Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għalfejn l-applikazzjoni, li d-dettalji ta' l-applikant qegħdin jiġu mibgħuta separatament, għadha qatt ma ġiet risposta jew trattata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal xhiex applikat il-persuna ndikata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex se jkompli l-proċess li kien inbeda minn Gvern Laburista sabiex dawk il-pensjonanti tas-Servizzi Ingliżi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-miżura dwar il-pensjonijiet?
Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta se jitkompla dan il-proċess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15843.
Peress li l-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għandu martu toqgħod fid-dar li għandha soqfa u gallerija fi stat perikoluż, jista' jgħid jekk huwiex intitolat għal xi għajnuna/sussidji biex issir il-manutenzjoni meħtieġa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ħadet passi biex tibgħat għall-persuna ndikata jew rappreżentant tagħha biex jiġi stabbilit jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet biex tikkwalifika għal sussidju jew għajnuna taħt xi waħda mill-Iskemi ta' l-Awtorita'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni jirreġistraw li għandhom is-seaman book jew AB licence? X'inhi l-IC Card tagħhom jew il-lokalita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ma għandiex informazzjoni dwar dawk li għandhom AB licence. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba fil-kumplament tal-Mistoqsija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 22504?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-persuna kkonċernata qiegħed għad-deċiżjoni ta' l-Arbitru maħtur skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318).
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuna li tkun tilfet il-pala ta' idejha, hijiex intitolata għal xi benefiċċju? X'tip ta' benefiċċju hu dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna li tkun tilfet il-pala ta' idejha ma hi ntitolata għall-ebda benefiċċju partikulari, li hu marbut mal-kundizzjoni fiżika tagħha.
Madankollu d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jħallas diversi benefiċċji, kemm kontributorji u kemm mhux kontributorji, li l-persuna kkonċernata tista' tkun intitolata għalihom jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta magħhom. Huwa għalhekk ssuġġerit li l-persuna tirrikorri għand l-Uffiċċjal Distrettwali tad-Dipartiment inkarigat mill-Customer Care jew fl-Uffiċċju Distrettwali tal-lokal tagħha fejn tingħata parir dwar liema benefiċċji jistgħu japplikaw fil-każ tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' persuni li għandhom applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali? Minn liema lokalita' ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tħallsu f'unemployment benefits fis-sena 2000 f'kull uffiċċju distrettwali, uffiċċju b'uffiċċju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-lokalita' ta' fejn wieħed joqgħod mhix kundizzjoni li biha persuna tikkwalifika għall-Benefiċċju tad-Disimpjieg u għaldaqstant ma tinżammx statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant.
Dwar l-ammont ta' benefiċċji tad-Diżimpjieg imħallsa s-sena li għaddiet, l-informazzjoni li għandu d-Dipartiment sallum hija li bejn Jannar u Novembru 2000 tħallsu Lm444,510 bħala Benefiċċju għad-Disimpjieg u Lm293,956 bħala Benefiċċju Speċjali għad-Disimpjieg.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mill-postijiet ta' l-Awtorita' tad-Djar li ħerġin għall-bejgħ kemm minnhom se jkunu riżervati għal persuni b'diżabilita'? Fis-sistema tal-punti, kif emendata, min hu wheelchair bound se jingħata priorita' fuq applikanti oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar tirriserva 12% tal-postijiet li toħroġ għall-bejgħ għall-persuni li jkollhom xi waħda mid-diżabilitajiet elenkati fit-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għar-rigward ta' skema Nru. 8 maħruġa fid-19 ta' Novembru 1999 jista' l-Viċi Prim Mnistru jgħid kemm-il unit ġew offruti? Fiex kienu jikkonsistu, eż. flats, djar, eċċ., rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22570 f'Seduta 467.
B'riferenza għal Skema Nru. 8 jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, fil-każ li kien hemm applikanti, jekk humiex għaddejjin diskussjonijiet ma' l-applikanti? Ma' min qed isiru dawn id-diskussjonijiet? Ma' min saru sa issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma' 3 applikanti. Dawn l-applikanti huma Joe Paul Co Ltd., Bezzina Brothers Ltd u Sur Anthony Ellul. Għaddejja wkoll korrispondenza ma' Messrs. George Fenech u Joseph Cutajar.
S'issa ġew konklużi l-kuntratti mas-Sinjuri Bartolo, Camilleri u Muscat u Fenech Azzopardi (Styles) Ltd. Bħalissa, l-Awtorita' tad-Djar għaddiet l-inkartament lin-Nutar Prinċipali tal-Gvern biex isiru l-kuntratti ma' P&S Ltd., Emanuel Gatt u Nancy Agius.
Saru diskussjonijiet ukoll mas-Sur Santino Gauci, l-Perit Charles Mangion u Jesmond u Diane Dalli.
B'riferenza għal Skema 8 maħruġa fid-19 ta' Novembru, 1999 jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, fil-każ li kien hemm applikanti, ma' min ġew finalizzati l-offerti? Kemm hu n-numru ta' units? Kemm hu l-ammont fi flus?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Fir-rigward ta' Skema Nru. 8 maħruġa fid-19 ta' Novembru, 1999 jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti, jekk kienx hemm applikanti li kienu applikaw ukoll taħt l-iskema ntrodotta mill-gvern Laburista bejn l-1996-1998? Min kienu, jekk fl-affermattiv? Kemm-il unit offrew u kemm hu l-ammont ta' flus involut?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 22570 f'Seduta 467. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba fil-kumplament tal-Mistoqsija.
Għar-rigward ta' Skema Nru. 8 maħruġa fid-19 ta' Novembru, 1999, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, f'każ li kien hemm applikazzjonijiet u ġew finalizzati, meta se jiġu ffirmati il-konvenju jew il-kuntratt għar-rigward ta' l-istess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22578 f'din l-istess Seduta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mill-każijiet irrapportati li għandhom bini perikoluż, ġew offruti akkomodazzjoni alternattiva matul din is-sena?
Kemm minnhom ġew rimedjati u ċioe' aċċettaw il-proprjeta' li offrewlhom l-awtoritajiet konċernati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi mill-1 ta' Jannar 2000, ġew offruti 35 post lill-familji li kienu rrapportati li joqogħdu f'bini perikoluż. Minn dawn, 33 aċċettaw il-propjeta' li ġiet offruta lilhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet irrapportat lid-Direttur tal-Akkomodazzjoni Soċjali fejn hemm bini perikoluż u joqogħdu r-residenti fih u wara l-investigazzjoni li saret instab li l-bini mhux f'kondizzjoni perikoluża għall-istess abitanti?
X'inhija l-pożizzjoni ta' dawk li l-bini fejn joqogħdu nstab li huwa perikoluż?
Meta se jiġu offruti akkomodazzjoni alternattiva sabiex ma jibgħux jgħixu fil-periklu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-eżerċizzju ta' spezzjonijiet għadu mhux finaliżżat. Dawk li jinstabu li joqgħodu fil-periklu jintalbu japplikaw taħt l-Iskema relevanti ta' l-Awtorita' tad-Djar jew jitpoġġew fuq il-lista għal akkomodazzjoni alternattiva tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jiġi ranġat il-buzzer taċ-Ċentru tal-Anzjani fl-Imtarfa peress li dan ilu ma jaħdem għal dawn l-aħħar xahrejn?
Peress li l-kmamar tal-anzjani kollha taċ-Ċentru tal-Imtarfa huma bla buzzer, jista' jara li l-ħsara tiġi rimedjata mill-aktar fis possibbli?
X'ikkawża l-ħsara u għaliex ilha pendenti għal aktar minn xahrejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara maltemp qawwi fit-30 t'Ottubru li għadda kien hemm ħsara kbira fis-sistema ta' l-elettriku fid-Dar ta' l-Anzjani ta' l-Imtarfa liema ħsara affettwat is-sistema tan-nurse call system.
Wara diversi interventi mill-kuntrattur, din is-sistema ġiet irranġata.
Peress li mill-1985 'l hawn 'il fuq minn 11,000 familja tilfu l-benefiċċju tac-Children's Allowance, jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani kemm huwa n-numru ta' familji li bil-miżuri tal-Budget 2001 se jiġrilhom l-istess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21778.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbeda l-proġett ta' slum clearance f'Argotti Street, kantuniera ma' Lion Street, fil-Furjana? Ġiet allokata fabbrika alternattiva lil sid il-confectionery fl-inħawi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li saret applikazzjoni ġdida lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'forma ta' "pre-submission application" biex jista' jinbeda dan il-proġett. Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar qiegħed jistenna r-rejazzjoni ta' l-Awtorita' qabel jissottometti l-applikazzjoni formali. Hu ppjanat li x-xogħol jibda wara li jkun ħareġ il-permess u jkunu ħarġu l-offerti jiġifieri għall-bidu ta' l-2002. Sadanittant jien infurmat li għadha ma ġietx allokata l-fabbrika alternattiva lil sid il-confectionery fl-inħawi.
Għar-rigward ta' l-iskema nru. 8 maħruġa fid-19 ta' Novembru, 1999, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min kienu l-applikanti li offrew il-proprjetajiet a bażi ta' l-istess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li kien hemm 17 l-applikazzjoni taħt Skema 8 ta' l-Awtorita' tad-Djar.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi min kienu l-applikanti, n-numru ta' units, il-lokalita' u l-ammont mitlub.