Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mellieħa – Ċentru ta' l-Matul il-Jum – servizz imwaqqaf

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li minn nofs Mejju sal-ġurnata tal-lum twaqqaf ħesrem is-servizz mill-Kunsill Malti għall-Isport lill-anzjani fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Mellieħa, liema servizz kien ilu jingħatalhom darbtejn fil-ġimgħa għal dawn l-aħħar sentejn b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, liema servizz kien jikkonsisti illi żewġ coaches jattendu u jagħtu lezzjonijiet ta’ eżerċizzju fiżiku lill-anzjani f’ċentru apposta mgħammar b’faċilitajiet, u li kien iffinanzjat mill-Kunsill Lokali fl-istess bini taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum li jinsab fil-Kumpless Dar il-Madonna tal-Mellieħa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li, dan is-servizz waqaf jingħata f’nofs Mejju minħabba li l-kowċis li kienu qed jipprovdu dan is-servizz ħarġu fuq sick leave u ma nstab l-ebda sostitut għalihom. Bħal ma jiġri kull sena, l-kowċis ġie terminat l-impjieg tagħhom fi tmiem Mejju u bħalissa hemm miftuħin applikazzjonijiet ġodda. Ninsab infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ġie mħeġġeġ biex għal futur japplika biex dan il-programm jiġi inkluż fl-iskema tal-Kunsilli Lokali.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — impjegati detailed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm, u min huma, l-impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jew xi dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, li huma detailed, jew għandhom permess, sabiex jagħmlu xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions? Fuq liema bażi qed isir dan ix-xogħol u x’inhuma t-termini ta’ żmien? X’inhi r-remunerazzjoni, jiġifieri l-paga, allowances, overtime u dħul ieħor, li kull wieħed minn dawn l-individwi qed jirċievi u min joħroġ tali salarju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport — impjegati detailed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm, u min huma, l-impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, jew xi dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, li huma detailed, jew għandhom permess, sabiex jagħmlu xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions? Fuq liema bażi qed isir dan ix-xogħol u x’inhuma t-termini ta’ żmien? X’inhi r-remunerazzjoni, jiġifieri l-paga, allowances, overtime u dħul ieħor, li kull wieħed minn dawn l-individwi qed jirċievi u min joħroġ tali salarju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – kuntratti ta’ security guards

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-lista ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ sigurtà (security guards/officers) li huma in vigore fil-Ministeru u l-entitajiet li huwa responsabbli minnhom u li r-rata komputata fis-siegħa hija ta’ anqas minn €5.66 eskluża l-VAT?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fid-direttorati, dipartimenti u entitajiet li huma fi ħdan il-Ministeru tiegħi, hemm seba` kuntratti ta’ servizzi ta’ sigurta` li r-rata fis-siegħa eskluża l-VAT hija anqas mill-ammont imsemmi fil-mistoqsija. Il-lista ta’ dawn il-kuntratti qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-impenn tal-gvern kontra x-xogħol prekarju jibqa` dejjem wieħed assolut. Il-gvern jemmen li x-xogħol prekarju, waqt li jċaħħad lill-ħaddiema mid-dinjita` tagħhom, la jagħmel ġid lil min iħaddem u lanqas lill-ekonomija. Il-kwistjoni tax-xogħol prekarju kienet diskussa fuq livell ta’ Kabinett. Ġie maqbul li jitressaq Pjan ta' Azzjoni quddiem l-MCESD għad-diskussjoni mal-imsieħba soċjali biex eventwalment ikun ippreżentat pjan t’azzjoni finali.

Servizz pubbliku – resits tal-eżamijiet

Question

B’referenza għall-eżami li jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku li nżamm fis-sessjoni ta’ Jannar 2013, meta wieħed iqis li dan l-eżami huwa kompetittiv, jista’ l-Ministru jgħid kif se jkun assigurat li l-proċess jibqa’ wieħed ġust ma’ dawk il-kandidati li diġà għaddew? Kif se jkun assigurat li kandidati jibqgħu jikkompetu fuq l-istess livell meta dawk li ser joqogħdu għar-resits se jingħataw karta differenti u possibbilment b’eżaminaturi differenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal ċirkulari tal-PAHRO Nru 9/2013 li kopja tagħha tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra b'konnessjoni ma' Mistoqsija Parlamentari Numru 2032. Iċ- ċirkulari tindika li r-riżultat aħħari (l-eżami miktub kif ukoll l- interview ) ser ikun maqsum f’żewġ listi separati, wieħed li fih il-kandidati li għaddew mill-eżamijiet ma' l-ewwel darba u lista oħra li jkun fiha dawk il-kandidati li għaddew fir- resit . Il-kandidati li għaddew l-eżamijiet f’Jannar ser ikollhom preċedenza fuq dawk li għaddew wara li qagħdu għall-eżami/eżamijiet fir- resit. Il-livelli tal-karti ser ikunu ta’ l-istess livell ta’ l-ewwel eżami bħal ma jsir f’każijiet simili ta’ bordijiet oħra f’kazijiet ta’ re-sits. Ser tinżamm ukoll il-prassi li tliet eżaminaturi ser ikunu responsabbli għal kull eżami li jsir waqt li ftit ser ikun hemm tibdil fl-eżaminaturi.

Servizz Pubbliku – resits tal-eżamijiet

Question

B’referenza għall-eżami ta’ Jannar 2013 li jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku, meta wieħed iqis li dan huwa eżami kompetittiv, jista’ l-Ministru jgħid jekk min jagħmel ir-resit hux se jkun jista’ jaqbeż fil-marki lil dawk li diġà għaddew fl-eżami f’Jannar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ċ-ċirkulari tal-PAHRO Nru. 9/2013 tindika l-proċedura li se tittieħed dwar ir-riżultati miksuba kemm fl-ewwel eżami ta' Jannar li għadda kif ukoll fir-resit. Dan ġie spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 2035.

Servizz Pubbliku — resits tal-eżamijiet

Question

B’referenza għall-eżami ta’ Jannar 2013 li jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ir-resits se jsiru fil-gradi kollha meta skont stqarrijiet pubbliċi l-investigazzjonijiet tal-pulizija jixħtu dell ta’ irregolaritajiet biss fil-marki tal-executive officers u mhux fi gradi oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-resits se jsiru fil-gradi kollha u mhux biss fl-eżamijiet għall-Uffiċjali Eżekuttivi biex kull min għamel l-eżami se jkollu ċans ieħor.

Klabb 3-16 – użu ta' iskejjel

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamenrtari 1130 dwar l-użu tal-iskejjel mill-Klabb 3-16 immexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, jista’ l-Ministru jgħid sa meta huwa mistenni li jkun lest il-qafas ta’ ftehim mad-Direttorat u l-iskejjel fejn hemm is-servizz sabiex il-partijiet kollha jkunu jafu x’inhu mistenni minnhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Hu mistenni li dan il-qafas tal-ftehim ikun lest sa nofs ix-xahar ta' Ġunju.

Sports Scholarships

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ngħataw l-ewwel darba l-isports scholarships? Kemm kienu vvotati flus? Kemm ingħataw scholarships? F’liema dixxiplini ngħataw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-isports scholarships ingħataw għall-ewwel darba fl-2012. Oriġinarjament fil-baġit kienu ġew ivvutati €120,000. Dan l-ammont tnaqqas għal €100,000 meta saret reviżjoni tan-nefqa taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. F’dik is-sena ingħataw 14-il borża ta’ studju fid-dixxiplini li jidhru fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sports scholarships

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ħarġet u meta se tagħlaq is-sejħa ta’ din is-sena għal sports scholarships? Kemm hemm flus ivvotati għal din l-iskema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi s-sejħa għal Sports Scholarships ta' din is-sena ġiet imnedija nhar l-Erbgħa, 22 ta' Mejju 2013. L-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu sa nofsinhar tal-Ġimgħa, 21 ta' Ġunju, 2013. Ġew ivvutati €120,000 għal din l-iskema.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-2004 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mid-direttorati, dipartimenti u entitajiet li huma fi ħdan il-Ministeru tiegħi ma ingħatax xogħol ta’ konsulenza lill-kumpanija indikata mill-Onorevoli Interpellant fil-perjodu msemmi fil-mistoqsija. Iżda, f’Ġunju tal-2012, il-Kunsill Malti għall-iSport ħallas l-ammont ta’ €3,620.43 lill-kumpanija indikata bħala ħlas għan-nom tal-klijenti tagħha Damian Restall u Jesmond Agius f’isimhom proprju u eżerċitanti l-kummerċ taħt l-isem Turn-Pro Waterproofing & Turnkey Contractors għal kawża mitlufa fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar (seduta li saret fis-26 ta’ April 2012).

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — ingaġġ ta' konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk żiedx iktar konsulenti (inkluż persons of trust), oltre dawk illi ta fit-tweġibħa tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 343, li qeghdin jagħtu kontribut fid-dekasteru tiegħu? Jista’ tgħid x’terms of reference għandhom il-konsulenti (u persons of trust) kollha għall-ħidma tagħhom fil-Ministeru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Le.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — inventarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mal-ħatra tiegħu kellux inventarju ta' x'suppost kien hemm fil-Ministeru? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid jekk ġiex konfermat li dak kollu mniżżel fl-inventarju instabx? Jekk kien hemm xi nuqqasijiet, jista' jgħid jekk ittieħditx xi azzjoni, u x'inhi din l-azzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li dak kollu li kien hemm fl-inventarju nstab.

MCAST — studenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru totali ta' studenti, kors b'kors, fl-MCAST fil-bidu tas-sena skolastika kurrenti 2012/2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fondi tal-Unjoni Ewropea — MCAST - proġetti

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm fondi tal-Unjoni Ewropea ġew utilizzati s'issa mill-MCAST, inkluż fi proġetti li għadhom għaddejjin? Fuq liema proġetti jew inizjattivi intużaw u kemm kien l-ammont ta' fondi tal-Unjoni Ewropea użati jew li se jintużaw għal kull proġett jew inizjattiva?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ir-Rabat (Għawdex) — Skola sekondarja Sir Mikelanġ Refalo - estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkompli bil-pjan li kien tħejja mill-Gvern preċedenti biex tinbena parti ġdida għall-iskola sekondarja Sir Mikelanġ Refalo fir-Rabat, Għawdex? Jekk iva, meta hu maħsub li jsir dan il-proġett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-pjan ta' bini ta' skejjel ġodda qed jiġi studjat u fejn se jkun hemm bżonn isir dan il-bini.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – laqgħat ma’ Ambaxxaturi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1726, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk marx jiekol ma’ xi wieħed jew waħda minn dawn l-ambaxxaturi u jekk iva min akkumpanjah?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Le.

social support workers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti s-servizz ta’ social support workers li għadu kemm ġie introdott dan l-aħħar? Kemm hemm studenti li qed jibbenefikaw minn dan is-servizz illum? X’għandhom jagħmlu dawk il-ġenituri li jixtiequ jagħmlu użu minn dan is-servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz ta’ social support workers ġie introdott ħames snin ilu fl-2008 fil-Kulleġġ ta’ Santa Margerita u tlett snin wara fl-2011 dan is-servizz beda jingħata f’erba’ kulleġġi oħra. Id-dmirijiet u responsabbiltajiet ta’ Social Support Workers huma: a. jagħmlu visti fid-djar u postijiet oħra skont il-ħtieġa, biex jikkomunikaw mal-familji identifikati mis- social worker li taħdem fi ħdan il-Kulleġġ rispettiv, biex jipprevjenu, jnaqqsu jew jeliminaw l-assenteiżmu mill-iskola; b. jgħinu lis- social worker timplimenta care plans diskussi waqt is-superviżjoni li huma relatati ma’ studenti li l-iżvilupp edukattiv tagħhom huwa effettwat minn diffikultajiet personali, soċjali u familjari. Dawn it-tip ta’ diffikultajiet jinkludu esklużjoni soċjali, imġieba diffiċli u sitwazzjonijiet familjari diffiċli; c. joffru sapport lill-familji billi jgħinuhom b’mod prattiku jkopru l-ħtiġijiet edukattivi ta’ uliedhom; d. jgħallmu l-immaniġġjar tad-dar, ħiliet ta’ kf tkun ġenitur u ħiliet interpersonali lill-familji għall-benefiċju ta’ uliedhom fl-edukazzjoni tagħhom; e. jakkumpanjaw lit-tfal l-iskola fejn ikun hemm ġenituri bi problema ta’ saħħa mentali jew mard ieħor Mill-bidu tas-sena skolastika 2012/2013 s’issa is- Social Support Workers segwew 198 student. Il-ġenituri għandhom jagħmlu appuntament mas- Social Worker tal-Kulleġġ rispettiv. Is-servizz ta’ Social Support Worker huwa pprovdut f’dawn il-Kulleġġi: Santa Margerita, Santa Klara, San Injazju, Maria Regina u Santa Tereża. Importanti li jiġi ċċarat li fil-preżent minn dawn il-Kulleġġi qed jiġi provdut is-servizz ta’ Social Worker fil-Kulleġġ ta’ Santa Margerita u San Injazju, għalhekk il-familji jridu jikkuntattjaw lis- Social Support Worker direttament fl-assenza tas- Social Worker .

Slapped Cheek Syndrome – protezzjoni għall-għalliema u LSAs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kellux talbiet mill-Malta Union of Teachers dwar il-protezzjoni ta’ għalliema u LSAs relatati mal-każijiet ta’ tfal li ġew irrappurtati li huma infettati bl-iSlapped Cheek Syndrome? X’ kienu dawn it-talbiet? X’arranġamenti saru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Malta Union of Teachers staqsiet lid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, biex (1) Jassigura li jkun hemm prevenzjoni adegwata biex ma jkunx hemm outbreaks ta’ mard kuntaġġjuz fl-iskejjel; (2) Jassigura li fejn ikun hemm kazijiet ta’ mard kuntaġġjuz jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex ma tinteridx il-marda fost l-istaff u l-istudenti u li dawn ikollhom aċċess għall-informazzjoni adegwata u dwar trattament mill-awtoritajiet ikkonċernati – dan għaliex fi skola partikolari fejn kien hemm l-iscabies (Fgura) ġejna informati li l-għalliem tal-klassi kien l-aħħar persuna li sar jaf u dan b’mod aċċidentali, dan mhux aċċettabli għall-MUT, aktar w aktar fil-konfront tal-fatt li l-ġenituri tal-istudenti tal-klassi tiegħu kellhom laqgħa apposta mill-uffiċjali tas-sanita’; (3) Jassigura attenzjoni partikolari għall- persuni f’riskju akbar jew f’ċirkostanzi aktar vulnerabbli u li jkollhom protezzjoni adegwata u dan b’mod partikolari għall-impjegati nisa tqal. Ġejna nformati li impjegati nisa tqal ingħataw pariri mediċi biex ma jattendux għax xogħol fejn kien hemm kazijiet ta’ slapped cheek . Fid-dawl ta’ dan qegħdin nistennew li d-Direttorat tiegħek jagħti direzzjoni ċara lil tali impjegati li għandhom jieħdu quarantine leave peress li uħud minnhom kellhom jirrikorru għas- sick leave tagħhom fuq pariri tal-ispeċjalisti mediċi. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi kkonsulta mad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard, u l-parir mediku kien kif ġej. Fl-iskejjel tinżamm iġjene biex jevitaw infezzjonijiet. Fejn ikun hemm każ ta` mard infettiv, it-tifel/tifla jintbagħat id-dar biex ma jinfirixx il-mard. Jiġu informati ukoll l-awtoritajiet tas-Saħħa u jittieħdu l-passi kollha indikati minn dawn l-istess awtoritajiet . Meta jkun hemm każijiet ta’ mard infettiv fi tfal li jmorru l-iskola, l-iskola tikkomunika mad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard. Dawn jagħmlu risk assessement dwar il-każ u jieħdu kull azzjoni meħtieġa skont protokolli bbażati fuq evidenza xjentifika u prassi internazzjonali. Normalment kemm it-tfal kif ukoll il-ġenituri jingħataw it-tagħrif meħtieġ dwar il-marda konċernata. Meta jkun hemm każ ta’ scabies, issir taħdita fl-iskejjel għal dawk li jkunu identifikati li setghu kienu esposti mir- risk assessment li jkun sar. F’kaz ta’ tfal, issir laqgħa għall-ġenituri tagħhom. Jingħataw fuljett ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjoni u jingħata cream bħala prophylaxis. B19 parvovirus li jikkaguna l- Slapped Cheek Syndrome jinfirex permezz ta’ tnixxijiet respiratorji (bħal bżieq, sputum, jew mukus nażali) meta persuna infettata tisgħol jew tagħtas. Wara li joħroġ ir-raxx ma hemmx evidenza li jkun jittieħed u għalhekk it-tifel/tifla jista' jmur lura l-iskola. Meta jkun notifikat każ, it-tifel jew tifla b’mard infettiv jingħata struzzjonijiet biex ma jmurx skola sakemm ikun infettiv. Għalhekk ma jkun hemm l-ebda indikazzjoni li staff tal-iskola jew tfal oħra biex ma jmorrux skola. Għalhekk f’dawn il-każijiet ma hemm l-ebda indikazzjoni għall- quarantine leave .

Servizz Pubbliku — eżamijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien intitolat li joqgħod għall-eżami li jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku fis-sessjoni li nżammet f’Jannar 2013? Għal liema gradi tas-servizz pubbliku huma intitolati l-kandidati li qagħdu għal dan l-eżami?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-persuni ntitolati li joqgħodu għall-eżami li jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku fis- sessjonijiet tal-Malti u Ingliz li nżammu f’Jannar 2013 ivarja skont il-grad. Eżamijiet għad-dħul fil-Grad ta’ Skrivan fis-Servizz Pubbliku kienu miftuħa għall: (a) uffiċjali pubbliċi fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta jew (b) impjegati oħra ngaġġati ma’ Ministeri u Dipartimenti/Diviżjonijiet/ Direttorati, mhux f’pożizzjoni fuq bażi ta’ fiduċja; jew (c) persuni li, sad-data tal-għeluq tas-sejħa għall applikazzjonijiet, ikollhom perjodu kumulattiv ta’ mhux inqas minn sena, fl-aħħar ħmistax-il xahar, fejn ikunu wettqu ħidma klerikali lill-Gvern ta’ Malta (Servizz Pubbliku u Settur Pubbliku) permezz ta’ kuntrattur li jipprovdi servizzi klerikali. Eżamijiet għad-dħul fil-Grad ta’ Uffiċjal Eżekuttiv fis- Servizz Pubbliku kienu miftuħa għall: (a) Uffiċjali Pubbliċi fis- Servizz Pubbliku ta’ Malta fil-gradi ta’ Skrivani Anzjani jew Skrivani, tal-aħħar bi tliet (3) snin servizz fil-grad, jew (b) Uffiċjali Pubbliċi fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta fil-gradi/ ħatriet oħra, jew (ċ) Impjegati oħra ingaġġati ma’ Ministeri u Dipartimenti/ Taqsimiet/ Direttorati, li l-ħatra tagħhom mhix fuq bażi ta’ fiduċja, jew (d) Persuni li, sad-data tal-għeluq tas-sejħa għall-applikazzjonijiet, ikollhom perjodu kumulattiv ta’ mhux inqas minn sena, fl-aħħar ħmistax-il xahar, fejn ikunu wettqu ħidma klerikali lill-Gvern ta’ Malta (Servizz Pubbliku u Settur Pubbliku) permezz ta’ kuntrattur li jipprovdi servizzi klerikali. Eżamijiet għad-dħul fil-Grad ta’ Assistent Uffiċjal Prinċipali fis-Servizz Pubbliku kienu miftuħa għall: (a) Uffiċjali Eżekuttivi fi Skala ta’ Salarju 13 jew (b) Uffiċjali Eżekuttivi fi Skala 14 li, sad-data u l-ħin tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall- applikazzjonijiet, għalqu sentejn servizz fil-grad u li allura kienu intitolati li jitilgħu għal Skala 13 skont il-provvediment tal- Addendum għall- Ftehim dwar Gradi fis-Servizz Ġenerali. Dawn il-kandidati li kienu għadhom fuq Skala 14 u li għaddew mill-proċess tal-għażla, jingħataw il-ħatra biss jekk ikun hemm rapport favorevoli biex jitilgħu għal Skala 13 skont iċ-Ċirkulari tal- MPO Nru 21/2002. Eżamijiet għad-dħul fil-Grad ta’ Uffiċjal Prinċipali fis- Servizz Pubbliku kienu miftuħa għall: (a) Uffiċjali Pubbliċi fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta li huma fil-Grad ta’ Assistent Uffiċjal Prinċipali jew Uffiċċjal Eżekuttiv, dawn ta’ l-aħħar kellhom erba’ snin servizz fil-grad, jew (b) Uffiċjali Pubbliċi fis- Servizz Pubbliku ta’ Malta fil-gradi l-oħra tas-servizz jew f’xi pożizzjoni, jew (ċ) Impjegati oħra ingaġġati ma’ Ministeri jew Dipartimenti/ Divizjonijiet/ Direttorati, mhux f’pożizzjoni fuq bażi ta’ fiduċja, jew (d) Persuni li sad-data tal-għeluq tas-sejħa għall-applikazzjonijiet, kellhom perjodu kumulattiv ta’ mhux inqas minn sena, fl-aħħar ħmistax-il xahar, fejn kienu wettqu ħidma klerikali lill-Gvern ta’ Malta (Servizz Pubbliku u Settur Pubbliku) permezz ta’ kuntrattur li jipprovdi servizzi klerikali. Fil-każ ta’ (b), (ċ), u (d) hawn fuq, applikanti għandu jkollhom degree universitarju rikonoxxut, f’livell 6 tal- MQF, jew kwalifika rikonoxxuta komparabbli xierqa. Eżamijiet għad-dħul fil- Grad ta’ Uffiċjal Prinċipali Anzjan fis- Sevizz Pubbliku kien miftuħ għall: (a) Uffiċjali Prinċipali fil-grad ta’ Uffiċjal Prinċipali fil-Gradi tas-Servizz Ġenerali fi Skala 9 jew ogħla. (b) Uffiċjali Pubbliċi fil- Grad ta’ Uffiċċjal Prinċipali fil-Gradi tas- Servizz Ġenerali fi Skala 9 jew ogħla fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta, li huma sekondati/ mislufin/detailed/ deployed/ attached ma’ Organizzazjonijiet fis-Settur Pubbliku. (ċ) Uffiċjali Prinċipali fil-Gradi tas-Servizz Ġenerali fi Skala 10 li, sad-data u l-ħin tal-għeluq ta’ din is-sejħa ikunu għalqu sentejn servizz fil Grad u li allura ikunu intitolati li jitilgħu għal Skala 9 skont il-provvedimenti tal- Addendum għall- Ftehim dwar il-Gradi fis-Servizz Ġenerali setgħu ukoll japplikaw. Jekk jgħaddu mill-proċess tal-għazla dawn il-kandidati jigu kkunsidrati għall-ħatra biss jekk ikun hemm rapport favorevoli biex jitilgħu għal Skala 9 skont iċ-Ċirkulari tal MPO Nru 21/2002.