Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti d-dettalji, imħallef b'imħallef, dwar kemm inqatgħu sentenzi mill-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Ottubru 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fis-sit www.justice.gov.mt taħt Court Statistics li tinsab f'Court Services. Ovvjament għandu jaċċessa għall-istatistika taċ-Ċivil. F'dan is-sit hemm kemm ġew deċiżi kawżi (kemm inqatgħu sentenzi), imħallef b'imħallef fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili.
L-istatistika hija aġġornata sa l-aħħar t'Ottubru 2004. Kopja qiegħda tiġi hawn annessa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu sentenzi mill-Qorti tal-Familja u jgħid min hu l-imħallef li ppresjeda bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Ottubru 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kollha mitluba minnu tinsab fis-sit www.justice.gov.mt taħt Court Statistics li tinsab f'Court Services. Ovvjament għandu jaċċessa għall-istatistika taċ-Ċivil. L-istatistika tinkludi kemm kien hemm kawżi deċiżi (kemm inqatgħu sentenzi) fil-Qorti tal-Familja. Kopja qiegħda tiġi hawn annessa.
L-imħallef Raymond C Pace huwa l-Imħallef li ppresjeda f'din il-Qorti bejn l-1 ta' Jannar u l-15 t'Ottubru 2004.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu appelli kriminali u min kien l-imħallef li ppresjeda bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Ottubru 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba dwar Appelli Kriminali Inferjuri Konklużi hi kif ġej:-
L-Unur Tiegħu l-Prim Imħallef Vincent DeGaetano LL.D. - 30 appell
Onorevoli Joseph Galea Debono - 102 appell
Onorevoli David Scicluna - 44 appell
Onorevoli Geoffrey Valenzia - appell wieħed
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu jew b'xi mod ġew konklużi ġurijiet u min kien l-imħallef li ppresjeda bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Ottubru 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba dwar ġurijiet konklużi hija din:-
Kien hemm Att ta' Akkuża wieħed deċiż mill-Unur Tiegħu l-Prim Imħallef Vincent DeGaetano.
Atti ta' Akkuża deċiżi kien hemm 18 quddiem l-Onorevoli Imħallef Joseph Galea Debono.
Kien hemm Att ta' Akkuża wieħed deċiż mill-Onorevoli Imħallef Gino Camilleri.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu kawżi mill-Qorti ta' l-Appelli Inferjuri (Sede Ċivili) u min kienu l-imħallfin li ppresjedew bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Ottubru 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kollha mitluba minnu tinsab fis-sit www.justice.gov.mt taħt Court Statistics li tinsab f'Court Services. Ovvjament għandu jaċċessa għall-istatistika taċ-Ċivil. L-istatistika tinkludi kemm inqatgħu kawżi (deċiżi) mill-Qorti ta' l-Appell Inferjuri (Sede Ċivili) mill-1 ta' Jannar 2004 sa l-aħħar t'Ottubru 2004. Kopja qed tiġi hawn annessa.
L-imħallfin li ppresjedew din il-Qorti fil-perjodu fuq indikat kienu l-Onor. Imħallef Philip Sciberras u l-Onor. Imħallef Ray Pace. Kawżi li jastjenu minnhom dawn l-Imħallfin jinstemgħu mill-Onor. Imħallef Alberto Magri u l-Onor. Imħallef Anton Depasquale.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk min jgħix f'post tal-gvern jistax irabbi annimali? X'passi jittieħdu sabiex jitwaqqaf abbuż bħal dan?
Response (BORG, TONIO)
Min jgħix f'post tal-gvern ma jistax irabbi annimali. Fejn jiġu irrapurtati abbużi bħal dawn, id-Dipartiment ta' l-Artijiet jieħu il-passi meħtieġa kontra min jabbuża, biex ineħħi l-annimali.
Pulizija — Persuni li nqabdu jsuqu taħt l-influwenza tax-xorb
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jindika l-ammont ta' persuni li nstabu li kienu qed isuqu taħt l-influwenza tax-xorb fis-snin 2002, 2003 u 2004 (sal-lum)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' sewwieqa li kellhom riżultat pożittiv wara li l-Pulizija għamlitilhom it-testijiet tan-nifs fuq suspett li kienu qed isuqu taħt l-influwenza ta' l-alkoħol fis-snin imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, huwa kif ġej:
Sena
Test pożittiv
Irrifjuta jew test mhux komplut
2002
85
39
2003
54
49
2004*
36
42
*Sat-30.09.04
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika jekk hemmx xi ħsieb li jitwaqqfu tribunali reġjonali?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm preżentement m'hemmx il-ħsieb li jitwaqqfu tribunali reġjonali, pero' din il-miżura m'hiex eskluża kompletament u tista' tiġi proposta wara l-istudju u konsultazzjoni li tinħass opportuna.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weħlu ċitazzjonijiet ta' sewqan eċċessiv minn meta ġie introdott l-ispeed limit fuq il-bridge ta' Regional Road?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ngħataw 309 il-ċitazzjoni mill-Pulizija dwar sewqan b'veloċita aktar minn dik permessa fuq il-pont ta' Regional Road minn meta din ir-restrizzjoni ġiet fis-seħħ.
Uffiċċju Konġunt — Applikazzjonijiet għall-fidi ta' ċnus
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm applikaw persuni u taħt liema skemi biex jifdu ċnus jew jixtru proprjeta' li hi ta' l-Uffiċċju Konġunt?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li applikaw biex jifdu ċ-ċnus jew jixtru proprjeta' amministrata mill-Uffiċċju Konġunt huwa kif jidher hawn taħt:-
Skema 1996
Numru ta' Applikazzjonijiet
Kera
495
Ċens Perpetwu
341
Ċens Temporanju
684
TOTAL
1,520
Skema 1998
91
Skema 2001 sa 26/08/2004
3,223
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tinżammx statistika ta' postijiet/proprjeta' mibjugħa lill-barranin? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid matul din is-sena, xahar b'xahar, kemm kien hemm proprjeta' li nxtrat minn barranin? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalita' huma u kemm hu l-valur ta' dawn il-postijiet, xahar b'xahar?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġett tal-Mistoqsija jirrigwardja l-Capital Transfer Department, u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex qed isiru diversi spezzjonijiet fil-fond okkupat minn inkwilini rikonoxxuti? Huwa minnu li hemm ħsieb li dawn l-inkwilini jinħarġu mill-imsemmi fond u jingħataw post alternattiv biex imbagħad dan il-fond jiġi trasformat f'uffiċċju amministrattiv? Dettalji qed jintbagħtu separatament.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi huwa minnu li hemm il-ħsieb li l-familja li għandha il-kirja tal-fond imsemmi jiġu provduti fond alternattiv, peress li l-fond ser jiġi trasformat bħala uffiċċju amministrattiv għall-Ministeru Familja u Solidarjeta' Soċjali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti lista tas-safar li sar minn impjegati tad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu bejn Jannar 2004 sal-lum? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra u fejn siefru? Min kienu l-persuni li siefru? Xi grad għandhom (jew taħt liema skala ta' salarju jaqgħu) il-persuni li siefru? Min awtorizza kull safra? Min mar business class jew first class?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex kaċċaturi Maltin li jmorru l-Eġittu għall-kaċċa bil-permessi kollha meħtieġa mhux se jitħallew idaħħlu Malta tajr li la huwa protett fl-Eġittu u lanqas f'Malta u li qabel kien jitħalla jiddaħħal f'Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli għall-Ambjent.
Klandestini — Applikazzjonijiet għal status ta' refuġjat
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' klandestini li applikaw għal status ta' refuġjat fis-snin 2003 u 2004 (s'issa) u kemm minnhom ġew milqugħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li waslu Malta fuq dgħajjes u li applikaw għal status ta' refuġjat fis-snin 2003 u 2004 (sas-27 ta' Awissu), flimkien man-numru ta' kemm fosthom ġew rikonoxxuti bħala refuġjati jew ingħataw status umanitarju, hu kif ġej:
2003 2004
Applikaw 519 441
Rikonoxxuti Refuġjati 50 3
Protezzjoni Umanitarja 321 303
UE — Talba biex jiġu mtejba l-faċilitajiet għall-immigranti llegali f'Malta
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk u meta Malta għamlet talba speċifika taħt xi fond/i ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jiġu mtejba l-faċilitajiet għall-immigranti llegali f'Malta? X'kien l-eżitu?
Response (BORG, TONIO)
Id-Direttorat għat-Third Country Nationals fi ħdan il-Ministeru għamel talba għal ko-finanzjament ta' żewġ proġetti taħt il-European Refugee Fund in konnessjoni ma' proġetti mressqa mill-Kummissjoni Emigranti u mill-Jesuit Refugee Service. Dawn il-proġetti huma maħsuba biex jittejbu l-faċilitajiet ta' akkomodazzjoni għar-refuġjati wara li jkunu ħallew iċ-ċentri ta' akkomodazzjoni.
Bħalissa din it-talba qegħda tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni Ewropea.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' klandestini li qed jinżammu fid-depot tal-pulizija? Kemm ilhom jinżammu klandestini fid-depot u kemm huwa n-numru ta' pulizija u uffiċjali tal-pulizija responsabbli miż-żamma ta' l-ordni ta' dawn il-klandestini? X'bażi ta' shift/roster għandhom dawn il-pulizija? Kemm-il siegħa qed jaħdmu u kemm-il siegħa overtime qed jagħmlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-25 ta' Settembru ta' din is-sena beda jintuża iċ-ċentru ta' akkomodazzjoni ġewwa il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fejn fil-preżent hemm miżmuma 142 immigrant illegali. Infurmat ukoll illi hemm b'kollox 15-il membru tal-Korp assenjat magħhom, li jaħdmu x-xift addottat fiċ-ċentri ta' akkomodazzjoni mmexxija mill-Pulizija, u ċioe' 12, 12, off (day night rest).
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8312 u cioe' jgħid kemm kien in-numru ta' kunsilliera u sindki, lokal lokal f'Malta u Għawdex, li rriżenjaw sena b'sena minn meta twaqqfu l-kunsilli lokali fil-gżejjer tagħna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8312 hu kif jidher fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kunsilli f'Malta u Għawdex li talbu għal aktar fondi matul din is-sena? Liema kienu u kemm hija ċ-ċifra globali li ntalbet sabiex jiġu akkomodati dawn il-prioritajiet ta' dawn il-kunsilli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul din is-sena (2004), l-ebda Kunsill Lokali ma għamel xi talba speċifika għal aktar fondi.