B’ referenza għall-eżami li jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku fis-sessjoni li nżammet f’Jannar 2013, jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni qagħdu għall-eżami? Kemm minnhom għaddew, u kemm minnhom weħlu minn dan l-eżami?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li se tingħata possibbiltà ta’ resit għal dawk li ma għaddewx mis-sessjoni ta’ Jannar 2013 tal-eżami għad-dħul fis-servizz pubbliku? Hija l-ewwel darba li qed isiru resits f’eżamijiet bħal dawn? Meta fetħu l-applikazzjonijiet għar-resits u meta għalqu? Meta se jsir ir-resit? Min seta japplika għar-resit? Kemm fil-fatt applikaw għal dan ir-resit?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal Ċirkulari tal-PAHRO Nru. 9/2013 li kopja tagħha qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Se tingħata l-possibiltà ta' re-sit għal dawk li ma għaddewx mis-sessjoni ta' Jannar ta' l-eżamijiet għad-dħul fis-Servizz Pubbliku.
Din hija l-ewwel darba li qed isiru re-sits f'eżamijiet bħal dawn.
L-applikazzjonijiet għar-re-sits fetħu fit-22 ta' Mejju u se jagħlqu fis-6 ta' Ġunju 2013.
L-eżamijiet tar-re-sit se jsiru mid-29 ta' Lulju sat-3 ta' Awwissu 2013.
Setgħu japplikaw dawk il-kandidati kollha li għamlu l-eżamijiet u weħlu minn suġġett wieħed jew mit-tnejn kif ukoll dawk li fl-eżamijiet għal gradi ta' Assistent Prinċipal u Prinċipal Anzjan ma għaddewx jew ma kellhomx l-aggregate.
In-numru ta' dawk li applikaw għar-re-sits se jkun magħruf aktar tard peress li d-data tal-għeluq għall-applikazzjoni hi s-6 ta' Ġunju 2013.
B’ referenza għall-eżami ta’ Jannar 2013 li jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku, jista’ l-Ministru jikkonferma li r-resit huwa legalment korrett minkejja li fis-sejħa oriġinali ma kienx imħabbar li hemm il-possibbiltà ta’ resit? Min ta dan il-parir?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-deċiżjoni dwar re-sit ittieħdet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru b'konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u mal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Din id-deċiżjoni kienet intiża biex tindirizza problema reali li żviluppat.
B’ referenza għall-eżami li nżamm f’Jannar 2013 li jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jiġu impjegati dawk kollha li jgħaddu? Jekk le, kemm minnhom se jiġu impjegati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tista' tingħata mill-uffiċċju tal-PAHRO li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Peress li l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) hija istituzzjoni edukattiva li ma taqax taħt id-dekasteru tiegħu, jista' l-Ministru jispjega kif beħsiebu li jżomm komunikazzjoni bejn il-Ministeru tiegħu u t-tmexxija l-ġdida tal-Istituzzjoni tal-Istudji Turistici?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm komunikazzjoni kontinwa bejn iż-żewġ ministeri.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx ikkonsultat mill-Ministru responsabbli għat-Turiżmu dwar il-ħatra tal-bord il-ġdid tal-Istituzzjoni tal-Istudji Turistiċi (ITS)? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx rappreżentant maħtur mill-Ministeru tiegħu, u jekk hemm minn hu dan ir-rappreżentant?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-bord inħatar mill-Ministru responsabbli għat-Turiżmu wara konsultazzjoni miegħi.
Ir-rappreżentanti tiegħi huma s-Sinjuri Adrian Grech Cumbo u Alfred Quintano.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Malti għall-Isport għandiex għall-użu tagħha karozza tal-linja proprjetà tal-istess Kunsill Malti għall-Isport? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid:
a) meta nxtrat jekk din kienet inxtrat;
b) jekk inxtrat kemm qamet u mingħand min inxtrat; u
ċ) kemm-il darba ntużat matul dawn l-aħħar sitt xhur?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-KMS għandu għall-użu tiegħu karozza tal-linja li nxtrat mingħand Transport Malta fil-15 ta' Diċembru 2011 għall-prezz ta' €15,340.00. Din il-karozza tal-linja bdiet tintuża f'Jannar li għadda wara li sar ix-xogħol ta' manutenzjoni meħtieġ u l-vettura sarilha l-VRT. Minn Jannar li għadda din il-karozza tal-linja intużat seba' (7) darbiet għat-trasport tal-parteċipanti fil-programmi sportivi tal-KMS, kif ukoll intużat darba biex iġġorr atleti internazzjonali tal-weightlifting.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) għandiex vetturi tagħha? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid ta' liema tip huma, meta nxtraw, kemm qamu u x'kienet ir-raġuni għaliex inxtraw f'kull każ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw tenders mill-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) bejn Jannar 2012 u Marzu 2013? Jista' jgħid:
a) għal liema servizz kienu dawn it-
tenders
;
b) meta ħarġet kull sejħa għal kull tender u kif ġiet reklamata;
ċ) kemm applikaw għal kull tender;
d) lil min kienu dawk li applikaw għal kull tender u l-offerta ta' kull wieħed minnhom; u
e) min ingħata kull tender?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel f'Għawdex li fihom se jsir xogħol ta' manutenzjoni? Meta se jsir dan ix-xogħol f'kull skola? Meta hu mistenni jitlesta f'kull skola? Fiex se jkun jikkonsisti l-istess xogħol f'kull skola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Kif diġa' ġie mwieġeb f'risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 210, fil-ħames snin li ġejjin ix-xogħol ta' manutenzjoni u tisbiħ fl-iskejjel kollha ta' Malta u Għawdex ser jitkompla b'enfasi f'dawk l-iskejjel l-antiki li għandhom bżonn manutenzjoni qawwija. Il-Ministeru ghall-Edukazzjoni u x-Xogħol waqqaf task force sabiex jagħmel eżerċizzju fl-iskejjel kollha ta' Malta u Għawdex sabiex jiġu identifikati dawk l-iskejjel li għandhom bżonn manutenzjoni qawwija u estensiva.
Issa li nħatar il-Kunsill Malti għall-Isport (KMS), jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li ġew maħtura mill-Ministru u l-kompetenza u esperjenza ta' kull persuna fil-qasam sportiv ta' kull persuna li ġiet appuntata minnu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuni li nħatru mill-Ministru fuq il-Bord tal-Kunsill Malti għall-Isport huma:-
Is-Sur Jonathan Barbara
Is-Sur Dunstan Attard
Is-Sur Keith Bartolo
Is-Sur Teddie Borg
Is-Sur Alfred Cachia
Is-Sur Christopher Cocker
Is-Sur Nikolai Gauci
Biex inħatru ntużaw l-istess kriterji bħas-snin ta' qabel.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jinfetaħ childcare centre fl-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn peress li f’din il-lokalità hemm numru konsiderevoli ta’ single parents?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Filwaqt li l-lokalità ta’ Wied il-Għajn qiegħda fil-proposta li l-Fondazzjoni għamlet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, il-Fondazzjoni tgħid li ma tistax tintrabat b’data ta’ meta se jinfetaħ dan iċ-ċentru.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tfal tal-iskejjel ġew irrappurtati li ġew infettati bl-iSlapped Cheek Syndrome? F’liema perijodu ġara dan? F’liema lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex seħħ dan? Kemm hemm tfal li fil-preżent huma infettati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Din il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru għas-Saħħa li jżomm l-informazzjoni nazzjonali dwar il-mard infettiv.
Slapped Cheek Syndrome – stħarriġ dwar konsegwenzi mediċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment għas-Servizzi Edukattivi jew xi dipartiment ieħor indagax mal-awtoritajiet tas-saħħa dwar xi konsegwenzi mediċi li tista’ tikkawża l-iSlapped Cheek Syndrome? Jista’ jgħid fil-qosor ir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi huwa f’kuntatt kontinwu mad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard u dawn tal-aħħar jgħaddu informazzjoni relatata ma’ din il-marda lill-iskejjel. Din l-informazzjoni tagħti tagħrif dwar il-marda, is-sintomi u mezzi ta’ prevenzjoni. Din l-informazzjoni tingħata lill-ġenituri ta’ fejn ikun hemm xi każ.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kellux informazzjoni li l-iSlapped Cheek Syndrome tista’ tikkawża korrimenti fit-tqala jew kumplikazzjonijiet fil-qalb tat-tarbija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru ghas-Saħħa li fi ħdanu taqa' The Infectious Disease Prevention and Control Unit.
Jista’ l-Ministru jgħid hux qed jittieħdu prekawzjonijiet speċjali ta’ igjene fl-iskejjel biex ma tkomplix tinfirex l-infezzjoni tal-iSplapped Cheek Syndrome fost l-istudenti u l-għalliema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-prekawzjonijiet speċjali ta' iġjene kif rakkomandat mill-Infectious Disease Prevention and Control Unit fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa huma l-aktar il-ħasil tal-idejn regolari.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern fassalx pjan ta’ kontinġenza fl-eventwalità li l-iSlapped Cheek Syndrome tkompli tinfirex fl-iskejjel tagħna?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi pjan ta' kontinġenza jsir mill-Infectious Disease Prevention and Control Unit fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi qiegħed f'kuntatt kontinwu ma' dan il-unit u jsegwi l-istruzzjonijiet li jingħataw.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux pjan ta’ kontinġenza f’każ ta’ epidemiji ta’ mard kontaġġjuż?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi qed iżomm kuntatt kontinwu mad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard u dawn tal-aħħar għandhom protokolli dwar investigazzjonijiet ta’ mard infettiv (Standard Operating Procedures).
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — impjegati trasferiti
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 218, jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li uffiċjal fuq skala 5 li kien jaħdem fid-Dipartiment tas-Servizzi tal-Istudenti fil-Ħamrun ingħata inkarigu ġdid fl-Uffiċċju tal-Ministeru fil-Furjana?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Iva, nikkonferma. Dan l-uffiċjal ingħata inkarigu ieħor fi ħdan l-istess Ministeru fil-Floriana.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsiru tibdiliet fil-membri nominati mill-Gvern fuq l-Awtorità Nazzjonali tax-Xogħol? Jista' jikkonferma jekk l-Awtorità hix qed tiltaqa' regolarment biex tisma’ l-każijiet li jidhru quddiem din l-Awtorità?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-membri tal-Bord tal-Awtorità Nazzjonali tax-Xogħol jiġu maħtura għall-perjodu ta' sentejn skont l-Avviż Legali 110 Dwar is-Servizzi Ta' Impjiegi u Taħriġ. Fix-xhur li ġejjin it-terminu tal-kariga ta' xi membri ser jiġi fi tmiemu.
Ebda membru maħtur ma jista' jiġi mneħħi mill-kariga jekk mhux bl-approvazzjoni tal-Eċċellenza Tiegħu l-President tar-Repubblika wara konsultazzjoni mal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Bħalissa l-Bord qed jiltaqa' kull ħmistax il-ġurnata, fejn jisma' mal-25 appell f'kull laqgħa.