Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Prim Ministru jinvestiga jekk il-kumpannija ta' l-ivjaġġar li mingħandha jixtri l-biljetti regolarment il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin iġġibx ukoll tfajliet mill-Ewropa tal-Lvant f'pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ovvjament din il-mistoqsija tikkonċerna l-operat ta’ kumpanija privata. M’huwiex ċar jekk l-Onorevoli Interpellant huwiex qiegħed jallega li hemm xi ksur tal-liġi. F’dan il-każ hu mistenni jirrapporta lill-awtoritajiet kompetenti.

MFSA — Xiri ta' biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li fiż-żmien li l-MFSA kienet taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministru Dalli kemm-il darba xtrat biljetti ta' l-ajru mingħand l-aġenzija ta' l-ivjaġġar li ssemmiet f'The Times riċentement u li tagħmel parti mill-holding company li tinvolvi familjari tal-Ministru Dalli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ biljetti ta’ l-ajru li nxtraw mingħand Tourist Resources, huwa ta’ tmienja u sebgħin (78).

Servizz Ċivili — Użu tal-lingwa Maltija

Question

Possibbli l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jerġa' jagħti struzzjonijiet lil kapijiet tad-dipartimenti biex jimxi skond iċ-ċirkolari OPM 52/87 datata 4 ta' Ġunju, 1987, dwar l-użu tal-lingwa Maltija meta jkunu qed jikkorrispondu bejn dipartiment u ieħor u mal-pubbliku kif ukoll f'formoli uffiċjali wżati fl-istess dipartimenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi minn żmien għal żmien joħorġu ċirkularitajiet dwar l-użu tal-lingwa Maltija f’korrispondenza uffiċjali. Se jittieħdu l-passi neċessarji biex jiġi mwettaq is-suġġeriment magħmul mill-Onorevoli Interpellant biex il-Kapijiet tad-Dipartimenti jiġu mfakkra dwar l-importanza ta’ l-użu tal-lingwa Maltija f’korrispondenza uffiċjali.

Bord ta' l-Għażla — Offset perfecting 2 colour machine

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid min kienu l-membri tal-Bord ta' l-Għażla fir-rigward tal-makna offset perfecting 2 colour machine li għadha kif ġiet approvata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-membri tal-Bord ta’ l-għażla fir-rigward tal-makna offset perfecting 2 colour machine li għadha kif ġiet approvata kienu dawn: Charles Sammut Chief Printer Ray Zammit Assistant Chief Printer Alex Cutajar Press Inspector (Offset Section)

VAT department

Question

B'riferenza għad-dokument li qed jintbagħat separatament, jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-dipartiment tal-VAT ma jridx jindaga t-talba hemm spjegata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-cash register indikat fil-mistoqsija nxtara b’sussidju mogħti mill-Gvern fis-sena 1994. Kienet il-proċedura ta’ dak iż-żmien li cash registers mixtrija b’sussidju jiġu ritornati lid-Dipartiment meta negozju jingħalaq bħal ma kien f’dan il-każ biex b’hekk jiġi trasferit għal negozju ieħor. Jirriżulta li l-cash register imsemmi kien ġie trasferit fuq negozju ieħor. Jien infurmat li d-Dipartiment tal-VAT sejjer jitlob kopja ta’ dawn id-dokumenti sabiex ikun jista’ jindaga jekk ikun il-każ.

Stamperija tal-Gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jara li kull meta tiżviluppa xi problema fl-Istamperija tal-Gvern li taffettwa x-xogħol, id-direttur u ċ-chief printer jindirizzaw l-istaff b'mod diċenti u mhux bl-użu ta' kliem xejn deni u oxxen u ta' theddid?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub ikun aktar speċifiku għax il-mistoqsija hija vaga ħafna.

Stamperija tal-Gvern — Image setter

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid: 1) x'kienet ir-raġuni li l-image setter (CREO), fl-Istamperija tal-Gvern li għadha kif ġiet installata, mhijiex l-istess waħda bħal dik li kienet inħarġet it-tender oriġinali? 2) Jista' jgħid għalfejn din il-bidla kienet awtorizzata u x'differenza kien hemm fil-prezz, jekk kien hemm?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Imagesetter (CREO) li ġiet installata fl-Istamperija tal-Gvern hija l-istess waħda li ġiet awarded fit-tender oriġinali (CREO Dolev 800 V2 Imagesetter). Ma kien hemm ebda bidla mill-award oriġinali u għalhekk ma kien hemm ebda differenza fil-prezz.

Stamperija tal-Gvern — Image setter

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid: a) wara l-istallazzjoni ta' l-image setter (CREO) kemm ġew minfuqa flus s'issa fuq films u kimika? b) Jista' jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-istess films u kimika jibdew jinxtraw permezz ta' l-offerti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wara l-installazzjoni ta’ l-Imagesetter (CREO) il-flus minfuqa f’films u kimika kienu: Films 711mms x 60m Lm2009 Films 508mms x 60m Lm1172 Kimika Lm 145 Il-films u l-kimika mixtrija huma skond kif irrikmandat mill-manifattur ta’ l-istess Imagesetter u marbuta mal-garanzija ta’ l-istess makna. Il-films u l-kimika jiġu mixtrija skond ir-regolamenti finanzjarji.

Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew — Offerta għall-provvista tat-trasport

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6093 u cioe' jista' jgħid min tefa' l-offerta għall-provvista tat-trasport lill-kummissjoni elettorali għall-elezzjonijiet tat-12 ta' Ġuju, 2004? Min rebaħ din it-tender?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għall-elezzjonijiet tat-12 ta’ Ġunju 2004, intefgħu offerti minn dawn il-kuntratturi: 1. Għall-provista ta’ karozzi bix-xufier: Paramount Garages, Executive Transport Co-op Ltd, Demicoli Garage, Peppin Garage Ltd, Mikalkris Ltd u First Coaches; 2. Għat-trasport ta’ kaxex tal-voti u persuni li jakkumpanjawhom (Malta): Public Transport Association u Unscheduled Bus Service; 3. Għat-trasport ta’ Assistenti Kummissjonarji Elettorali: Executive Transport Co-op Ltd u Co-op Services Ltd; 4. Għat-trasport ta’ persuni minn u lejn is-sala ta’ l-għadd tal-voti, Ta’ Qali: Executive Transport Co-op Ltd u Co-op Services Ltd; 5. Għat-trasport ta’ kaxex tal-voti u persuni li jakkumpanjawhom (Għawdex): Amabile Zammit, f’isem il-Gozo Bus Owners Association; 6. Għat-tqassim ta’ kaxex tal-voti, poloz tal-votazzjoni u dokumenti oħrajn: Public Transport Association u Unscheduled Bus Service. L-offerti ntrebħu minn dawn il-kuntratturi: 1. Paramount Garages 2. Unscheduled Bus Service 3. Co-op Services Ltd 4. Co-op Services Ltd 5. Amabile Zammit, f’isem il-Gozo Bus Owners Association 6. Public Transport Association

Dipartiment tal-Kuntratti Pubbliċi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Kuntratti Pubbliċi huwiex armat biżżejjed b'riżorsi meħtieġa biex jipproċessa x-xogħol ġdid li żdiedlu bid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u l-offerti għall-kuntratti li għandhom x'jaqsmu ma' proġetti/programmi li fihom hemm finanzjament mill-Unjoni Ewropea? Qed jaqa' lura dan ix-xogħol b'periklu li jitilfu l-fondi mfittxija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul l-aħħar sentejn id-Dipartiment tal-Kuntratti ssaħħaħ kemm f’dak li hu personnel kif ukoll apparat (computers) biex ikun jista’ jlaħħaq max-xogħol addizzjonali li ser jiltaqa’ miegħu b’riżultat tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Ingħata wkoll ħafna training. Id-dipartiment issa ser ikollu wkoll żewġ Diretturi oħra biex jgħinu lid-Direttur Ġenerali. Ma jidhirx li x-xogħol qed jaqa’ lura jew li ntilfu xi fondi tort tad-Dipartiment.

Financial Leasing Legislation

Question

Il-gvern għandu ħsieb li jintroduċi Financial Leasing Legislation? Dan se jsir permezz ta' legal notice jew leġislazzjoni fil-Kamra? Jekk fl-affermattiv, meta mistenni jsir dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-attività ta’ financial leasing diġà tinsab regolata bħala waħda mill-attivitajiet li jaqgħu taħt il-Financial Institutions Act (Kap 376) ta’ l-1994. Fil-fatt tinsab elenkata hħala t-tieni attività fl-iskeda għall-imsemmi Att. Min iwettaq dan in-negozju, ikun jeħtieġ liċenzja mill-Malta Financial Services Authority li hija inkarigata bil-liġi sabiex tissorvelja dan it-tip ta’ negozju.

Pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea — Applikazzjoni għal tnaqqis fil-VAT rate

Question

Malta applikat biex tibbenefika mill-konċessjoni tal-Unjoni Ewropea lill-pajjiżi membri fl-Unjoni li kienet miftuħa sal-1 ta' Mejju 2004 biex ikunu jistgħu jnaqqsu il-VAT rate tagħhom fuq labour intensive services aktar u aktar billi s-settur turistiku li tant niddependu fuqu huwa meqjus bħala settur labour intensive?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-settur turistiku mhux inkluż fil-lista ‘K’ ta’ servizzi li jkattru x-xogħol (labour intensive services) tas-Sitt Direttiva dwar il-VAT. Ta’ min iżid, madanakollu, illi l-ivvjaġġar internazzjonali huwa eżenti bi kreditu u l-akkomodazzjoni turistika hija taxxabbli bir-rata mnaqqsa ta’ 5%. Dan ilu hekk minn qabel Malta ssieħbet formalment fl-Unjoni Ewropea.

Armata — Fizzjali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm fizzjali fl-armata llum u x'rank għandhom? Kemm minn dawn marru f'kulleġġi militari barranin biex ħadu l-commission u fejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-ammont u r-rank ta’ fizzjali li qegħdin iservu fil-Forzi Armati ta’ Malta sal-11 ta’ Mejju 2004 huwa kif jidher hawn taħt: Brigadier - 1 Kurunell - 1 Tenent Kurunell - 1 (Tabib) Tenent Kurunell - 5 Maġġur - 23 Kaptan - 1 (Tabib) Kaptan - 27 Logutenent - 28 Total 87 Minn dan in-numru, tmienja u sittin (68) marru f’kulleġġi militari barranin b’konnessjoni ma’ l-għoti tal-kummissjoni. Il-kummissjonijiet ittieħdu mill-Ingilterra, l-Italja, l-Istati Uniti u l-Ġermanja.

OPM — Safar

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti breakdown tas-safar li sar uffiċċju tiegħu, mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu għall-ewwel ħames xhur tas-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Waqt li ma jkolli l-ebda diffikulta sabiex nipprovdi lill-Onorevoli Interpellant bl-informazzjoni mitluba għal din is-sena u għas-sena li għaddiet, ma nara l-ebda bżonn li tingħata l-informazzjoni mitluba għal ħames snin wara xulxin. Il-ħin li jkun hemm bżonn sabiex tinġabar din l-informazzjoni jista’ jintuża aħjar.

Elezzjonijiet tat-12 ta' Ġunju — Offerta għall-provvista tat-trasport

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid min tefa' l-offerta għall-provvista tat-trasport lill-kummissjoni elettorali għall-elezzjonijiet tat-12 ta' Ġuju, 2004? Min rebaħ din it-tender?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tingħata tweġiba hekk kif l-informazzjoni mitluba tasal mingħand il-Kummissjoni Elettorali.

Ħaddiema ġodda maċ-Ċivil

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati impjegati ġodda maċ-ċivil u ma aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu fil-perjodu Jannar/April 2003?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Ħaddiema ġodda maċ-Ċivil

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati impjegati ġodda maċ-ċivil u ma aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu fil-perjodu Jannar/April 2003?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi l-informazzjoni mitluba.

Servizz Pubbliku — Impjegat fuq maternity jew parental leave

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawn impjegati taċ-ċivil fuq maternity jew parental leave illum u ma liema dipartiment jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hemm 41 impjegat tal-Gvern li qegħdin fuq Maternity jew Parental Leave u li jaqgħu taħt iż-żewġ Ministeri tiegħi. Aktar dettalji jinsabu mehmuża f’Tabella ‘A’. Rigward il-Ministeri l-oħra, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministri rispettivi.

OPM — Infiq ta' flus fuq kiri ta' karozzi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm intnefaq fuq kiri ta' karozzi mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u mill-entitajiet pubbliċi li huwa responsabbli għalihom u li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fis-snin 2002, 2003 u 2004 s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni għada qed tinġabar u tingħata tweġiba f’seduta oħra. (Tweġiba mogħtija: 24/05/2004PM) (Seduta Numru: 132)