-il karozza ttellat għal test kaġun ta' dawn l-sms mill-pubbliku? Jista' jgħid kemm-il karozza ġiet ċertifikata li ma laħqitx il-livelli stabbiliti wara li saru dawn it-testijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċedura tas-sistema tal-emission alert hija li vettura trid tkun irċeviet aktar minn tlett rapporti permezz ta’ SMS minn numri tal-mobajl differenti fi żmien tlett xhur sabiex tkun eliġibli għall-ispezzjoni. Jitneħħew ukoll dawk ir-rapporti mil-lista ta’ SMSes li ma jkollhomx id-dettalji tajbin jew kompleti. Wara dan il-proċess sid il-vettura jiġi mitlub sabiex itella l-vettura għal spezzjoni permezz ta’ notifika li jirċievi bil-posta.
Meta vettura tittella’ għal spezzjoni u ma tkunx laħqet il-livell stabbilit ta’ emissjonijiet, sid il-vettura jingħata appuntament ieħor. F’dan l-istadju is-sid tal-karozza tinħariġlu multa. Dan il-proċess jibqa’ għaddej sa mal-vettura tgħaddi mill-ispezzjoni.
F’każ li vettura ma tittellax għal spezzjoni, is-sid tal-vettura jingħata appuntament ieħor fejn ikun mitlub li jtella’ il-vettura tiegħu. Iżda wara żewg appuntamenti fejn sid il-vettura ma jkunx tella’ l-vettura għal spezzjoni hekk kif rikjest, issir restrizzjoni fuq il-liċenzja tal-vettura sabiex din ma tkunx tista’ tiġi mġedda. Ir-restrizzjoni fuq il-liċenzja titneħħa biss wara li sid il-karozza jtella’ l-vettura għall-ispezzjoni u din tgħaddi.
Ninsab infurmat li t-total ta’ rapporti li daħlu matul l-ewwel sitt xhur tal-2014 ammonta għal 5,734. Minħabba l-proċedura kif spjegat hawn fuq, in-numru ta’ vetturi li kienu eliġibli għal spezzjoni jammonta għal 97 vettura. Minnhom kien hemm 11 vettura li ma laħqux il-livell stabbilit.
Ħal Qormi – Triq l-Imdina — Għeluq ta’ karreġġjata
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra ma' min ikkonsulta meta ddeċieda li jagħlaq il-karreġġjata li tagħti għar-roundabout fil-bidu ta' Triq l-Imdina, Ħal Qormi?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li kien il-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi u ċittadini oħra li ressqu l-problema ta' saħħa w sigurtà fl-inkroċju bejn Triq Manuel Dimech u Triq Mdina (Marsa) għall-attenzjoni tal-Awtorità tat-Trasport sabiex tiġi ndirizzata tali problema mill-istess Awtorità minħabba li t-toroq huma arterjali w distributorji.
Ħal Qormi – Triq l-Imdina – Għeluq ta’ karreġġjata
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk għandux il-ħsieb li jiftaħ mill-ġdid il-karreġġjata li tagħti għar-roundabout fil-bidu ta' Triq l-Imdina, Ħal Qormi, li ngħalqet ftit tal-ġimgħat ilu u li ġiet ikkritikata mis-Sindku ta' Ħal Qormi
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-operat tal-miżuri ta' sigurta’ li ttieħdu fir-roundabout ta' Ħal-Qormi ġie immoniterat u rriżulta li l-problema ta' sigurtà ġiet indirizzata u kien hemm titjib fl-andament tat-traffiku kif kien previst għax mhux qed jiġu kkrejati konġestjonijiet minħabba kolliżjonijiet spissi u t-traffiku ta' madwar ir-roundabout u dak li ġej minn Triq Manuel Dimech mhux qed jiġi ostakolat. Din il-problema kienet ikkrejata minħabba li d-disinn ta' dan l-inkroċju ma kienx skont standards stabbiliti għal disinn ta' roundabout minħabba l-angolu akut ħafna ta' bejn Triq Manuel Dimech u Triq Mdina (Marsa).
Ħal Qormi – Triq l-Imdina – Għeluq ta’ karreġġjata
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rakkomandazzjoni li saret mill-perit ta' Transport Malta sabiex il-karreġġjata li tagħti mill-Marsa għar-roundabout fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi tingħalaq? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra studji li setgħu saru fil-kunsiderazzjoni li ħadet Transport Malta sabiex din il-karreġġjata tingħalaq għat-traffiku?
Response (MIZZI, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-analiżi tal-intervent li sar fuq ir- roundabout ta' Ħal Qormi, liema analiżi għandha l-bażi tagħha f'diversi surveys li saru fuq il-post minn uffiċċjali tal-Awtorità tat-Trasport qabel ma saru x-xogħlijiet fil-fażi ta' ippjanar u monitoraġġ li sar fuq il-post wara li tlestew ix-xogħlijiet.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10257, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar ma’ min saru l-konsultazzjonijiet dwar il-policy ta’ parking f’Malta? Liema kienu l-konsultazzjonijiet esterni li saru dwar dan is-suġġett? Billi fir-risposta jingħad li l-policy mhux se tiffoka fuq in-numri ta’ parkeġġi iżda tiffoka fuq il-massimizazzjoni tal-użu tal-parkeġġi eżistenti u tippromwovi l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport, jista’ jagħti tagħrif dwar dan x’ifisser verament? Minbarra hekk, billi jingħad ukoll li mhux se jkun hemm prijorità ta’ lokalitajiet, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx li l-lokalitajiet kollha ta’ Malta huma meqjusa bħala lokalitajiet bl-istess ħtiġijiet ta’ parkeġġ?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Awtorità tat-Trasport kellha konsultazzjonijiet mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Unjoni Ħaddiema Magħqudin, General Workers Union, Malta Hotels and Restaurants Association, General Retailers and Traders Union, Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità, Sliema Business Association, Pulizija, Chamber of Commerce u Bicycle Advocacy Group. Dawn l-entitajiet ġew ikkonsultati dwar l-aktar partijiet kritiċi li hemm proposti fil-polza l-ġdida. Xi proposti ġew emendati fl-isfond tad-diskussjonijiet li saru bi qbil mal-entità kkonċernata. Ingħata widen ukoll lil dak kollu li ntqal fuq il-mezzi tax-xandir u tas-suġġerimenti mill-pubbliku in ġenerali, kif ukoll ta’ dak kollu li kellhom xi jgħidu il-Kunsilli Lokali kollha permezz ta’ laqgħat li saru magħhom hekk kif jien ġejt inkarigat minn dan il-Ministeru. Il-polza tiffoka fuq il-massimiżżazzjoni tal-użu tal-parkeġġ eżistenti u tippromwovi l-użu ta' meżżi alternattivi ta' transport billi qed tvara proposti ġodda u sistemi ta' kontroll li għandhom dan l-għan aħħari. Il-polza nfisha ma tagħtix prijorità lill- ebda raħal ġol-pajjiż iżda tiffoka fuq żoni ta' priorita’ li huma definiti mill-użu tal-art (land use).
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Santa Katarina (ix-Xwieki) bejn San Ġwann u l-Għargħur li ġiet magħluqa għat-traffiku minħabba l-preżenza ta’ żewġ kmamar tan-nar u li tħalliet biss għall-użu ta’ residenti, tistax terġa’ tinfetaħ għall-pubbliku issa li l-kmamar tan-nar m’għadhomx joperaw?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li din it-triq se tinfetaħ għall-pubbliku fl-isfond ta' sistema ta' traffiku f'direzzjoni waħda sabiex twieżen l-impatt tat-traffiku waqt li se jkunu qed isiru proġetti kbar ta' toroq fit-Tramuntana tal-pajjiż u suċċessivament fuq bażi permanenti
Ġaladarba l-Ministru stqarr fir-risposta mogħtija minnu għall-mistoqsija parlamentari 10320 li l-bus shelter inkwistjoni rriżulta li l-istandards kif stipulati fil-policy ta' Transport Malta f'dan ir-rigward ma' ġewx osservati, jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġuni dan il-bus shelter magħmul minn erba' kanen b'saqaf tal-hard board għadu fil-post u ma tneħħiex ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ġie spjegat fir-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10320, għalkemm l-istandards tax-xelter in kwistjoni mhumiex għal kollox konformi mal-policy ta’ Transport Malta, jirriżulta li l-istrutturi li ġew istallati fil-post indikat jilħqu il-kriterji t’aċċessibilita skont kif mitlub fl-istess policy. Għalhekk, ġie deċiż li dawn l-istrutturi jitħallew fil-post b’mod temporanju, sakemm tinstab soluzzjoni permanenti.
Għal dan il-għan, Transport Malta qiegħda fil-proċess li tikkonkludi proposta bil-għan li tinstab soluzzjoni permanenti sabiex ikun jista’ jiġi stallat bus shelter fuq il-bus stop li jservi l-akwati. Dan se jsir wara li l-istess proposta tkun ġiet diskussa u maqbula mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10320 jista' l-Ministru jgħid min mexxa l-investigazzjoni fi ħdan Transport Malta fuq il-bus shelter indikat fejn intqal li ma jnaqqasx l-aċċessibilità? Dan peress li fil-post fejn twaħħlu l-kanen huwa umanament impossibbli li persuni jgħaddu bil-pushchairs jew saħansitra b'siġġu bir-roti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-investigazzjoni fuq dawn l-istrutturi saru minn perit imqabbad minn Transport Malta.
Infurmat ukoll li id-distanza ta’ bejn il-ħajt u t-tarf tal-kanen li tqiegħdu taqbeż id-distanza minima kif mitlub fil-policy ta’ Transport Malta. Għaldaqstant, mhemm xejn li jxekkel persuni li jgħaddu b’pushchairs jew b’siġġu tar-roti minn fuq il-bankina.