Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat — Triq G. Borg Olivier

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet li tressqu dwar Triq G. Borg Olivier, Rabat, u l-fatt li matul l-interventi tiegħi preċedenti l-Ministru kien qal li kellu jsir pjan ta' prova biex jiġi studjat l-impatt li tikkawża sistema one way ta' din it-triq, jista' l-Ministru jinformana x'xogħol sar mill-Ministeru matul April, Mejju u Ġunju sabiex isir dan il-pjan? Meta se jsir dan il-pjan ta' prova?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq, flimkien mat-Traffic Control Board, qed jagħmel il-preparamenti meħtieġa.

VRT

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għandu jsir meta persuna ma ssibx garage fejn tagħmel it-test tal-VRT minħabba li jkun booked? Kif se tiġġedded il-liċenzja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet qiegħed jagħmel dak kollu possibli biex jiġu lliċenzjati kemm jista' jkun malajr stazzjonijiet oħra fejn ikunu jistgħu isiru testijiet biex jiċċertifikaw li vettura hija tajba għat-triq. Dan ma jiddependix biss mid-Dipartiment. Huwa ittamat li fi żmien raġonevoli ikun hawn biżżejjed stazzjonijiet biex ilaħħqu mad-domanda li jkun hawn għat-testijiet. Jekk għal xi raġuni dan il-għan ma jintlaħaqx id-Dipartiment jieħu dawk il-miżuri neċessarji biex ma tinħoloqx inkonvenjenza lis-sidien tal-vetturi.

Mosta — Triq il-Ħajriet - Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta sejra tinfetaħ Triq il-Ħtajriet, Mosta biex it-traffiku fil-Mosta ikollu iktar ftit fejn idur? Jaf il-Ministru li min mindu daħlet il-one(1) way traffic flow fi Triq Kostituzzjoni, Mosta diġa' għalqu n-negozju tagħhom numru ta' ħwienet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li saru bosta laqgħat ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jiġi deċiż il-pjan tat-Toroq fiż-żona ta' Triq il-Ħtajriet u nbdew ukoll 'surveys' tal-lokalita'. Hekk kif dawn is-'surveys' jitlestew id-Dipartiment tat-Toroq ikun f'pożizzjoni li jiffinalizza il-pjanti għat-toroq kollha konċernati.

Birgu — Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur

Question

B'riferenza għar-risposta li ta l-Ministru għall-mistoqsija parlamentari numru 4777, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, il-Birgu għadha miftuħa għat-traffiku?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmnat li l-Kunsill tal-Birgu kkonferma li x-xogħol imsemmi huwa nkluż fil-programm ta' xogħolijiet tal-Kunsill, tant li t-tabelli diġa' ġew ordanti mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi.

Sea Fly Ferries Ltd. — Katamarran

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru W33?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-mistoqsija parlamentari Nru. W33 ġiet mgħoddija lill-Onorevoli Membru fl-20 t`Awissu, 1999.

Toroq — Triq Reġjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu jieħu żmien ix-xogħol fuq Triq Reġjonali u r-roundabout tal-Kappara? Kemm spiċċa ħa żmien biex tlesta? Il-kuntrattur kellu xi obbligu kuntrattwali biex itemm xogħolu fi żmien stipulat? Jekk iva, x'passi ttieħdu talli dan ma onorax it-terminu ta' żmien miftiehem?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol li qed isir fil-Kappara involva diversi kuntratti u organizzazzjonijiet. Id-disinn originali sar mit-Transport Research Laboratory b'kuntratt li l-completion period ta' Preliminary Design tiegħu kien ta' tlett gimgħat, fil-waqt li l-completion period tal-final design kien ta'xahar. Ix-xogħol ta' l-irranġar tar-roundabout sar b'kuntratt li l-completion period tiegħu kien ta'ġimghatejn. L-istallazzjoni tal-lanterni sar mill-ħaddiema tad-Diviżjoni tax-xogħolijiet li ma jkunux hemm termini taż-żmien fuq ix-xogħol tagħhom. Minbarra dan kellu jsir xogħol mill-Enemalta biex jiċċaqalqu l-arbli,li wkoll isir bla terminu fiss. Stallazzjonijiet ġodda saru mill-Melita Cable li l-istess kellhom kuntratt separat għax-xogħolijiet tal-Gvern. Dawn ix-xogħolijiet ta' hawn fuq tlestew fis-6 ta' dan ix-xahar. Bejn is-7 ta' Ottubru u l-14 t'Ottubru ser isiru is-sinjali ta' l-art u t-tabelli tat-traffiku u l-ikkommissjunar tas-sistema kollha mid-disinjaturi tat-TRL. Filwaqt li x-xogħol kollu jidher li dam aktar minn kemm oriġinarjament previst, dan id-dewmien jirriżulta li ġara minħabba diversi fatturi, inkluż miżuri li bihom ix-xogħol ġie tested waqt li kien għaddej.

VRT test — Garaxxijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm garages attrezzati għal VRT Tests? Kemm inħarġu liċenzji għal dawn il-garages s'issa? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti? Kemm qagħdu karozzi għat-test s'issa? Kemm minnhom għaddew/weħlu minn dan it-test?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa hemm disa' stazzjonijiet attrezzati biex jagħmlu il-Vehicle Roadworthiness Test. Sa issa inħargu disa' liċenzji lil dawn l-istazzjonijiet u fadal erbgħa u erbgħin applikazzjoni pendenti. Billi skond ir-Regolamenti ta' l-1998 dwar Testijiet biex jiċċertifikaw li Vetturi Bil-Mutur ikunu tajba għat-Triq, it-Testing Stations iridu jagħtu din l-informazzjoni dwar dak ix-xahar partikulari lid-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet sa ħmistax-il ġurnata wara kull l-aħħar tax-xahar, issa d-Dipartiment għad m'għandux l-informazzjoni b'mod uffiċċjali.

Uffiċċju tar-Regolatur tat-Telekommunikazzjoni

Question

Fid-dawl tat-tibdil li qed isir fil-qasam tat-telekommunikazzjoni minħabba l-liberalizzazzjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-Uffiċċju tar-Regolatur tat-Telekommunikazzjoni jiġi msaħħaħ? Jekk iva, kif u meta se jiġri dan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li għalkemm l-Uffiċċju tar-Regolatur qiegħed jinqeda mir-riżorsi umani tad-Dipartiment tat-Telegrafija mingħajr Fili, qegħdin isiru sforzi biex l-Uffiċċju tar-Regolatur jissaħħaħ iżjed biex ikun jista` jilqa` aħjar għal l-iżviluppi liberi li mistennija jseħħu f'dan is-settur.

Kabinett — Melita Cable

Question

Jista'l-Ministru jgħid jekk il-kwestjoni tal-Melita Cable u l-pjani tagħha li tipprovdi servizz ta' l-Internet fuq il-cable qattx ġiet diskussa fuq livell ta' Kabinett? Jikkonferma l-Ministru li l-gvern beħsiebu jneħħi l-monopolju tal-Melita Cable fil-proċess tal-liberalizzazzjoni fil-qasam tat-telekommunikazzjoni?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-Onorevoli Membru għandu japprezza li dak li jiġi diskus fil-Kabinett hu ta' natura kunfidenzjali.

MMA — Reġistrazzjoni ta'vapuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi tagħmel l-Awtorita' Marittima biex tara li sidien ta' vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija ma jkomplux jabbużaw u ma jħallsux l-ekwipaġġ tagħhom jew ma jkunux ta' standard aċċettabbli? Kemm-il vapur tneħħa mir-reġistru Malti fl-aħħar disa' xhur? X'kienu r-raġunijiet? Liema kienu l-vapuri? Min kienu s-sidien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-ħidma ewlenija li tagħmel l-Awtorita' Marittima ta' Malta biex tara li l-vapuri reġistrati f'Malta jżommu standards stipulati f'konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-vapuri u t-tbaħħir hija permezz ta' l-ispettorat li għandna madwar il-portijiet prinċipali f'pajjiżi barranin. Illum il-ġurnata l-Awtorita' għandha firxa ta' 91 spettur fi 52 pajjiż differenti li bejniethom ikopru portijiet f'73 pajjiż. Minn Jannar sa Settembru ta' din is-sena l-Awtorita' żammet 33 vapur milli jkomplu jbaħħru wara spezzjonijet li saru, sakemm ġie żgurat li l-vapuri ġew konformi ma' l-istandards meħtieġa. Ir-raġunijet għaliex ġew miżmuma dawn il-vapuri jvarjaw minn nuqqassijiet fin-numru u l-kompetenza ta' l-ekwipaġġ għal defiċenzi tekniċi u ċertifikati meħtieġa li jkunu skadew. Matul l-aħħar disa' xhur tneħħew 251 vapuri mir-reġistru Malti jew wara talba min-naħa tas-sidien stess jew għax intużaw is-setgħat tal-Ministru responsabbli għall-bastimenti li jordna l-għeluq ta' reġistrazzjoni. Ma' nħossx li għandhom jingħataw l-ismijiet u s-sidien tas-vapuri lli għal xi raġuni jew oħra tneħħew mir-reġistru Malti.

MMA — Reġistrazzjoni ta' vapuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-tunnellaġġ ta' vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija? Kemm ġew reġistrati din is-sena? Kemm saru spezzjonijiet fuq vapuri li huma reġistrati f'Malta minn spetturi ta' l-Awtorita' Marittima matul din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-tunellaġġ (gross) ta' vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija huwa ta' madwar 27 miljun. Din is-sena, sa l-aħħar ta' Settembru 1999, ġew reġistrati 437 vapur. In-numru ta' spezzjonijiet li saru fuq vapuri reġistrati fżMalta matul l-istess perjodu kien ta' 452.

Wied is-Sewda — Pontijiet

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 9924, jiġifieri, jistax jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru ż-żewġ pontijiet f'Wied is-Sewda li kienu ppjanati bħala parti mix-xogħol ta' rehabilitation ta' dan il-wied?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Zabbar — Triq ir-Redentur - Twessigħ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9283, jista' l-Ministru jgħid jekk minn Diċembru tas-sena l-oħra kienx hemm xi deċiżjoni dwar meta se jibda x-xogħol ta' twessigħ ta' Triq ir-Redentur, Ħaż-Żabbar? Jaf il-Ministru li spiss ikun hemm inċidenti fejn ikorru n-nies minħabba l-ostaklu li hemm f'din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

M'għandi xejn x'inzid mar-risposta għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9158.

VRT

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-garaxxijiet/kumpanniji li huma liċenzjati li jagħmlu l-Vehicle Roadworthiness test? Jista' l-Ministru jara li tintbagħat din il-lista lis-sid tal-vettura meta dan tintbagħtlu r-reminder sabiex iħallas il-liċenzja tal-vettura?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-lista ta' dawk it-Testing Stations li huma illiċenzjati biex jagħmlu l-Vehicle Roadworthiness Test hija kif ġejja:- Gasan Enterprises Ltd 363, Rue D'Argens Gżira Car Clinic 26, Gżira Road, Gżira Chas Ltd 102, Industrial Zone, Ħal-Far Techno Garage Ltd Fort Street, Mosta VRT Services Ltd 35, Valletta Road, Qormi The Test Lane 38, Mdina Road, Qormi Tony's Auto Parts and Services 19, Romano Perellos Str,St Paul's Bay Cartech Ltd Triq Loreto Cutajar, Zebbug-Malta Pulitu Garage Triq San Leonardu, Victoria, Gozo Id-Dipartiment tal-Liċenzji, perjodikament qed jippubblika l-ismijiet ta' dawk it-Testing Stations li, minn żmien għal żmien qed jiġu awtorizzati biex jagħmlu it-testijiet biex jiċċertifikaw li vettura hija tajba għat-triq. Billi għadhom qed jiġu ipproċessati applikazzjonijiet għal-Testing Stations, id-Dipartiment ħass li kienet ser issir diskriminazzjoni ma dawk l-applikanti li l-applikazzjoni tagħhom ma' tkunx għadha ġiet aċċettata meta jkunu qed jintbagħtu l-avviżi għat-testijiet.

VRT

Question

Peress li diġa' bdew it-tests tal-VRT, jista'l-Ministru jgħid kemm hemm licenced operators sal-lum? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet u l-indirizzi ta' dawn il-licenced operators? Peress li hemm talbiet varji minn kumpanniji biex jagħmlu t-taħriġ lill-impjegati tagħhom biex jibdew il-ġestjoni ta' xogħol, jista' l-Ministru jagħti schedule ta' meta se jsir dan it-taħriġ matul dan ix-xahar ta' Ottubru?

Response (GALEA, ĊENSU)

Rigward l-ewwel u t-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 10040. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Membru li għadhom ma ġewx iffissati ebda dati.

Luqa — Ħal Farruġ - Bus shelter

Question

Jista' l-Ministru jordna li ssir bus shelter ġo Ħal Farruġ, Luqa minħabba li kemm l-istudenti u kulmin ikun irid juża servizz pubbliku ta' trasport jixxarrab kull meta tagħmel ix-xita?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku biex tkun kunsidrata ma' talbiet oħra simili.

PTA — Ħinijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra wkoll li xarabanks jidħlu f'ċertu ħinijiet ta' l-inqas qrib l-estate proprju u mhux dejjem jgħaddu mill-periferija ta' dan l-estate?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika għal liema estate qiegħed jirreferi.

Toroq — Tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jsir it-tqegħid ta' tarmac fit-toroq fl-inħawi ta' Tar-Rabbat, il-Ħamrun?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li qed isiru diskussjonijiet ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali sabiex jiġu stabbiliti kriterji li jiddeterminaw il-prijorita' ta' xogħol ta' asfaltar ta' toroq bħal dawn f' tar-Rabbat, fuq bażi nazzjonali li tkun tapplika fiż-żoni ta' Kunsill Lokali kollha. Minbarra hekk, iżda d-Dipartiment tat-toroq qed ukoll jieħu passi biex areas bħal dawn ikunu jistgħu jiġu rranġati.