Il-Ministru jaf li hemm min jieħu l-mediċini b'xejn mill-ispiżeriji tal-gvern u li dan l-aħħar qed iżommulhom riċetta ta' tlett xhur għal supply ta' xahrejn? Jekk jaf, x'inhi r-raġuni? Jekk ma jafx, x'se jagħmel biex dan ma jsirx aktar għaliex hemm lok ta' abbużi serji?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-tibdil li sar fis-sistema ta' tqassim ta' mediċini mill-ispiżeriji tal-Gvern huwa mmirat biex jaġevola lill-pazjenti. Dawn issa m'għandhomx bżonn li jmorru fl-ispiżeriji kull xahar, iżda qed jingħataw ammont li jservi xahrejn. B'din is-sistema ġie deċiż li r-riċetti s-sofor, li kienu jinqasmu fi tlieta b'kull parti valida għal xahar mediċini, issa jibdew jitqiesu bħala riċetta waħda valida għall-perjodu ta' xahrejn. F'din is-sistema ma hemm lok għall-ebda abbuż għaliex wieħed jista jivverifika li r-riċetti kollha għandhom il-partijiet kollha ntatti. Barra minn hekk fuq ir-riċetta jkun hemm imniżżel l-ammont ta' mediċini li ġew mogħtija lill-pazjent.
Is-sistema bdiet titħaddem f'Novembru 1998, għall-ewwel fil-'Postal'u f'xi distretti. Mill-ewwel bdew jidhru riżultati nkoraġġanti fin-nuqqas ta' ħela ta' ħin, l-ewwel għall-pazjenti fi kjus twal, u t-tieni għall-ispiżjara fil-mili ta' formoli. Għalhekk, is-sistema baqgħet tiġi mifruxa sakemm, issa, mill-1ta' Marzu 1999 se tibda titħaddem fl-aħħar żewg 'Health Centres' - dawk tal-Mosta u tal-Furjana.
Jista' l-Ministru jgħid huwiex veru li se terġa' tidħol is-sistema li ssir ir-riċetta għal mediċini b'xejn kull xahar u mhux għal tlett xhur kif inhi bħalissa?
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-analisi neċessarji sabiex jiġu stabiliti l-parametri li fihom irid jopera l-unit li wegħda elettorali tal-PN Nru. 170 tagħmel riferenza għalih?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minkejja li għadhom għaddew biss ħames xhur mill-ħames snin mandat li għandu dan il-Gvern, diġa saret laqgħa għolja fid-Diviżjoni biex jiġu stabbiliti prioritajiet, parametri u 'time frames' għat-twettiq tal-punti kollha fil-Programm Elettorali li jirrigwardaw din id-Diviżjoni.
Dwar punt 170 tal-Programm Elettorali ġa bdew il-proċeduri biex jiġi ngaġġat Venerioloġista, liema talba kienet ġiet rifjutata mill-Kabinett preċedenti. Id-Dipartiment se joħroġ ukoll applikazzjoni biex persuna tmur issegwi kors speċjalizzat ta' tlett snin, fl-Ingilterra.
Dan hu l-mod kif isir ippjanar serju.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1847, jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat mis-6 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Diċembru, 1998? Lil min ingħataw? Kemm tlaħħaq l-ispiża?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma kien hemm ebda 'direct order' mis-6 ta' Settembru 1998 sal-31 ta' Dicembru 1998.
L-uniċi tlett 'direct orders' ġew mogħtija lil-'Garden of Eden Garage' għal kiri ta' tlett vetturi bil-'Lift', waħda f'April 1997 u tnejn f'Novembru 1997.
Ir-rata kuljum għal kull vettura hija ta' Lm22 u l-ispiża globali sa l-aħħar ta' Jannar 1999 telgħet għal Lm34,408.00.
Qed jittieħdu l-passi neċessarji biex fil-gimgħat li gejjin jinxtraw mill-Ingilterra, vetturi 'second hand' flokhom bil-ħsieb li titnaqqas drastikament l-ispiża.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu computer scanners kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu, dipartiment, b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid il-validita' ta' dan it- ta' mistoqsija. Japprezza li tinvolvi xogħol estensiv u ħin twil, li d-Dipartiment jista' juża b'mod ferm aħjar.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna minn Tas-Sliema li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ilha li applikat għal kartuna s-safra mis-27 ta' Novembru, 1998 u għadha sal-lum ma nħarġitliex? Meta se tinħareġ din il-kartuna s-safra peress li d-dewmien qed jikkaġunalha tbatija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qatt ma saret talba fuq in-numru tal-karta ta' l-identita msemmija.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni li attendew għall-assemblea tad-WHO (Europe) ġewwa Copenhagen f'Settembru, 1998?
X'inhi l-kariga ta' kull persuna li attendiet?
Il-persuni li attendew kollha residenti Malta u għandhom ċittadinanza Maltija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-delegazzjoni li attendiet għal WHO 58 Session of the Regional Committee for Europe f'Copenhagen bejn it-13 u t-18 ta' Settembru 1998, kienet magħmula minn dawn il-persuni.
1. L-Onor Dr. L Deguara, Ministru tas-Saħħa.
2. Is-Sur S. Sciberras, Assistent Personali tal-Ministru tas-Saħħa.
3. It-Tabib J.M. Cachia, Agent Tabib Ewlieni tal-Gvern.
4. It-Tabib R. Xerri, Direttur Policy & Planning.
5. It-Tabib P. Abela Hyzler.
Il-persuni msemmija huma kollha ċittadini Maltin. Pero' t-Tabib Abela Hyzler huwa residenti l-Ingilterra.
It-Tabib Abela Hyzler attenda bħala 'Adviser' tal-Ministeru tas-Saħħa minħabba l-esperjenza vasta ta' madwar 30 sena li għandu f'dan il-qasam.
Din l-esperjenza ġiet rikonoxxuta mill-WHO stess tant li waqt il-konferenza t-Tabib Abela Hyzler ingħata 'Award' speċjali għas-servizz li hu ta f'dawn is-snin kollha.
Jista' l-Ministru jikkonferma li operazzjoni tal-Ġinekoloġija nhar it-Tlieta 2 ta' Frar, 1999 ġiet imwaqqfa, il-pazjenta ngħalqet u ntbagħtet fis-sala biex imbagħad l-operazzjoni saret mill-konsulent ftit jiem wara?
X'kienet ir-raġuni li din l-operazzjoni twaqqfet fit-2 ta' Frar, 1999?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minħabba l-kunfidenzjalita medika tal-każ, lest li nuri rapport li għandi dwaru b'mod kunfidenzjali, lill-Onor. Interpellant, jekk kemm il-darba l-Onor. Interpellant ikollu f'idejh il-kunsens bil-miktub f'dan is-sens mingħand il-pazjenta kkonċernata.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ispetturi tas-saħħa m'għamlu l-ebda spezzjoni fit-tuck shops ta'l-iskejjel ta' l-Istat minkejja t-talba li saret mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fl-1 ta' Ottubru, 1998? Peress li skond il-Ministru ta' l-Edukazzjoni saret talba oħra fl-10 ta' Diċembru, 1998, jista'l-Ministru jgħid jekk sarux spezzjonijiet? F'liema skejjel?
Peress li l-iġjene u l-kwalita' ta' prodotti li jinbiegħu lill-istudenti huwa importanti minħabba s-saħħa tagħhom, jista' l-Ministru jara li dawn l-ispezzjonijiet isiru aktar spissi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fl-10 ta' Diċembru 1998 id-Dipartiment tas-saħħa rċieva kommunikazzjoni dwar spezzjonijiet ġo skejjel ta' l-istat mingħand id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni. Il-lista ta' dawn l-iskejjel ġiet mgħoddija lid-Dipartiment tas-Saħħa fis-16 ta' Diċembru 1998 u sussegwentement l-ispetturi tas-saħħa ġew ordnati jesegwixxu l-ispezzjonijiet neċessarji sa qabel l-aħħar ta' Dicembru 1998.
Rapport ta' l-ispezzjonijiet ta' l-iskejjel skond il-lista mibgħuta intbgħatet lid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni fit-28 ta' Diċembru 1998. Rapport fuq żewġ skejjel partikolari li kienu nstabu magħluqa minħabba l-vaganzi tal-Milied ġew spezzjonati aktar tard u rapport dwarhom intbgħat lid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni fit-12 ta' Jannar 1999. Lista ta' l-iskejjel spezzjonati hija annessa.
Spezzjonijiet oħra f'dawn l-iskejjel huma ppjanati li jsiru skond l-Att dwar l-Edukazzjoni 24 tal-1988 u l-Avviż Legali 150 tal-1990 sabiex tiġi żgurata l-iġjene u l-kwalita' ta' prodotti li jinbiegħu lill-istudenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Diċembru, 1998 fl-School Dental Clinic tal-Furjana? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' transfers mis-6 ta' Settembru 1998 sal-31 ta' Diċembru 1998 fl-School Dental clinic tal-Furjana huwa wieħed (1). Dan sar minħabba l-esiġenzi tas-servizz. Transfers jibqgħu isiru, bħal ma' dejjem sar, skond il-ħtiġijiet tad-Dipartiment u l-esiġenzi tas-servizz.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1847, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għandux karozzi mikrija miegħu? Jekk għandu, jista' jgħid min huma l-kerrejja? Kemm tlaħħaq l-ispiża kuljum? Il-kirjiet qed isiru permezz ta' kuntratt li għalih ħarġu l-offerti jew permezz ta' direct orders? Minn min qed jintużaw?
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani tal-gvern għat-tkomplija tax-xogħol fl-isptar f'Tal-Qroqq? Hemm data meta l-isptar se jibda jiffunzjona u jekk fl-affermattiv, meta? Xi pjani hemm maħsuba biex ikun hemm nurses imħarrġa għall-bżonnijiet ta' l-isptar il-ġdid u l-bżonnijiet ta' l-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
* Il-pjani tal-gvern huma hekk kif miftehma fil-'Memorandum of Understanding'
* Ma hemmx data għal meta ser jibda jiffunzjona l-isptar.
* It-taħriġ ta' l-infermiera, qiegħed isir fuq bażi regolari biex l-infermiera, jkollhom it-taħriġ meħtieġ anke qabel jinfetaħ l-isptar il-ġdid.
* Qed isiru wkoll kuntatti ma' Universitajiet barra minn Malta, biex inkunu nistgħu nibbenifikaw minn courses jew inġibu 'credits' għall-courses tagħna minn għandhom.
B'riferenza għall-perjodu l-1 ta' Novembru, 1998 u l-31 ta' Jannar, 1999 u għad-dekasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: (1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (2) lil min intalbu quotations; (3) kemm kienet kull kwota; (4) min rebaħ il-kuntratt; (5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv fiex kienu jikkonsistu u kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Bejn l-1ta' Novembru 1998 u l-31ta' Jannar 1999 ma ngħataw ebda kuntratti ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini mill-Ministeru tas-Saħħa u dipartimenti li jaqgħu taħtu.