Legislature:
Category:
Reset
Active:

PBS – Kap Eżekuttiv

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20049, jista’ l-Ministru jikkonferma b’mod ċar li l-Kap Eżekuttiv ġie kkonfermat fil-kariga? Meta seħħ dan? Jista’ jikkonferma li l-Kap Eżekuttiv bil-kuntratt il-ġdid żamm l-istess kundizzjonijiet li kellu qabel?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma ġie iffirmat ebda kuntratt ġdid mas-CEO tal-PBS għaliex il-kuntratt li sar fi żmien amministrazzjoni preċedenti għadu fis-seħħ u s'intendi ladarba għadu bl-istess kuntratt, huwa għadu jgawdi mill-istess kondizzjonijiet preċiż.

PBS – nefqa tas-sussidji

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20040, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-fondi ta’ €3.5 miljun li jgħaddi l-Gvern lill-PBS biex jintefaq bħala Public Service Obligation huwiex fil-fatt jintuża biex jixxandar programm ta’ boxing internazzjonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fondi ta’ €3.5 miljun mhux qed jintużaw biex jixxandar programm ta’ boxing internazzjonali.

PBS – nefqa tas-sussidji

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20040, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux f’pożizzjoni li jagħti garanzija li l-fondi ta’ €3.5 miljun allokati għall-Public Service Obligation humiex qed jintefqu mill-PBS skont il-kriterji li l-fondi mogħtija mit-taxxi tal-poplu huma allokati għalihom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli membru li l-fondi ta’ €3.5 miljun allokati lill-PBS qed jintefqu skont il-kriterji li huma allokati għalihom.

PBS – nefqa tas-sussidji

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20040, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-audit professjonali ta’ kif intuża l-fond allokat mill-Gvern lill-PBS għall-Public Service Obligation mill-2013 ‘l hawn,jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

L-audit għas sena Ottubru 2013-Settembru 2014 ser jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif jitlesta. Dan għandu jkun iffinalizzat fl-aħħar ta’ Novembru.

PBS – nefqa tas-sussidji

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20040, jista’ l-Ministru jikkonferma li mill-2013 ‘l hawn ma sarux audit professjonali dwar kif intuża l-fond allokat mill-Gvern lill-PBS, għall-Public Service Obligation? Jekk diġà sar xi rapport, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 20040.

PBS – Pagi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-PBS kellu nuqqas ta’ fondi biex joħroġ il-pagi ta’ Novembru? Jista’ jgħid jekk hux minnu li l-Gvern kellu jalloka fondi addizzjonali biex il-ħaddiema ma jibqgħux bla pagi? Jista’ jikkonferma li l-fondi addizzjonali li ħareġ il-Gvern kienu ta’ nofs miljun Ewro? X’wassal biex il-PBS ma kellux fondi għall-pagi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-PBS dejjem kellha fondi għall-pagi, inkluż dawk ta’ Novembru 2015. Il-Gvern qatt ma alloka fondi addizjonali biex jinħargu il-pagi tal-ħaddiema, inkluż ta’ Novembru 2015.

Il-Kappara – Kunsill Amministrattiv — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-Kunsill Amministrattiv fil-Kappara bejn Jannar 2015 u Settembru 2015 mill-allokazzjoni mogħtija lilhom u fiex sar l-infieq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann li l-infiq mill-Kumitat Amministrattiv tal-Kappara minn Jannar 2015 sa Settembru 2015 hu kif ġej: Infieq fuq:€ Ġonna u Soft Areas4,180.00 Immaniġġjar tal-Iskart48,597.00 Nefqa tal-Amministrazzjoni20,727.00 Tipping fees15,817.50 Knis12,709.00 Repair + upkeep13,427.91 Miscellaneous402.82

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali – impjegati mill-1998 sa 2013

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bejn Settembru 1998 u Marzu 2013 kemm kien hemm persuni li f’xi żmien qabel ma ġew ingaġġati fis-Segretarjat Privat tal-Ministru ta’ dak iż-żmien, fl-uffiċini tas-Segretarji Parlamentari li kienu jaqgħu taħt l-istess Ministeru jew f’kull dipartiment, entità, fondazzjoni, awtorità, korporazzjoni, aġenzija, kummissjoni, kumpanija, istitut li jaqa’ taħt il-Ministeru, kienu jaħdmu ma’ xi waħda mill-entitajiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Jista’ jagħti lista ta’ min kienu dawn il-persuni kif ukoll il-pakkett finanzjarju sħiħ ta’ kull wieħed u waħda minnhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Nagħmel riferenza għall-prassi li kienet użata f’leġizlaturi preċedenti u ngħarraf lill-Onor Interpellant li informazzjoni ta’ natura personali kif mitluba minnu, tingħata biss bil-kunsens tal-individwi kkonċernati.

Kunsilli Lokali — għajnuna għal xandir

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta' għajnuna ngħatat lill-kunsilli lokali, u lil liema minnhom, biex il-kunsilli jkunu f qagħda li jxandru l-laqgħat tagħhom fuq l-internet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħarġu tlett sejħiet li minnhom ibbenefikaw il-Kunsilli Lokali kollha. Dawn kienu permezz ta’ ‘Memo 17/2013 – Live Streaming’, fejn kull Kunsill ibbenefika sa massimu ta’ €2,300 għax-xiri tal-apparat u sena streaming; ‘Memo 17/2014 – Internet’, fejn kull Kunsill jew qed jitħallaslu l-internet mal-Melita plc sabiex issir l-istreaming, jew jekk daħlu f’kuntratt ieħor, qed jingħataw €25 fix xahar rimbors, l-istess ammont kemm qed jitħallas lill-Melita u ‘Memo 5/2014 – Streaming’, fejn kull Kunsill se jingħata sa massimu ta’ €1,000 fis-sena għal tlett snin oħra konsekuttivi għall-ispejjeż ta’ l-istreaming.

PBS – kumpanija tal-awditjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid illum liema hi l-kumpanija tal-awdituri tal-PBS? Meta ntgħażlet din il-kumpanija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Kumpanija tal-Awditjar tal-PBS hija RSM Malta li ġiet maħtura fil-31/10/2013 wara sejħa għall-offerti.

PBS — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-preżent hemmx impjegati tal-PBS, inkluż dawk b’contract of service u contract for service li qed jagħmlu xi xogħol barra minn Malta? X’inhu dan ix-xogħol? F’liema pajjiż qegħdin? X’inhu l-introjtu tal-PBS?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm żewġ impjegati fil-PBS, li wara s-suċċess tal-Junior Eurovision Song Contest li sar f’Novembru tas-sena l-oħra f’Malta, ġew irrakkomandati minn Uffiċjali tal-European Broadcasting Union sabiex jgħinu fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Junior Eurovision Song Contest, li ser jittella’ f’Sofia. Ċertament dan se jgħin biex il-ħiliet ta’ dawn iż-żewġ impjegati tal-PBS ikompli jikbru u pjattaforma biex pajjiżna juri t-talent tekniku li għandna. Dan ix-xogħol qed isir fil-ħin liberu tagħhom u assolutament m’hu qed jinvolvi ebda spejjeż, la diretti u lanqas indiretti, għall-PBS.

PBS – individwu – contract of service

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qiegħed fuq contract of service mal-PBS? Meta ġie ffirmat dan il-kuntratt? X’inhu x-xogħol li dan l-individwu hu mistenni li jagħmel skont it-termini tal-kuntratt? Fuq liema kriterju ma nħarġitx sejħa pubblika għall-ingaġġ? Kemm tħallas dan l-individwu kull xahar sal-lum? Kemm-il darba ntbagħat fuq xogħol barra l-pajjiż f’isem il-PBS?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. membru li l-persuna ndikata ma hijiex impjegata mal-PBS iżda tagħti servizzi tagħha fil-Kamra tal-Aħbarijiet bħala freelancer. Informat li din il-persuna ilha tagħti dan is-servizz mill-2007 ħlief għal perjodu meta l-persuna kienet qed titħarreġ fl-Ingilterra u fl-Istati Uniti biex tkompli tispeċjalizza fil-midja televiżiva.

PBS – programm dwar iċ-CHOGM

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qed iħallas għall-programm dwar iċ-CHOGM fuq PBS? Jekk hu l-PBS, jista’ jgħid kemm qed jiswa u fuq xiex qed jintefqu l-flus? Jekk il-programm hu tal-PBS, jista’ jgħid jekk il-ħlas tal-impjegat huwiex wieħed addizzjonali għal dan il-programm? Min qed jitħallas ta’ dan ix-xogħol u kemm qed jitħallas?

Response (BONNICI, OWEN)

Billi l-programm in kwestjoni m'huwiex tal-PBS, tali informazzjoni m'hijiex disponibbli.

Għażla ta’ preżentatriċi

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fuq liema bażi ntgħażlet il-preżentatriċi tal-programm li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex taqra l-aħbarijiet tas-6:00pm u ta’ 8:00pm min fost il-ġurnalisti kollha ta’ TVM li fil-preżent ma jaqrawx il-qari tal-aħbarijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qari tal-aħbarijiet tas-6 u tat-8 m’huwiex kunsidrata bħal parti mix-xogħol regolari tal-ġurnalisti. Ma nbidel xejn minn snin ta’ qabel dwar kif issir l-għażla ta’ min jaqra l-aħbarijiet.

Għawdex – siti amministrati minn Heritage Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm siti f’Għawdex li huma amministrati minn Heritage Malta u liema huma dawn is-siti? Kemm kien hemm viżitaturi f’kull sit matul is-sena 2014 u kemm kien id-dħul minn kull sit? Kemm hemm ħaddiema f’kull sit u f’liema gradi? Jista’ jgħid meta hu mistenni li jiftaħ il-Mużew tal-Arti fi Triq Fortunato Mizzi fir-Rabat, Għawdex u fiex wasal ix-xogħol fuq dan il-Mużew?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Qrati – theddid ta’ bomba

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 19276 u 20287, jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-verità dwar kemm kien hemm theddid ta’ bombi fl-2015 fil-Qorti: hux ħdax jew waħda?

Response (BONNICI, OWEN)

M'għandix x'inżid mal-korrezzjoni magħmula minni nhar il-Ġimgha 23 ta' Ottubru 2015 għad-domanda oriġinali tal-Onor Silvio Schembri li ġġib in-numru 19276.

Heritage Malta — Fanal tal-Ġordan - manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed tieħu Heritage Malta biex tara li l-Fanal tal-Ġordan ma tiġrilux aktar ħsara u dan stante li fl-aħħar snin jidher li ġarrab diversi ħsarat u ma saritlu l-ebda manutenzjoni? Jista' jgħid għaliex talba mill-Kunsill Lokali tal-Għasri biex jiġi devolut dan is-sit storiku lilhom biex jieħdu ħsiebu huma, sal-lum, ma ġietx milqugħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Huwa d-Dipartiment tal-Artijiet li huwa responsabbli għad-devoluzzjoni ta’ propjetà tal-Gvern. Ninsab infurmat li l-Ministeru għal Għawdex jaf li l-fanal ta’ Ġordan ilu fi stat ħażin ta’ restawr għal snin twal u ma ngħatax l-attenzjoni li kien ħaqqu mill-amministrazzjoni preċedenti. Kien għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex beda diskussjonijiet dwar dan is-sit biex jara x’interventi huma meħtieġa.’ Ninsab infurmat ukoll li d-Direttorat għar-Restawr qiegħed fil-preżent jassisti lill-Ministeru għall-Għawdex fis-sottomissjoni tal-applikazzjoni lill-MEPA, liema applikazzjoni hi meħtieġa biex eventwalment jiġi rrestawrat il-Fanal ta’ Ġordan. Iktar informazzjoni tista’ tinghata minn dan il-Ministeru.

AKL — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba matul din is-sena, iltaqa’ mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali? X’kienet l-aġenda tal-laqgħa u min attenda għal-laqgħa? Inżammu minuti matul dawn il-laqgħat? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-minuti?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Bormla – Triq John Pace – reserved parking approvat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm reserved parking approvat fi Triq John Pace, Bormla?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li skont ir-rekords tal-Kunsill Lokali, fi Triq John Pace hemm 7 ‘reserved parking bays’ approvati. Tajjeb li jingħad li filwaqt li 4 minnhom huma ta’ residenti li jabitaw f’din l-istess triq, it-tlieta l-oħra huma ta’ residenti li jabitaw f’toroq oħra li fihom ma jsirx parking (minħabba sqaqien jew turġien).