Transport Malta – Studju dwar breakwater fil-port tal-Imġarr, Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux qed tagħmel użu mill-Environment and Feasibility Study li kien sar dwar il-bini ta' breakwater fil-port tal-Imġarr Għawdex? Jekk iva, x'użu qed isir minn dan l-istess studju?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tikkoordina proġetti infrastrutturali f’Għawdex mal-Ministeru kkonċernat. Dan jinkludi l-użu ta’ rapporti li jkunu saru, fosthom dak dwar it-tkabbir tal-port tal-Imġarr. Għaldaqstant, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għal Għawdex.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn persuni awtorizzati li joħorġu ċertifikati dwar l-enerġija fil-bini? Meta hu mistenni li jiġu organizzati korsijiet ġodda għall-persuni li jixtiequ jkunu akkreditati biex jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hawn reġistrati lokalment:
· 165 assessur li jista’ jiċċertifika bini residenzjali
· 28 assessur sabiex jiċċertifika kull bini ieħor
· 11-il
Air-Conditioning Systems Inspector
· 11-il
Heating Systems Inspector
Kif kienet u għadha il-prassi,qed tinġabar lista ta’ min hu interessat li jsegwi tali kors u la darba jkun hemm numru suffiċjenti biex jagħmluh finanzjarjament vijabbli għall-parteċipanti, dan ikun organizzat.
Billi diversi drabi ntqal li Transport Malta qed tfassal policy dwar speed cameras madwar Malta, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk din il-policy tfasslitx? Jekk iva, jista’ l-Ministru jippubblika din l-istess policy? Jekk mhux lesta, jista’ jagħti tagħrif fuq liema bażi ġew installati l-cameras fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Awtorita’ tat-Trasport ħejjiet Speed Management Policy li tinkludi l-metodoloġija ta' kif jiġu eżaminati talbiet għall-istallazzjoni ta' speed cameras kif ukoll il-Posted Speed Limit tat-toroq arterjali u dawk distributorji. Il-polza tinsab fuq il-website uffiċċjali tal-Awtorita’ tat-Trasport.
(Informazzjoni Addizzjonali: Ara dokument PL 3345 li tpoġġa fis-Seduta 186 ta' nhar it-Tlieta, 14 ta' Ottubru 2014)
San Pawl il-Baħar – tickets mill-ispeed camera tal-bypass
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm inħarġu tickets mill-cameras tal-bypass ta’ San Pawl il-Baħar minn mindu ġew installati sal-mument tar-risposta tal-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li din l-informazzjoni għandha tintalab lill-Kumitat Reġjonali tat-Tramuntana.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Transport Malta tinvestiga l-possibilità li fit-triq li tgħaddi minn San Martin, limiti ta’ San Pawl il-Baħar, u twassal saż-Żebbiegħ, limiti tal-Imġarr, jinżebgħu linji biex iservu ta’ indikazzjoni għal dawk li jgħaddu minn dawn l-inħawi, u dan peress li qed ikun hemm numru sostanzjali ta’ inċidenti?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li, minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċċjali tal-Awtorita’ tat-Trasport, irriżuta li f’din it-triq imsemmija hemm installati t-tabelli tat-traffiku meħtieġa u anki crash barriers. Fir-rigward ta’ sinjali tat-traffiku hemm edgeline f’parti maġenb culvert iżda minħabba li t-triq hija dejqa m’hemmx lok li jiġi mmarkat is-centreline.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema tenders/ quotations marbuta max-xogħol li għaddej fis-Salina, limiti ta’ San Pawl il-Baħar, għad iridu joħorġu u jingħataw lil xi kuntrattur għax-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10156.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — xogħlijiet lill-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2000 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għamlet ħlasijiet lill-kumpanija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament, kif ġej:
Sena TM Budget RID Budget
2010 €4,170 €48,183
2011 €61,699
2012 €41,811
2013 Jan to Mar €10,434
Ix-xogħlijiet relatati ma’ dawn il-ħlasijiet fil-maġġoranza tagħhom kien jikkonsistu fuq servizzi li ngħataw għar-Road Permit System. Dan ix-xogħol li jammonta għal xejn inqas minn €166,297, ingħata b’direct order b’approvazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentaru 10131, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fil-fatt id-deċiżjonijiet fuq ir-rotot li jsiru mill-kuntratturi privati u minn liema kuntratturi jsiru, humiex jittieħdu mill-Operations Director wara diskussjonijiet diretti li l-istess Operations Director ikollu mal-kuntratturi?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10131.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew il-karozzi subcontracted li nqalgħu extra fil-jumejn meta saru l-azzjonijiet industrijali mill-ħaddiema tal-Malta Public Transport?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l- ispiża għal karozzi tal-linja subcontracted li nqalgħu extra meta saru l-azzjonijiet industrijali mill-ħaddiema tal-Malta Public Transport kienet ta’ €5,619.00.
Jista’ l-Ministru jagħti l-koordinati tal-oil rig, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li kien qed iħaffer il-bir Ħagar Qim fin-nofsinhar ta' Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ir-rig Noble Paul Romano telaq mill-post tat-tħaffir tal-bir ĦaĠar Qim fis- 7 ta’ Lulju 2014 wara li temm it-tħaffir tal-bir. Ġaladarba ir-rig telaq mill-post tat-tħaffir u ħareg mill-ibħra Maltin, il-Gvern ma jkollux l-koordinati ta’ fejn ikun jinsab ir-rig.
Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni minnufih sabiex Transport Malta teżamina mill-ġdid l-iskop tat-traffic lights li twaħħlu fi Triq l-Imdina, direzzjoni lejn Ħ'Attard, u kantuniera ma’ Vjal l-Istadium Nazzjonali, u jekk hemm bżonn jiġu mmexxija jew eliminati, minħabba l-problema evidenti ta' ġġammjar ta' traffiku li ħolqu?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li uffiċjali tal-Awtorità tat-Trasport għamlu monitoraġġ tal-operat ta’ dawn it-traffic lights u ma jirriżultax li dawn qed jikkrejaw konġestjoni tat-traffiku.
Il-Għargħur – Triq Mattia Preti – reserved parking bays
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fi Triq Mattia Preti, il-Għargħur, tneħħew ir-reserved parking bays?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li minn riċerka li saret fl-arkivji tal-Awtorità tat-Trasport tal-aħħar sentejn irriżulta li l-Awtorità ma neħħiet l-ebda parkeġġ riservat minn Triq Mattia Preti, Ħal-Għargħur.
B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet tat-Tlieta, 30 ta’ Settembru 2014, jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-pjan ta’ zuntieri ġodda, il-Gvern hux beħsiebu jinkludi wkoll iz-zuntier tas-Siġġiewi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-talba qed tiġi ikkonsidrata flimkien ma’ talbiet oħra għall-pjanijiet futuri ta’ xogħol tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet.
Fid-dawl li l-pjanti għaz-zuntier tas-Siġġiewi tlestew mill-Gvern preċendenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li dan jkun mibni mill-ġdid mill-Gvern, hekk kif qed jiġu rranġati numru ta’ zuntieri?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-passat kien sar xi xogħol fuq pjanti u stimi relatati maz-zuntier tal-Knisja Parrokjali tas-Siġġiewi. Jien infurmat li kien sar dan ix-xogħol preparattiv:
Fl-2007 kienu saru pjanti tal-4 turġien zgħar tondi ta’ mal-portiku tal-Knisja.
Fl-2012, saret talba mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fuq iz-zuntier kollhu. Minħabba li l-istima preliminarja biex isir il-proġett kollhu bil-ġebel tal-qawwi kienet waħda konsiderevoli, kien ġie deċiż li jsiru stimi tat-taraġ ta’ fuq biss, li kien ġie stmat li jiswa madwar €133, 594.
Minn dawn l-pjanijiet jirriżulta li qatt ma mmaterjaliżża xejn .
B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet tat-Tlieta, 30 ta’ Settembru 2014, jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-pjan ta’ zuntieri ġodda, il-Gvern hux beħsiebu jinkludi wkoll iz-zuntier ta’ Ħal Luqa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saret l-ebda talba biex isir xogħol fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokjali ta’ Ħal Luqa. Kull talba li ssir tiġi kkunsidrata flimkien ma’ talbiet oħra għall-pjanijiet futuri ta’ xogħol tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet.
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li jerġa’ jdaħħal is-servizz ta’ trasport dirett mil-lokalitajiet ewlenin għall-istituzzjonijiet tal-MCAST, l-Università, Junior College u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi?
Response (MIZZI, JOE)
L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li fil-preżent l-istudenti tal-Università għandhom rotot diretti minn kull lokalità inkluż iċ-Ċirkewwa. Mill-banda l-oħra, hemm ukoll rotot diretti mill-Belt Valletta lejn l-istituzzjonijiet edukattivi l-oħra bħal MCAST, Junior College, Higher Secondary u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Dawn ir-rotot jwasslu l-istudenti ħdejn jew qrib ta’ dawn l-istituzzjonijiet.
Infurmat ukoll illi fir-rotot il-ġodda li ġew proposti hemm kontemplati rotot ġodda diretti għal Junior College, filwaqt illi nżammu r-rotot eżistenti lejn l-Università. Qed tiġi proposta ukoll rotta ġdida diretta li miċ-Ċirkewwa tmur l-Università u l-kumpless tal-MCAST ġewwa Raħal Ġdid, kif ukoll jinżammu ir-rotot eżistenti mill-Belt Valletta lejn l-istituzzjonijiet edukattivi l-oħra.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – lista aġġornata tal-persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru iressaq lista aggornata li fija jelenka l-ismijiet tal-konsulenti (inkluz persons of trust) li taw u ta’ dawk illi ghadhom qeghdin jaghtu is-servizz taghhom lid-dekasteru tieghu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal-liema perjodu qed tirreferi.
San Pawl il-Baħar — Transport Malta - xogħol ta' patching
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba kien hemm kuntratturi/ħaddiema ta' Transport Malta li matul dawn l-aħħar 18-il xahar għamlu xogħol ta' patching fit-toroq arterjali ta' San Pawl il-Baħar? Min għamel dan ix-xogħol (ħaddiema tal-Gvern/kuntrattur) u kemm ġie f'kull każ l-istess xogħol fi spejjeż li riedu jitħallsu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta ghamlet xoghol ta’ patching f’diversi toroq arterjali u distributorji f’San Pawl il-Bahar . Din l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Transport Malta — Park and Ride f'San Pawl il-Baħar
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hijiex qed tikkonsidra li tintroduċi xi sistema ta' park and ride fl-inħwai ta' San Pawl i-Baħar u b'mod partikolari, jista' jagħti d-dettalji ta' kif qed tikkunsidra din it-talba Transport Malta? Jekk Transport Malta għadha ma rċevitx talbiet simili, jista' jassigura li l-istess Transport Malta tagħmel l-istudji neċessarji biex jiġi assigurat li kull tip ta' parkeġġ li jsir fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar ma jkunx sors ta' perikolu għat-traffiku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent Transport Malta mhux ser tintroduċi sistema ta’ park and ride fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar.
Jista' l-Ministru jieħu azzjoni minnufiħ biex iż-zebra crossing fi Triq l-Imdina Ħaż-Żebbuġ (u faċċata ta' Triq il-Kosbor) li fuqha hemm applikazzjoni u li għaliha nħareġ permess, issir kemm jista' jkun malajr?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pelican crossing imsemmija ,li tinsab kantuniera ma’ Triq ix-Xgħir, Żebbuġ, ser tkun qed titwaħħal mill-RID fi ħdan Transport Malta fil-ġimgħat li ġejjin.