Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #23476 Sitting 494 2001-02-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Euro-Med Yout Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma saret mill-1998 sal-lum taħt il-Euro-Med Youth Programme? Jista' jgħid min qed imexxi jew imexxu dan il-progamm?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #22899 Sitting 493 2001-02-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliem

Question

Possibbli l-Ministru jinvestiga element li wasalli li fil-Kulleġġ li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għalliem ta' l-istorja ta' Malta ma jafx jitkellem bil-Malti jew agħar minnhekk jagħżel biex jitkellem dejjem bl-Ingliż? L-ilment li wasal għandi jgħid li dan l-għalliem Malti li jgħallem il-Form 3, f'Diċembru li għadda waqt parents day kellem lill-ġenituri bl-Ingliż. Veru li dan l-għalliem jipprununzja ismijiet Maltin jew ismijiet ta' Granmastri bl-Ingliż?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kienet approvat il-permessi meħtieġa tat-teacher li dwaru sar l-ilment biex jgħallem is-suġġett tal-Ġeografija skond it-talba ta' l-istess Kap ta' l-Iskola.
Leg 9 PQ #23241 Sitting 493 2001-02-14 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti Illiterati

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika u dettalji dwar: (a) il-perċentwali ta' studenti fi skejjel sekondarji li huma ikkunsidrati illiterati; (b) li għalkemm literati huma ikkunsidrati li ma għandhomx command aċċettabli tal-lingwa Ingliża; (c) Kemm hemm studenti fi skejjel sekondarji li qed jieħdu studji fl-I.T. (teorija u prattika) Kemm hija l-popolazjoni ta' studenti f'kull skola sekondarja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma hemmx statistika dwar l-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija. Dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija, lista bit-tagħrif mitlub qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #23348 Sitting 493 2001-02-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Giovanni Mangion

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema neqsin fl-iskola sekondarja ogħla Giovanni Mangion tan-Naxxar? F'liema suġġetti? Kemm hemm studenti milquta minn dawn in-nuqqasijiet? X'qed isir biex jinstabu għalliema biex jgħallmu s-suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi tan-Naxxar hemm nieqes għalliem wieħed tal-Fiżika. L-għadd ta' studenti milquta huma 36 li qed jagħmlu l-Kors tar-Reviżjoni tal-Livell Ordinarju. Ser tintbagħat studenta / għalliema mill-Universita` biex tagħmel dawn il-lezzjonijiet.
Leg 9 PQ #23349 Sitting 493 2001-02-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Sir Temi Żammit — Assentejiżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-rata ta' assentejiżmu ta' l-għalliema fl-iskola sekondarja Sir Temi Żammit ta' l-Imtarfa? F'liema suġġetti l-iżjed li jassentu ruħhom regolarment? X'inhuma r-raġunijiet ta' l-assentejiżmu ta' dawn l-għalliema? X'passi qed jittieħdu biex l-assentejiżmu jonqos?

Response (GALEA, LOUIS)

Tabella li turi r-rata ta' assentejiżmu ta' l-għalliema fl-Iskola Sir Temi Żammit minn Settembru sa l-aħħar ta' Jannar, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tabella li turi l-assentejiżmu skond is-suġġetti qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll. Ta' min jinnota li fil-każ ta' għalliem li falla 56 ġurnata, dan kellu intervent kirurġiku kardiaku. Informat li l-għalliema ppreżentaw ċertifikat mediku kull darba li kienu assenti. Fit-futur qrib, id-Diviżjoni se jkollha struttura biex jiġi vverifikat l-assentejiżmu kawża ta' mard.
Leg 9 PQ #23353 Sitting 493 2001-02-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Staff

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'din is-sena skolastika, s'issa, kemm kien hemm kapijiet, assistenti kapijiet, għalliema, instructors, kinder assistants, lab technicians u staff mhux akkademiku li ma komplewx jaħdmu fl-iskejjel tal-knisja fid-dawl taċ-ċirkulari DPD 63/2000 bid-data 26 ta' Ġunju 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li staff li ma komplewx jaħdmu fl-iskjjel tal-Knisja fid-dawl taċ-ċirkulari DPD 63/2000 kien hemm dawn li ġejjin: Kapijiet 1 Assistenti Kapijiet 1 Għalliema/Instructors 28 Lab Technicians Nil Kindergarten Asst. 1 Staff mhux Akkademiku 20
Leg 9 PQ #23371 Sitting 493 2001-02-14 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari nru. 23262 dwar impjegati full-time mad-dipartiment ta' l-edukazzjoni, jekk qed nifhem tajjeb it-tweġiba li tajtni, jien nista' neħodħa li b'riżultat tas-sistema l-ġdida fil-mod kif jinġabru ċ-ċifri dwar ħaddiema full-time mad-dipartiment instab li, bejn Ottubru u Novembru 2000, id-dipartiment ta' l-edukazzjoni kien qiegħed jirreġistra li kellu 84 impjegat full-time aktar milli kellu effettivament? F'liema kategoriji, bi breakdown ta' numri f'kull kategorija, kienu jinsabu dawn l-impjiegi fittizji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-istatistika kkwotata, id-differenza fin-numru ta' l-impjegati murija bħala full-timers u każwali li ħarġet għal Malta u Għawdex, jiġifieri 7515 u 7431, tirrapreżenta tnaqqis fiż-żewġ kategoriji, jiġifieri ta' 23 fost il-full-timers u 61 casuals. Ġa' għamilt aċċenn fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23262, li jeżisti ħafna ċaqliq fost il-casulas u dan minħabba n-natura tar-rabta li għandhom.
Leg 9 PQ #23377 Sitting 493 2001-02-14 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ombudsman tal-Universita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-persuni maħtura bħala Ombudsman tal-Universita' minn meta twaqqfet din il-kariga? Kemm tressqu lmenti minn studenti quddiem l-Ombudsman tul is-snin kemm ilha teżisti din il-kariga? Kemm ittieħdu deċiżjonijiet favur l-istudenti? Kemm ittieħdu favur l-Universita? Kemm min dawn ma ġewx aċċettati bħala lmenti validi? X'inhi l-medja taż-żmien biex tittieħed deċiżjoni mill-Ombudsman?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ewwel Ombudsman ta' l-Universita` kien Dr Joe Brincat LL.D. Is-suċċessur tiegħu appuntat fis-16 ta' Awissu 1998 huwa Prof. V.G.Griffiths li għadu fil-kariga. Mit-8 ta' Ottubru 1997 tressqu quddiem Dr Brincat mill-istudenti 64 każ. Mis-16 ta' Awissu 1998 lill-Professur Griffiths waslulu mill-istudenti 77 każ sal-31 ta' Diċembru 2000. Il-Professur Griffiths jirraporta illi mill-każi ta' studenti li huwa ittratta huwa jsib li f'26 minnhom seta' jagħmel rakkomandazzjoni favur l-istudent quddiem l-awtoritajiet ta' l-Universita` illi f'16-il każ aċċettaw ir-rakkomandazzjoni tiegħu. Il-Professur Griffiths isib li f'57 każ ta' studenti huwa wara l-investigazzjoni meħtieġa ma' setax jaqbel ma' l-ilment. Fil-31 ta' Diċembru 2000 kien fadal 4 każi ta' studenti pendenti quddiem l-Ombudsman ta' l-Universita`.
Leg 9 PQ #23472 Sitting 493 2001-02-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Youth Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif inhu maqsum il-Youth Programme? X'ħidma jew ħsibijiet hemm għal dan il-programm? Min huma l-persusni li qed jieħdu ħseib li jmexxu dan il-programm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Programm Youth fih ħames kategoriji li taħthom wieħed jista' jiżvolġi programm. Action 1 - Youth for Europe Exchange Action 2 - European Voluntary Service Action 3 - Youth initiatives Action 4 - Joint Actions Action 5 - Support Measures L-għand ta' dan il-programm huwa li għaqdiet taż-żgħażagħ Maltin iwettqu ħidma ma' żgħażagħ barranin sabiex permezz ta' dawn il-ħames azzjonijiet ikabbru l-fehmiet u r-rispett fid-diversita` kulturali bħal pereżempju, rispett lejn id-drittijiet umani. Dawn il-ħidmiet jgħinu liż-żgħażagħ Maltin isaħħu sens ta' solidarjeta`, jinkoraġġixxu l-inizjattivi, u kreattivita` fiż-żgħażagħ Maltin isaħħu sens ta' solidarjeta`, jinkoraġġixxu l-inizjattivi, u kreattivita` fiż-żgħażagħ Maltin u joħolqilhom ukoll opportunitajiet għall-mobilita` transnazzjonali u taħriġ fit-tagħlim inter-kulturali. Dan il-programm ser iservi ta' għajnuna kbira għall-qasam tal-volontarjat permezz li jipprovdi opportunitajiet għal esperjenzi ta' volontarjat f'pajjiżi barranin għal perjodu ta' mhux aktar minn għaxar xhur. Organizzazzjonijiet Maltin jistgħu wkoll jirċievu voluntiera barranin. Il-programm ikompli jgħin l-iżvilupp tal-komunitajiet lokali kif ukoll jinkoraġixxi li jiġu stabbiliti msieħba ġodda kif ukoll iseħħ tibdil bejn l-imsieħba. Il-Programm Youth qed ikun immexxi minn kumitat kordinattiv magħmul minn: Claudia Cassar - Ministeru għal Għawdex James Catania - Moviment tal-Youth Workers Alfred Mallia - Youth Services Organizations Chris Mamo - Institute of Youth Studies, University of Malta Marlene Galea - Kunsill Djoċesan Żgħażagħ (KDZ) Mario Vella - Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita` Giovanni Buttiġieġ - EuroMed Youth Action Programme Paul Buhagiar - Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni Claudetta Azzopardi - Dipartiment Żgħażagħ u Sport Elaine Cordina - Malta EU Information Centre Annette Scerri - Chairperson.
Leg 9 PQ #23118 Sitting 492 2001-02-13 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn studenti barranin jistudjaw fl-Universita' ta' Malta llum? X'tip ta' korsijiet qed jattendu u mil-liema pajjiżi huma?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #23341 Sitting 492 2001-02-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħrug ta' Permess tax-Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jitlestew il-proċeduri meħtieġa biex l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija joħroġlu l-permess li jista' jaħdem peress li għalaq 16-il sena u min se jħaddmu qed jistenna dan il-permess malajr għax inkella joffri l-impjieg lil xi ħaddieħor?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan il-permess diġa' ingħata lill-omm il-persuna msemmija.
Leg 9 PQ #23465 Sitting 492 2001-02-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

EU

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ikkummisjonati rapporti mad-dekasteru tiegħu marbuta mas-sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea minn Ottubru 1998 sallum? Jista' jgħid wkoll fuq liema suġġett kienu, min għamel dan ir-rapport u kemm tħallas ta' dan ir-rapport? Jista' ġentilment ipoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #23281 Sitting 491 2001-02-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola de Soldanis - Rabat - Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkollhom għalliema regolari tal-matematika ċerti klassijiet ta' l-iskola Agius de Soldanis, Rabat, Għawdex, peress li hemm għalliema li ilha mindu bdiet is-sena 2001 ma tattendi u tagħti lezzjoni? X'rimedju se jittieħed?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li wara li saret talba għall-maternity leave mit-teacher tal-Matematika fl-iskola Agius de Soldanis, dan ingħata b'effett mit-22 ta' Jannar 2001. Qed isir dak kollu possibli biex il-vaganza li nħolqot timtela' mill-iktar fis possibli.
Leg 9 PQ #23283 Sitting 491 2001-02-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi offerta lill-kulleġġ tal-biedja ta' majjali biex jitrabbew fil-post għall-benefiċċju ta' hands on għall-istudenti? Meta se tiġi aċċetta din l-offerta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kulleġġ irċieva offerta ta' ħames majjali bl-iskop li l-istudenti tal-Kulleġġ ikunu jistgħu ipprattikaw it-tagħlim li jirċievu. Il-Kulleġġ ma kienx bi ħsiebu jilqa' din l-offerta għaliex m'għandux faċilita` fejn jinżammu u għax m'hemmx bniedem li jista' jieħu ħsiebhom b'mod regolari. L-istudenti tal-Kulleġġ jipprattikaw is-sengħa tagħhom mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u ma l-imgħallem li jimpjeghom taħt it-Technicians Apprenticeship Scheme. Iż-żmien li jqattgħu fil-Kulleġġ, jumejn fil-ġimgħa, hu ddedikat l-aktar għat-tejorija u xogħol esperimentali.
Leg 9 PQ #23288 Sitting 491 2001-02-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti - Basktijiet

Question

Minkejja r-rapport tal-kumitat dwar il-basktijiet tqal ta' l-iskola, jaf il-Ministru li l-ġenituri tat-tfal f'għadd ta' skejjel għadhom jilmentaw li wliedhom għadhom iġorru fuq daharhom bastktijiet tqal ħafna b'dannu għal saħħithom? X'passi ttieħdu mindu ħareġ ir-rapport biex ir-rakkmandazzjonijiet jitwettqu? X'inhi d-deċiżjoni finali dwar il-carriers? Jistgħu jintużaw jew le?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mindu ħareġ ir-rapport kienu mqassma żewġ ċirkolarijiet, l-ewwel waħda ħarġet fl-20 ta' Ottubru 2000. F'din Iċ-ċirkolari l-iskejjel ġew infurmati bir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat. Sussegwentament ħarġet it-tieni ċirkolari fejn l-iskejjel kienu mħeġġa biex flimkien mall-kunsill skolastiku jfasslu 'School Bag Policy' kompluta bit-'timeframes' għat-twettieq tagħha. Il-kapijiet kienu wkoll ġew mistiedna jorganizzaw attivitajiet biex jinformaw u jedukaw lill-ġenituri. Saret saħansitra kampanja ta' informazzjoni fuq Channel 22 u l-PBS fis-16 u 17 ta' Novembru. Dwar il-Kwistjoni tal-'carrier bags', fir-rapport dwar il-'Heavy Schoolbags', il-kumitat li għamel l-istudju, għalkemm osserva li l-iskejjel qed iqisu l-użu tal-carriers bħala soluzzjoni għall-problema tal-basktijiet tqal, xorta wasal għall-konklużjoni li m'għandhomx jintużaw il-'carriers' u dan għar-raġuni li: a) meta jintużaw dawn it-tipi ta basktijiet it-tfal ikunu qed jieħdu pożizzjoni (posture) ħażina u għalhekk jistgħu ikollhom uġieħ f'daharhom; b) jistgħu jweġġgħu lil tfal oħra speċjalment meta t-tfal ikunu telgħin jew nieżlin minn fuq it-trasport jew it-taraġ ta' l-iskola; c) dawn il-basktijiet jistgħu ikunu ta' dannu għall-propjeta' ta ħaddieħor. Issa kull skola, flimkien mall-Kunsill Skolastiku hija mistennija tiżviluppa School Bag Policy li l-ġenituri għandhom isegwu. Din il-policy trid tindirizza l-problema tal-'carriers' u tippermetti żmien ta' tranżizzjoni li matulu dawn il-'Carrier bags' ma jibqgħux jintużaw.
Leg 9 PQ #21875 Sitting 490 2001-02-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tenders

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kien in-numru ta' tenders li ħarġu mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru matul din is-sena? Kemm minnhom ġew aċċettati/approvati? Kemm għandhom pendenti u kemm ġew irtirati? Fil-każ ta' l-aħħar, x'kienu ir-raġunijiet? Kemm mit-tenders approvati tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu u x'inhija ċ-ċifra f'somma ta' flus tal-pagamenti mħallsa u pendenti separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #22759 Sitting 490 2001-02-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Riċerka

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rettur ta' l-Universita' jagħtix medja tat-talbiet imressqa mid-dipartimenti universitarji għas-sena 2000/1? X'inhu l-medju tat-talba kapitali u rikorrenti? Liema huma l-akbar voti dipartimentali li qed jingħataw lin-naħa tax-xjenza? X'riċerka qed issir minn dawn id-dipartimenti F'liema ġurnali internazzjonali ġiet ippublikata din ir-riċerka?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-talbiet li tressqu mid-dipartimenti universitarji fis-sena 2000 kienu jammontaw għas-somma totali ta' Lm921,413. Minn dan l-ammont Lm355,050 kien it-total ta' talbiet ta' natura kapitali. Dawn it-talbiet jiġu kkunsidrati mill-Kumitat tal-Fond tar-Riċerka mwaqqaf apposta kull sena. Jidhru t-talbiet sħaħ, jew il-partijiet mnnhom, li ġew approvati. Mit-total approvat ta' Lm149,495 il-Fakolta` tax-Xjenza ingħatat is-somma totali ta' Lm29,400. Informazzjoni aktar dettaljata dwar dan ta' hawn fuq u tagħrif rigward l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija ser tingħata lill-Onor. Membru għall-aħjar informazzjoni tiegħu.
Leg 9 PQ #23253 Sitting 490 2001-02-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għaxaq

Question

Jista' l-Ministru jara li l-kunsill skolastiku ta' l-iskola primarja ta' Ħal-Għaxaq jagħti l-permessi meħtieġa biex il-kunsill lokali tal-post ikun jista' juża s-sala ta' l-iskola, l-unika sala fil-komunita', biex jorganizzaw Jum Ħal-Għaxaq?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser nirreferi t-talba lill-awtoritajiet kompetenti għall-konsiderazzjoni tagħhom.
Leg 9 PQ #23254 Sitting 490 2001-02-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ Madre Tereża

Question

Jista' l-Ministru jara li jintbagħat xi purtinar fil-kulleġġ Madre Tereża ta' l-Imsida peress li l-unika persuna li hemm mhijiex biżżejjed biex tlaħħaq mal-bżonnijiet tal-kulleġġ?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva, kif spjegajt dan l-aħħar fil-Parlament qed isir xogħol biex ħaddiema tal-Gvern jiġu mitluba jirraportaw għal dan ix-xogħol. Tlabt lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tagħti każ it-talba ta' l-Onor. Membru.
Leg 9 PQ #23275 Sitting 490 2001-02-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm qtates li qed jinżammu fil-Kulleġġ tal-Biedja? Kemm huwa stmat li kull ġurnata l-kap jiddedika ħin għall-qtates u kemm jiddedika ħin għall-istudenti u t-tmexxija tal-kulleġġ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-Kulleġġ tal-Biedja ma jinżammux qtates imma b'koperazzjoni bejn il-Kulleġġ u l-Għaqda Nazzjonali tal-Qtates (NCS) hemm santwarju anness mal-Kulleġġ. L-NCS jipprovdu l-ħin, flus u nies biex inaddfu s-santwarju filwaqt li l-Kulleġġ ikollu dritt li l-istudenti tiegħu, li qegħdin isegwu kors ta' assistenti tal-veterinarji jitgħallmu billi jamministraw mediċini u jsiru jafu aktar fuq in-natura tal-qattus. In-numru tal-qtates ivarja skond kemm jidħlu pazjenti jew qtates mingħajr dar. Il-Kap tal-Kulleġġ jew jinżel ma' l-istudenti jew ma xi pazjent għal-lezzjonijiet u akkomodazzjoni rispettivament, il-bqija hemm l-NCS li tieħu ħsieb. Il-Kap ukoll jagħmel spezzjonijiet biex jara li qed tinżamm indafa stretta.