Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel — Servizz ta' telephone, dawl u ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskejjel iħallsux rati kummerċjali jew le fejn jidħol it-telephone, id-dawl u l-ilma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel, bħal kull entita' oħra governattiva, iħallsu rati kummerċjali fejn jidħol telephone, dawl u ilma.

Universita' — Kors fil-Kriminoloġija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk instabitx soluzzjoni għal dawk l-istudenti li qed jagħmlu kors fil-Kriminoloġija fl-Universita' ta' Malta sabiex ikomplu dan il-kors li kienu bdew xi snin ilu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kors tal-BA Criminology jibda f'Ottubru bħala kors 'part-time' u ta' filgħaxija.

Skola privata

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-rekwiżiti kollha mitluba mill-Kap. 327 tal-Liġijiet ta' Malta ġewx sodisfatti mir-Russian Boarding Upbringing & Educational Centre? Jista' jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, għandhiex il-kwalifiki neċessarji sabiex tipprattika bħala kap ta' skola u jekk tali kwalifiki ġewx verifikati u minn liema awtorita' kienu ġew verifikati? Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki li għandha din il-persuna sabiex ingħatat liċenzja ta' skola privata numru 237? Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi investigazzjonijiet konsegwenza ta' rapporti fil-Press Russa fir-rigward ta' l-istess skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-rekwiżiti mitluba mill-Liġijiet Maltin ġew applikati sabiex inħarġet Liċenzja ta' Skola Kummerċjali (numru 237) lill-Russian Boarding Upbringing & Educational Centre LTD. Il-persuna li isimha jidher separatament applikat għal liċenzja ta' skola f'isem The Russian Upbringing and Educational Centre LTD u ngħatat il-liċenzja bil-kundizzjonijiet meħtieġa u bl-obbligu tal-permessi kollha meħtieġa mill-awtoritajiet konċernati oħrajn. Ir-rapporti fil-media Russa riferuti mill-Onor. Interpellant s'issa la ġew għall-għarfien tiegħi u lanqas jirriżulta li ġew għall-għarfien ta' l-awtoritajiet edukattivi. Napprezza kopja ta' dawn ir-rapporti jekk l-Onor. Membru jista' jgħaddihomli.

Impjiegi — Ħaddiema minn barra l-pajjiżi membri tal-UE

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamnetari 6792 u cioe' jista' jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema minn barra l-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea li mill-1 ta' Mejju, 2004 ġew jaħdmu f'Malta? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalita' huma u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu? Jista' jgħid x'inhi l-eta' medja ta' dawn il-ħaddiema?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor.Membru jindirizza l-mistoqsija tiegħu lil-Ministeru tal-Ġustizzja u Intern peress li l-ħruġ tal-permessi tal-ħaddiema barranin jaħdmu f'Malta jaqgħu taħt dan il-Ministeru.

Impjiegi — Ħaddiema minn pajjiżi membri tal-UE

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-msitoqsija parlamentari 6799 u cioe' jista' jgħid kemm jammonta n-numru ta' ħaddiema mill-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea li mill-1 ta' Mejju, 2004 ġew jaħdmu f'Malta? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalita' huma u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu? Jista' jgħid x'inhi l-eta' medja ta' dawn il-ħaddiema?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Membru jindirizza l-mistoqsija tiegħu lil-Ministeru tal-Ġustizzja u Intern peress li l-ħruġ tal-permessi tal-ħaddiema barranin jaħdmu f'Malta jaqgħu taħt dan il-Ministeru.

Skejjel ta' l-Istat — Tagħlim tal-lingwa Ingliża lil barranin

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6589 u cioe' jista' jgħid liema huma dawk l-iskejjel ta' l-Istat li se jintużaw minn organizzazzjonijiet biex jiġi mgħallem l-Ingliż lill-barranin f'dan is-sajf? F'kull każ, kemm hu l-ħlas li ntalab u x'kondizzjonijiet oħra jridu jitħarsu?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — Bejgħ ta' ikel mit-tuck shops

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6591 u cioe' peress li qed ikolli diversi lmenti minn ġenituri li jibagħtu lit-tfal tagħhom fid-diversi skejjel ta' l-istat, privati u tal-knisja, fejn dawn jilmentaw minn ikel u xorb li jevitaw id-dar, iżda li jinbiegħ f'tuck shops u canteens ta' l-iskejjel, jista’ jgħid għaliex minflok linji gwida ma toħroġx ordni biex ċerti ikel, xorb u ħelu ma jkunux jistgħu jinbiegħu? Ma jaħsibx li dan jgħin bil-kbir biex jevita l-obesita' fit-tfal u b'hekk jgħin inaqqas l-ispiża fil-kura?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab infurmat illi l-bejgħ ta' ikel mit-tuck shops fid-diversi skejjel ta' l-istat huwa kkontrollat minn kondizzjonijiet li jinsabu fil-kuntratt ta' l-offerti għall-kiri tat-tuckshops li, fil-maggoranza tagħhom, jinħarġu għall-pubbliku mill-amministrazzjoni ta' l-istess skejjel. Il-linji gwida jelenkaw x'għandu u x'mgħandux jinbiegħ, u l-amministrazzjoni ta' kull skola għandha d-dover li tissorvelja kull bejgħ li jsir. Jekk ikun hemm xi nuqqasijiet min-naħa tal-kuntrattur, għandha tinġibidlu l-attenzjoni u anke jintemmlu l-kuntratt jekk drabi oħra jerġa' jinstab li ma osservax il-kondizzjoniiet tal-kuntratt.

Skejjel tas-sajf

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentri 6305, ma jaħsibx il-Minsitru li huwa ferm importanti li jkun hemm regolamenti speċifiċi għat-tmexxija ta' l-iskejjel tas-sajf, speċjalment dawk privati biex jiġi żgurat li t-tfal, ħafna minnhom żgħar, jiġu ndukrati sew?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li huwa tajjeb li jkun regolarizzat kemm jista' jkun kull servizz li jingħata lill-pubbliku u speċjalment lit-tfal, wieħed għandu fl-istess ħin joqgħod attent li ma joħnoqx inizjattivi tal-volontarjat li jsiru matul is-sajf favur it-tfal u ż-żgħażagħ.

Skejjel — Skejjel tas-sajf

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema kienu dawk l-iskejjel li ħassru l-iskejjel tas-sajf tagħhom, anke wara li kienu żammew il-flus u bagħtu l-informazzjoni kollha lill-ġenituri? Jikkonferma li tħassar kollox wara li tħabbar li l-gvern impona 18% VAT fuq l-iskejjel ta' l-istat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma kien hemm l-ebda skola li ħassret il-programm tagħha ta' Skolasajf.

Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — part-time clerks

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex din is-sena l-part-time clerks impjegati fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni ma ngħatawx it-termination of employment fl-aħħar ġurnata tax-xogħol tagħhom? F'dan il-każ il-Ministru jista' jgħid min se jkun obbligat li jħallas il-kontribuzzjoni soċjali (bolla) ta' dawn l-impjegati sabiex ma jitilfu l-ebda benefiċċju soċjali sakemm dan it-termination of employment jibqa' ma jingħatalhomx?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li l-Part-Time Clerks impjegati mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma nagħtawx it-termination of employment fl-aħħar ġurnata tax-xogħol tagħhom għar-raġunajiet li l-impjieg tagħhom ma ġiex terminat imma sempliċament sospiż mill-24 ta' Lulju sakemm dawn l-istess Part-Time Clerks jerġgħu jissejħu lura għax-xogħol fit-30 ta' Awissu 2004. Dan sar skond kif tipprovdi s-sejħa għall-applikazzjonijiet li taħtha kienu applikaw u ġew ingaġġati dawn il-Part-Time Clerks. F'każ li xi Part-Time Clerk tinsisti jew jinsisti għat-termination of employment, din tingħata u titqies bħala riżenja mill-post tax-xogħol. Informat ukoll li matul il-perjodu li l-ingaġġ ta' dawn il-Part-Time Clerks ikun sospiż, skond kif tipprovdi s-sejħa għall-applikazzjonijiet relattiva, u li matulu dawn il-Part-Time Clerks ma jitħallsux, lanqas ma titħallas il-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali.

Universita' — Studenti tal-PGCE

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6861 u cioe' jista' jgħid kemm hu n-numru ta' studenti li se jiġu aċċettati biex jagħmlu l-PGCE fis-Soċjoloġija u l-Istudji Soċjali fl-Universita' ta' Malta? Meta se jiftħu l-applikazzjonijiet? Jekk ikun hemm aktar studenti li japplikaw minn numru ta' postijiet offruti, xi kriterji jintużaw għall-għażla finali ta' min se jagħmel il-PGCE? Kemm kien in-numru ta' studenti li għamlu dan il-kors tul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ser ikun hemm tmien postijiet għal studenti biex isegwu l-kors ta' P.G.C.E. fl-Istudju Soċjali. L-applikazzjonijiet qed jiġu proċessati. Il-kriterji li se jintużaw fil-proċess ta' l-għażla huma dawn: 1) Kwalifiki (aktar minn dawk mitluba mir-regolamenti tad-dħul). 2) Esperjenza relevanti. 3) Interess, Għarfien u Disponibilita'.

Dipartiment ta' l-edukazzjoni — Applikazzjonijiet għar-rekluti mal-AFM

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6688 li ġiet indirizzata lill-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' peress li ħafna applikazzjonijiet għar-reklutaġġ mal-Forzi Armati ta' Malta li għalqu dan l-aħħar ġew rifjutati minħabba kontravenzjonijiet tat-traffiku li tniżżlu fuq il-kondotta, jaqbel il-Ministru li l-applikanti ma kellhomx jiġu mċaħħda din l-opportunita' minħabba dawn il-multi tat-traffiku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-ħarġa tal-gazzetta tal-gvern tal-21 ta' Mejju li għadda, l-klawsola numru 14b ta' din is-sejħa għall-applikazzjonijiet tgħid li flimkien ma' l-aaplikazzjoni l-kandidati għandhom jippreżentaw "ċertifikat riċenti tal-kondotta mill-Puluzija, Form A (maħruġ fi żmien ta' mhux aktar minn sitt xhur qabel id-data ta' l-għeluq ta' l-applikazzjoni)". F'din il-kondotta huma ripodotti ukoll il-kontravenzjonijiet imsemmija. Kontravenzjoni tat-traffiku komuni mhux akkompanjata minn ċirkostanzi aggravanti m'għandiex tkun ostaklu għal dawn l-applikazzjonijiet. Id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet jikkonsulta ruħu ma' l-awtoritajiet kompetenti dwar ċirkostanzi aggravanti.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Ħlas pendenti lill-kuntratturi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6626, jista' il-Ministru jirrispondi dwar l-ammonti kollha ta' flus pendenti dovuti għal xogħlijiet u servizzi li saru/ngħataw?

Response (GALEA, LOUIS)

Napprezza li l-Onor. Membru jispeċifika għall-liema tip ta' kont partikolari qed jirreferi.

MCAST — Vacancy għall-għalliema fuq il-karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm fil-preżent l-MCAST għandu vacancy għall-għalliema fuq il-karozzi? Xi snajja' huma? Xi kwalifiki jrid ikollhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Nixtieq nirreferi lill-Onor. Interpellant għal avviżi li qed jidhru fil-Gazetta tal-Gvern u fil-ġurnali dwar postjiet tax-xogħol vakanti fl-MCAST. Għaldaqstant nirreferi lill-Onor. Interpellant għal dawn l-avvisi kif ukoll għall-website tal-Kuleġġ, www.mcast.edu.mt minn fejn l-applikant jista jniżżel l-formola ta' l-applikazzjoni.

ETC — Persuni Barranin

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb l-interpellanza numru 6580 dwar in-nurmu ta' barranin li applikaw tramite l-ETC biex jaħdmu f'Malta mill-1 ta' Mejju 'l hawn?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Membru jindirizza l-mistoqsija tiegħu lil-Ministru tal-Ġustizzja u Intern peress li l-ħruġ tal-permessi tal-ħaddiema barranin jaħdmu f'Malta jaqgħu taħt dan il-Ministeru.

Universita’ ta' Malta — PGCE fis-Soċjoloġija u l-Istudji Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti li se jiġu aċċettati biex jagħmlu l-PGCE fis-Soċjoloġija u l-Istudji Soċjali fl-Universita’ ta' Malta? Meta se jiftħu l-applikazzjonijiet? Jekk ikun hemm aktar studenti li japplikaw min-numru ta’ postijiet offruti, xi kriterji jintu¿aw għall-għa¿la finali ta’ min se jagħmel il-PGCE? Kemm kien in-numru ta’ studenti li għamlu dan il-kors tul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli fl-uffiċju fil-ħin meħtieġ, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Universita' — Ħlas ta' miżata għad-dħul fl-Universita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk Lm10 ħlas ma' l-applikazzjonijiet għad-dħul fl-Universita' għal kull student saritx fuq inizjattiva ta' l-Universita' biss? Il-Ministru kien informat minn qabel b'dan il-ħlas? Jista' jgħid ukoll x'kienet ir-raġuni li ddaħlet din il-miżata?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' stqarrija għall-stampa maħruġa mill-Universita'.

Skejjel — Kapijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid, wara li ġie ffirmat il-ftehim mal-MUT dwar il-kapijiet ta' l-iskejjel, jista' jgħid xi problemi ta' implimentazzjoni hemm, b'mod partikolari dwar allowances marbuta mat-telephone?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli fl-ufffiċju fil-ħin meħtieġ, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Tal-Karwija — Pjanti ta' l-elettriku

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li l-pjanti ta' l-elettriku tal-Karwija qed isiru l-Ingilterra? X'inhi r-raġuni li sar dan u min ħa din id-deċiżjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli fl-uffiċju fil-ħin meħtieġ, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.