Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment ta' l-edukazzjoni — Collective agreement ta' skrivana

Question

Jista' il-Ministru jara fiex wasal il-każ tal-collective agreement ta' l-iskrivana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li skond ir-records ta' dan il-Ministeru, ma jeżisti l-ebda każ pendenti dwar il-persuna imsemmija.

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Part-time clerks

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7125, jista' il-Ministru jgħid jekk fil-każ li dawn il-part-time clerks ma jħallsux il-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali f'dan il-perjodu msemmi, jiġux ikkonsidrati li mhux qed ikollhom kontinwita' fil-ħlas ta' din il-kontribuzzjoni għall-fini tal-pensjoni li jistgħu jingħataw fil-futur?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob lil Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Persuna Maltija li trabbiet barra — Dħul fil-junior college

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk persuna Maltija li trabbiet barra u ilha tgħix Malta għal ħames snin, tirrikjedix pass minn ħamsa 'il fuq biex tidħol il-junior college?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din l-istudenta tinħtieġ l-istess kwalifiki ta' dħul għal Junior College bħall-istudenti Maltin l-oħra.

Kindergarten taz-Zejtun — Tinda fil-ground

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-FTS qed jippjanaw sa biex tiġi mwaħħla tinda fil-Kindergarten taż-Żejtun sabiex tipproteġi lit-tfal żgħar mill-qilla tax-xemx waqt li dawn jinħarġu jilagħbu fil-grounds ta' l-iskola? Meta huwa ppjanat li teħel din it-tinda? Jekk il-proċess se jieħu aktar fit-tul u mhux se titwaħħal fil-ġimgħat li ġejjin, jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li tinkera tinda temporanja b'mod speċjali issa li r-raġġi UV bdew jitilgħu f'livelli perikolużi għat-tfal żgħar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kwalunkwe xogħol meħtieġ għandu bżonn il-permess tal-MEPA. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada issottomettiet applikazzjoni għal dawn ix-xogħolijiet.

Impjiegi — Ħaddiema li ngħataw is-sensja

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw sensji f'April 2004 u maqsuma skond l-etajiet - dawk taħt it-30 sena u dawk ta' 'il fuq minn 30 sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' sensji li ngħataw f'April 2004 maqsuma skond l-etajiet kien hekk :- Sensji Taħt il-25 sena Minn 25 sena 'il fuq Total April 2004 71 126 197 Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma tiġborx statistika skond il-faxex ta' eta' kif indikat fil-mistoqija.

Settur tal-mainfattura — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm jimpjega nies is-settur tal-manifattura maqsum skond id-daqs (numru ta' impjegati 1-10, 10-50, 50 -100, 100 - 500 u 500 u aktar)?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-aħħar ta' Frar 2004 kien hemm 27,224 ħaddiema 'full time' mpjegati fis-settur tal-manifattura. Daqs ta' mpjegati 1-9 10-49 50-99 100-499 500+ Total Numru ta' ħaddiema 6.882 6,210 2,276 7,605 4,251 27,224 Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma tiġborx statistika skond id-daqs ta' numru ta' mpjegati kif indikat fil-mistoqsija.

ETC — Persuni ta' nazzjonalita' barranin li applikaw biex jaħdmu f'pajjiżna

Question

Jista' il-Ministru jindika n-numru ta' persuni jew ħaddiema barranin li applikaw mal-ETC biex jibdew jaħdmu f'Malta mill-1 ta' Mejju li għadda sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Korporazzjoni ma toħroġx permessi għax-xogħol għal ħaddiema barranin. Din l-informazzjoni tinżam mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-Barranin.

Universita' — Fakulta' ta' l-Inġinerija Elettrika

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-riċerki għat-teżijiet ta' l-istudenti tal-Fakulta' ta' l-Inġinerija Elettrika hux se jiġu ffinanzjati mill-Universita' ta' Malta, bħas-snin ta' qabel, jew hux se jiġu imposti fuq l-istudenti stess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita' qed tirriserva l-pożizzjoni tagħha sakemm tkun tak il-Budget allokat għaliha.

Skola Primarja — Birkirkara

Question

Jista' il-Ministru jara li xi ħadd jindaga l-istat tat-toilets fl-iskola Primarja B fi Triq Brared Birkirkara għaliex jinsabu fi stat ħażin?

Response (GALEA, LOUIS)

Huwa fatt li t-toilets fl-Iskola Primarja B fi Triq Brared Birkirkara huma antiki u jeħtieġ li jinbidlu. Dan hu wieħed mix-xogħolijiet li ġew identifikati lill-FTS biex isir.

ETC

Question

Jista' il-Ministru jindika l-ammont ta' żgħażagħ li ħadu sehem fl-iskema ta' l-ETC fejn żgħażagħ bla xogħol jinstabilhom impjieg temporanju u bla paga, permezz ta' l-ETC, u kemm minnhom ġew miżmuma biex jaħdmu permanentement mill-employer tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn Ottubru 2003 sa Mejju 2004, f'Malta ġew ingaġġati 41 parteċipant fil-Job Experience Scheme. Minn dawn 6 għadhom fl-iskema. Mill- 35 parteċipant li ikkonkludew l-iskema; 51% (18 il-persuna) - Qegħdin fl-impjieg li fosthom 22% għadhom mal-istess impjieg. Ta' min jgħid li xi wħud mill-parteċipanti ma setgħux jinżammu fl-impjieg minħabba li kienu qed jieħdu esperjenza ta' xogħol f'Azjendi tal-Gvern. 23% (8 persuni) - reġgħu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol. 26% (9 persuni) - ma nafux il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, għaliex la qegħdin jaħdmu u lanqas jirreġistraw. Minn stħarriġ li għamlet il-Korporazzjoni ħafna minn dawn ikunu qed jaħdmu imma għadhom mhux irreġistrati mal-Korporazzjoni. Għalhekk, min iħaddem ikun mitlub jimla' l-formoli meħtieġa bil-liġi. Il-Korporazzjoni qegħda tagħmel kampanja t'informazzjoni sabiex tħajjar l-employers jagħtu din l-opportunita' ta' xogħol lil żgħżagħ li jkuku qatt ma ħadmu. B'hekk negħlbu d-diffikulta' li jsibu ż-żgħażagħ biex isibu l-ewwel impjieg tagħhom.

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol taħt il-Part 1

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' dawk bla xogħol u li qed jirreġistraw taħt il-Part 1 ma' l-ETC li huma mir-Raba' u mid-Disa' Distretti elettorali?

Response (GALEA, LOUIS)

Skond l-informazzjoni li għangha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, in-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol taħt il-Part 1 fl-aħħar ta' Ġunju 2004; mir-Raba' Distrett kin hemm 647 persuna, filwaqt li mid-Disa' Distrett kien hemm 523 persuna.

Skejjel tal-Knisja — Fondi mgħoddija mill-gvern

Question

Jogħġbu l-Ministru jindika l-ammont ta' flus li l-Gvern Malti għadda lill-iskejjel tal-Knisja din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont ta' flus li l-Gvern Malti għadda lill-iskejjel tal-Knisja sa Awissu ta din is-sena (2004) kien ta' Lm7,223,667.

Skejjel — Assenteiżmu

Question

Peress li jidher li d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni hija nkwetata minħabba l-assenteiżmu fis-sena skolastika li għaddiet, jista' il-Ministru jgħid x'se jsir matul din is-sena biex isir sforz ħalli dan jitnaqqas? Kemm fil-fatt kien l-ammont ta' tfal li m'attendewx l-iskola fis-sena skolastika li għaddiet f'kull livell?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Ministeru u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni isostnu li anke jekk tifel jew tifla waħda jfallu mill-iskola din hija raġuni biżejjed biex wieħed jinkwieta. Bħalissa qed nieħu passi biex naġġorna l-policy u l-azzjoni f'dan is-settur. Ser inwaqqaf 'School Attendance Improvement Taskforce'. L-objettiv ewlieni ta' dan it-taskforce huwa li janalizza s-sitwazzjoni ta' l-assenteiżmu f'pajjiżna, jipproponi pjan straġetiku u linji ta' gwida konkreti ta' azzjoni għall-iskejjel. Huwa l-ħsieb li dan ix-xogħol ikun lest sa nofs is-sena d-dieħla. Sadanittant ix-xogħol tal-ħaddiema soċjali fl-iskejjel ikompli. Barra minn hekk huwa wieħed mill-għanijiet prinċipali tas-servizz għall-istudenti fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li jgħinu l-istudenti ta' eta obbligatorja jattendu l-iskola f'aħjar kundizzjonijiet possibli. Kull xahar, l-iskejjel jirrapurtaw dawk l-istudenti kollha li jkunu fallew l-iskola, mingħajr raġuni valida. Is-Sezzjoni ta' Ħidma Soċjali fl-Iskejjel tara li l-istudenti jattendu l-iskejjel regolarment. Minn naħa tagħhom il-ħaddiema soċjali jagħmlu l-interventi neċessarji, skond il-każ li jkun. Dan permezz ta' żjarat fid-djar u fl-iskejjel, laqgħat mal-ġenituri u t-tfal fl-iskejjel u kif ukoll fid-Dipartiment. Dawn l-interventi huma kollha mmirati sabiex: joħolqu iżjed għarfien qalb in-nies, dwar l-importanza tal-edukazzjoni. Il-Ħaddiem Soċjali jkun jista' jara' xi jkun qiegħed ifixkel lill-ġenituri, milli jibgħatu l-uliedhom l-iskola. Il-Ħaddiem Soċjali juża l-mezzi kollha possibli, sabiex jgħin lill-familja issolvi, jew ittaffi, dawn il-problemi. Meta l-ġenituri/studenti ma jikkoperawx, u l-assenteiżmu, mingħajr raġuni valida jkompli, jittieħdu passi fil-konfront tal-ġenituri. Sena Skolastika 2003-2004 Informat li n-numru ta' każijiet ta' studenti li ġew irraportati li fallew anke ġurnat waħda mill-iskejjel tal-Gvern (Malta u Għawdex) hu kif ġej: Skejjel Primarji 2,035 Skejjel Sekondarji 7,076 Liċej 1,363 Għandu joħroġ ċar li l-istatistika kkwotata ma tfissirx li l-istudenti kollha kienu assenti mill-iskola għall-żmien twil. Filwaqt li numru min dawn huma 'habitual absentees', pero l-maġġoranza jkunu tilfu xi ġurnata jew tnejn skola mingħajr raġuni valida u jiġu rrapurtati.

Skejjel ta' l-Istat — Letteratura Ingliża

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6588, jista' il-Ministru jgħid kemm mill-1,337 subien u 1,637 bniet ġejjin mill-iskejjel ta' l-Istat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'Mejju 2004, l-eżami tal-letteratura Ingliża fil-livell tas-Sec resqu għalih 417 subien u 884 bniet mill-iskejjel ta' l-Istat u 720 subien u 753 bniet mill-iskejjel tal-Knisja, skejjel Indipendenti u kandidati privati.

Librerija pubblika — Xiri ta' kotba

Question

Jista' il-Ministru jindika l-ammont ta' flus minfuqa din is-sena fuq xiri ta' kotba ġodda mil-librerija pubblika u minn kull waħda mil-libreriji reġjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Librerija Pubblika Ċentrali matul l-2004 sa Awissu 2004, nefqet l-ammont ta' Lm4151.46 f'kotba ġodda. Informat ukoll li l-Librerija reġjonali li minnhom hawn sebgħa (B'Kara, Mosta, Rabat, Birgu, Paola, Qormi u Luqa) nefqu l-ammont ta' Lm300 kull wieħed f'kotba ġodda, għal total ta' Lm2100.

Skejjel tal-Knisja — Fondi mgħoddija mill-gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet is-somma totali li tħallset mill-gvern lill-iskejjel tal-knisja bħala parti mill-ftehim biex jitħallsu l-għalliema, eċċ.? Kemm ħadet kull skola individwalment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont li se jingħata lil-iskejjel tal-Knisja għal din is-sena skond l-estimi finanzjarji tal-Gvern (kif riveduti) jiġifieri sa' Diċembru 2004, huwa ta' Lm10,900,000. L-ammont li tiehu kull skola individwalment huwa amministrat mit-taqsima edukazzjoni tal-Knisja skond il-bżonn ta' kull skola, liema ammont jiġi imqassam skond is-sena finanzjarja Jannar-Diċembru, u għalhekk l-ammont li jingħata lil kull skola ikun magħruf kif tagħlaq is-sena finanzjarja li tispiċċa f'Diċembru 2004.

Skejjel tal-Knisja — Fondi mgħoddija mill-gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jitħallas lill-iskejjel tal-knisja fis-sena skolastika li jmiss bħala finanzjament mill-Gvern?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont li jgħaddi l-Gvern lil Knisja jiġi mogħti fuq bażi ta' l-estimi tas-sena finanzjarja tal-Gvern, jiġifieri minn Jannar sa Diċembru, u fil-fatt il-Knisja tagħmel it-talba tagħha fuq il-bażi tas-sena normali u mhux fuq bażi ta' sena skolastika. L-ammont għas-sena finanzjarja 2005 jiġi definit fl-Estimi tal-Gvern għal dik is-sena kif jiġu pubblikati aktar tard din is-sena.

Skejjel indipendenti — Żieda fil-miżati

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel indipendenti li nformaw lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni li se jgħollu l-miżati għas-sena skolastika li jmiss? B'kemm għolew il-miżati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li li kien hemm 12 il-skola indipendenti li nfurmaw lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar żieda fil-miżati għas sena skolastika 2004-2005. L-ismijiet ta' l-iskejjel u ż-żidiet fil-miżati ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bormla — Skola primarja - lift

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li kellu jsir lift fl-iskola primarja ta' Bormla? Jista' jgħid jekk il-lift sarx? Jista' jgħid jekk hux minnu li l-lift tħallas qabel sar ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li qegħdin isiru preparamenti biex jinbena lift shaft ta' l-iskola primarja ta' Bormla. Il-kuntratt tal-lift ġie awarded u saru ħlasijiet in parti hekk kif stipulat skond l-offerta rispettiva .

Dipartiment ta' l-edukazzjoni — Applikazzjonijiet għal supply teachers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw fl-aħħar sejħa li saret għal supply teachers? Kemm minnhom ġew impjegati u fejn qed jaqdu d-doveri tagħhom? Jista' jgħid min huma dawk li ntagħżlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għall-aħħar sejħa li saret għal Supply Teachers fis-Settur Primarju kien hemm 34 applikant. L-interviews saru f'April tas-sena 2003 u minnhom għaddew 22. Ma ġie impjegat ħadd minnhom għaliex id-Dipartiment ma ġiex bżonnhom. Informat ukoll li għall-aħħar sejħa li saret għal Supply Teachers fis-Settur Sekondarju kien hemm 129 applikant. 15 kienu impjegati minnhom u qed jaqdu d-dover tagħhom f'dawn l-iskejjel : Fortini Boys' Secondary, Ħamrun Girls' School, Żurrieq Boys' Secondary, St Luċija Girls' Junior Lyceum, Victoria Girls' Secondary / Junior Lyceum, Mrieħel Girls' Junior Lyceum, Marsa Boys' Secondary, Sandhurst Girls' Junior Lyceum, Victoria Boys' Secondary / Junior Lyceum, Paola Boys' Secondary, Ħamrun Girls' Secondary, Verdala Boys' Junior Lyceum.