Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #23528 Sitting 498 2001-02-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Junior College u Universita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-Ministeru biex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-Junior College u l-Universita' u ma tibqax is-sitwazzjoni ta' upstairs u downstairs fejn tal-Junior College qed iħossu li huma stmati inqas mill-kollegi tagħhom fl-Universita' u jħossu ħafna anzjeta' u inċertezza dwar il-futur tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tagħrif li skambjajt ma' l-Onor. Membru fil-Parlament nhar il-Ġimgħa, 2 ta' Frar, 2001.
Leg 9 PQ #23529 Sitting 498 2001-02-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel Primarji — Kompjuters

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel primarji ta' Malta u Għawdex, it-tfal tal-ħames sena għadhom mhumiex jużaw il-kompjuters fil-klassi għax għal xi raġuni jew oħra l-apparat ma wasalx jew l-installazzjoni meħtieġa ma saritx?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li wara li d-Dipartiment tal-Kuntratti kellu diffikultajiet b'wieħed mill-kuntratturi mogħti l-appalt, l-istess Dipartiment, wara rakkomandazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, assenja x-xogħlijiet relattivi lil kuntrattur ieħor li lesta x-xogħlijiet meħtieġa għajr id-'data network' fl-iskola tal-Fgura li sejrin jiġu segwiti fil-ġranet tal-Karnival biex ma joħolqux disturbi lill-iskola stess. Issa il-MITTS Ltd qegħdin fil-proċess li jinstallaw il-Kompjuters f'dawn il-klassijiet u ġejna assigurati li sa tmiem il-ġimgħa li ġejja kollox ikun f'postu biex l-istudenti kollha tal-ħames sena jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom. Ta' min jingħad li fl-istess proċess l-istallazzjoni tas-sitt sena se tkun kompluta biex b'hekk l-istudenti tas-sitt sena jkunu jistgħu jużaw il-Kompjuters fil-bidu tas-sena skolastika 2001-2002.
Leg 9 PQ #23530 Sitting 498 2001-02-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skolasajf

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'kull skola ta' Malta u Għawdex kemm kien hemm tfal li attendew skolasajf? F'kull skola kemm inġabru flus mit-tfal biex ikunu jistgħu jattendu? X'sar mill-flus li nġabru minn kull skola għal skolasajf? Kien hemm xi każi fejn inġabru l-flus mit-tfal u nżamm minn min ġabarhom? X'passi ttieħdu jekk kien hemm każi bħal dawn?

Response (GALEA, LOUIS)

Jista' l-Onor. Membru jispeċifika liema sena qiegħed jirreferi?
Leg 9 PQ #23578 Sitting 498 2001-02-19 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Persuni b'diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proposti mressqa mill-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita' dwar kif il-kumitat li jeżamina talbiet mill-istudneti b'diżabilita' fl-Universita' li jitolbu provvedimenti differenti waqt l-eżamijiet biex huma jkollhom opportunitajiet indaqs, jista' jiffunzjona aħjar, intlaqgħux? Jekk iva, xi proposti ġodda ġew aċċettati, jekk le, għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat mill-Universita` li l-proposti intlaqg[ħu kollha u t-talbiet ta' l-istudenti għas-sessjoni ta' l-eżamijiet li ser isiru din is-sena, u li kienu mimlija kif mitlub, diġa' ġew ikkunsidrati u deċiżi mill-Kumitat tal-Ħtiġijiet Speċjali ta' l-Universita'. Id-deċiżjonijiet ġew mgħoddija lil MATSEC u l-istudenti konċernati dalwaqt ikunu nfurmati bid-deċiżjonijiet meħuda.
Leg 9 PQ #23455 Sitting 496 2001-02-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Sliema - Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol fuq ir-riabilitazzjoni tal-bini ta' l-iskola primarja ta' Tas Sliema? X'xogħol mistenni jsir fis-snin 2001, 2002 u 2003, sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond il-pjan preżenti t-Taqsima tax-Xogħlijiet qiegħdha tħejji offerta għal xogħlijiet fl-iskola msemmija. Fl-2001 hu mistenni li jsir xogħol ta' żarmar tat-taraġ ta' ġewwa u l-armar tiegħu mill-ġdid. Fl-2002 jingħata bidu għar-ristrutturar tal-faċċata filwaqt li jinbdew ix-xogħlijiet ta' riabilitazzjoni fuq ġewwa li huma previsti li jintemmu sa' l-aħħar ta' l-2003.
Leg 9 PQ #23456 Sitting 496 2001-02-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Hamrun Junior Lyceum

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti bla għalliema regolari tal-Franċiż fil-junior lyceum tal-Ħamrun (subien)? Meta se jkollhom l-għalliema meħtieġa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-Junior Lyceum tal-Ħamrun (subien) ma hemm ebda student li m'għandux għalliem regolari. Kien hemm perjodu fejn waħda mill-għalliema kienet fuq sick leave u l-lezzjonijiet tagħha ingħataw minn għalliema oħra. M'hemm ebda ħtieġa ta' aktar għalliema f'din l-iskola.
Leg 9 PQ #23459 Sitting 496 2001-02-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ħamrun - skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkollhom għalliem regolari l-istudenti tal-klassi 6c ta' l-iskola primarja Dun Gorg Preca, Ħamrun? X'qed isir biex l-istudenti ma jkomplux jitilfu ħin prezzjuż biex jiġu edukati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti tal-klassi 6C ta' l-iskola primarja Dun Ġorġ Preca, Ħamrun, għandhom għalliema regolari li ilha magħhom mill-bidu tas-sena skolastika.
Leg 9 PQ #23399 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Monumenti Storiċi — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-monumenti storiċi li din is-sena se jsir manutenzjoni \ restawr fuqhom? Fejn? Kemm ġie ivvutat din is-sena għal dan il-għan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li se jsir manutenzjoni jew restawr fuq dawn il-monumenti storiċi: Palazz ta' l-Inkwiżitur u Mużew Marittimu (il-Birgu): Mużew ta' l-Arti (il-Belt): Mużew ta' l-Istorja Naturali (Mdina): il-Mużew ta' l-Arkeoloġija (il-Belt): il-Mużew tal-Gwerra (il-Belt). Għal dan il-għan ġew allokati Lm335,300.
Leg 9 PQ #23400 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tempji Storiċi — Restawr / Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie ivvutat din is-sena għar-restawr / manutenzjoni ta' tempji storiċi? Liema huma dawk it-tempji li matul din is-sena finanzjarja se jsir restawr / manutenzjoni? Liema xogħol se jsir? Fejn?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għal din is-sena, huwa maħsub illi n-nefqa fuq ir-restawr tat-tempji preistoriċi ikun ta' Lm45,000. Din il-figura mhix assoluta u tista' tkun riveduta. Lm19,700 ġew allokati għal dik li hija manutenzjoni ta' dawn l-istess tempji. It-tempji konċernati huma: Ħaġar Qim, Ġgantija, Mnajdra, Tarxien, Skorba. Xogħol li ser isir huwa kif ġej: Ħaġar Qim: Ilqigħ ta' "Scaffolding": Rikostruzzjoni ta' parti ikkolasata: Riċerka permezz ta' "weather station": Tqegħid ta' "Information Penals": Proċessar ta' "design briefs" għal ċentru ta' viżitaturi. Mnajdra: Bini ta' ħajt protettiv: Tender documents għal survey ta' fotogrammatirija. Ġgantija: Ilqigħ ta' scaffolding: Tender documents għal survey ta' fotogrammatrija. Tarxien: Rikostruzzjoni ta' ħajt: Proċessar ta' Tender Documents għal survey ta' fotogrammatrija. Skorba: Xogħol ta' manutenzjoni fil-ħajt protettiv.
Leg 9 PQ #23401 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tobba/Dentisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika, kemm saru visti minn tobba / dentisti fl-iskejjel ta' l-Istat? Kemm saru fl-iskejjel privati u tal-knisja? X'kienet l-għan ta' kull żjara?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. (Appendix 1 - It-tobba tas-Servizz Mediku fl-iskejjel tad-Diviżjoni tas-Saħħa: Appendix 2 - It-tabib tas-Servizz Mediku ta' l-Edukazzjoni fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni: Appendix 3 - Id-Dentisti tas-Servizz tad-Dentisti fl-Iskejjel fi ħdan id-Diviżjoni tas-Saħħa.)
Leg 9 PQ #23427 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għajnuna għal studenti overweight

Question

Jista' l-Ministru jgħid jeżistix program biex jingħataw pariri/għajnuna biex studenti li huma overweight jnaqqsu mill-piż tagħhom? Meta tobba jżuru l-iskejjel biex jeżaminaw lill-istudenti jagħmlu rakkomandazzjoni f'dan is-sens?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tweġiba tinqasam fi tnejn: 1. It-tobba tas-Servizz Mediku fl-iskejjel fi ħdan id-Diviżjoni tas-Saħħa: "Ix-xogħol tat-tobba u l-infermiera jinkludu wkoll programm ta' promozzjoni tas-saħħa fejn jingħataw pariri fuq bażi personali lill-ġenituri kif ukoll jiġu organizzati "talks" fl-iskejjel, kemm għall-ġenituri u għat-tfal. 2. It-tabib tas-Servizz Mediku ta' l-Edukazzjoni fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni: Is-Servizz Mediku ta' l-Edukazzjoni ma għandux programm separat fir-rigward ta' studenti li għandhom piż żejjed. Madanakollu, pariri u informazzjoni fuq dan is-suġġett tingħata kull meta tkun mitluba, u partikolarment waqt is-seminars li jsiru barra mill-iskejjel għall-istudenti l-kbar ta' l-iskejjel sekondarji.
Leg 9 PQ #23453 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Sliema - Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkollhom għalliema regolari l-istudenti tas-sitt klassi B tal-Primarja ta' Tas Sliema? X'sar mill-istudenti ta' din il-klassi li sfaw bla għalliema fil-ġimgħat li għaddew? Kif se jirbħu dak li tilfu bla għalliem regolari?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Għalliem regolari ta' din il-klassi ħareġ bis-'sick leave' fil-bidu ta' Jannar, 2001, u ma kien hemm ebda indikazzjoni li se jtawwal. Kien għalhekk li fis-26 ta' Jannar, meta baqa' fuq is-'sick leave' intbagħtet għalliema oħra għal din il-klassi. L-Għalliema hi waħda kwalifikata u għalhekk it-tfal għandhom kull għajnuna biex jirkupraw dak li tilfu.
Leg 9 PQ #23539 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Adult Training Centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk adult training centres għal persuni b'diżabilita' hux se jkunu f'qagħda li jieħdu l-istudenti li s-sena d-dieħla se jispiċċaw mill-Ispecial Schools? Hemm xi pjanijiet ġodda kif dawn l-adult training centres jistgħu jiżviluppaw programmi li jhejju aħjar lil dawn iż-żgħażagħ kemm għal qasam tax-xogħol kif ukoll għall-oqsma oħra fil-ħajja? X'inhuma dawn il-pjanijiet, jekk iva?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex ipoġġi l-mistoqsija lill-Ministru tal-Politika Soċjali.
Leg 9 PQ #23544 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Fakulta ta' l-Arkitettura

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-fakulta' ta' l-arkitettura ta' l-Universita' għadha m'aċċettatx li l-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita' tagħti serie ta' lectures fuq issues dwar id-diżabilita lill-istudenti biex tikber l-awareness u jkunu jistgħu jithejjew aħjar dwar l-issue ta' l-aċċessibilita' fil-bini f'pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-suġġett ta' aċċessibilita' għal persuni b'diżabilita' huwa nkluż fil-Kurrikulu tal-Fakulta' u jingħata importanza fix-xogħol tad-disinn lill-istudenti. Informat ukoll li d-Dekan tal-Fakulta' se jkollu laqgħa maċ-Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' bl-iskop li jsiru l-arranġamenti neċessarji għal koperazzjoni bejn il-Fakulta' u l-Kummissjoni.
Leg 9 PQ #23551 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Żejtun — Kunsill Lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna ġiet mitluba mill-kunsill lokali taż-Żejtun minn Ottubru 1998 sal-lum u għaliex? Jista' jgħid ukoll x'għajnuna ngħata l-istess kunsill u fiex kienet tikkonsisti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Lokali taż-Żejtun baqa' jinsisti fuq talba għal Lm3000 għotja għat-tkomplija taċ-Ċentru Sportiv San Girgor. Wara li qies l-għajnuniet lil diversi Assoċjazzjonijiet u Kunsilli Lokali oħra ma' Malta u Għawdex matul is-sena, is-Segretarju Parlamentari offra massimu ta' Lm1000 liema offerta ma ġietx aċċettata minn dan il-Kunsill. S'issa l-kunsill kien irċieva Lm6500 f'għajnuna għall-istess proġett. Madanakollu fl-okkażjoni ta' l-inawgurazzjoni taċ-Ċentru f'Novembru 2000, id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport bagħat tlett ħaddiema biex jgħinu fl-immarkar bil-linji tal-multipurpose hall. Dan ix-xogħol dam tlett ijiem. Barra minn dan il-Kumitat 'Sport for All' ipprovda s-servizz ta' sport leader biex jgħin fl-attivitajiet sportivi fil-lokal.
Leg 9 PQ #23552 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Foundation for International Studies

Question

Jista' l-Ministru għid x'ħidma twettqet mill-Foundation for Intenational Studies minn Ottubru 1998 sal-lum? Jista' jgħid ukoll x'ħidma hemm il-ħsieb li titwettaq matul din is-sena? Min huma l-persuni nvoluti f'din il-ħidma?

Response (GALEA, LOUIS)

Kopja tar-rapporti annwali tal-Fondazzjoni għas-snin 1998 - 1999 flimkien ma' lista ta' l-impjegati attwali se ngħaddihom lill-Onor. Membru.
Leg 9 PQ #23553 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma saret minn Ottubru 1998 sal-lum mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija? Min hija l-persuna nkarigata minn dan il-kunsill? Jista' jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li ċ-chairperson ta' dan il-kunsill irriżenja?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #23559 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Agreement mal-Gvern Svizzeru

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 23357?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Gvern Malti ma ngħatax flus direttament mill-Gvern Svizzeru, imma l-Gvern Svizzeru ħallas l-ispejjeż tat-taħriġ u l-akkomodazzjoni. L-għadd ta' għalliema li ntbagħtu għal kors fl-Isvizzera fis-sena 2000 kien ta' sitta (6). Il-korsijiet kienu jkopru aspetti varji li jinkludu: * Analogue and Digital Electronics * Operational Amplifiers/Sensors/Transducers * Position Control Systems * Induction Motors & Applications * Simulation Systems and Experiments * Transformer Testing. L-istudenti ggwadanjaw ħafna b'riżultat tal-korsijiet imsemmija għaliex l-għalliema kienu aġġornati mhux biss fis-suġġett, iżda wkoll dwar aspetti prattiċi u pedagoċiċi.
Leg 9 PQ #23589 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kalkara — Klieb

Question

Jista' l-Ministru jara li jinġabru l-madwar sitt iklieb kbar li hemm jiġġerrew mat-toroq ta' l-industrial estate fir-Ricasoli, Kalkara?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #23355 Sitting 494 2001-02-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Ġdida f'Bormla

Question

Jista' l-Ministru jgħid tistax tiġi ikkunsidrata bis-serjeta' l-proposta ġusta li saret mill-Kunsill Lokali ta' Bormla biex tinbena skola primarja ġdida tal-lokal għax tirranġa kemm tirranġa fil-bini tal-iskola eżistenti, xorta mhux se tiġi fi stat li jixraq lit-tfal Bormliżi fis-seklu 21?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa' kelli l-opportunita` ngħid fil-pubbliku issa ilna ċertu żmien li bdejna nikkonsidraw il-bini ta' skola ġdida f'din il-belt.